Wieħed mill-akbar
ekonomisti Kanadiżi, John K Galbraith stqarr li ‘Il-migrazzjoni hija l-eqdem
azzjoni kontra l-poverta. Hija tagħżel
lil dawk li l-aktar iridu għajnuna. Hija
tajba għall-pajjiż li jmorru fih waqt li tgħin tkisser l-ekwilibriju ta’
poverta fil-pajjiż li ġejjin minnu.”
Fi kliem ieħor
l-immigrazzjoni tħaffef dak il-pajjiż li niesu jitilqu minnu hekk kif ix-xogħlijiet
ta’ min telaq jintirtu minn min jibqa’ hemm.
Normalment l-immigrant ukoll imur fejn hemm xogħol aktar minn pajjiżu. L-immigrant huwa bniedem ħawtiel, kuraġġjuż u
imprenditur. Fejn se jmur jaf li se
jkollu jaħdem aktar min-nies tal-lokal.
Minflok mgħarfa tal-fidda, tistennieh normalment isib pala tleqq daqs
il-fidda.
F’Malta dan
il-fenomenu rajnieh fis-sittinijet meta eluf ta’ Maltin salpaw lejn
l-Awstralja. Illum il-ġurnata
l-affarijiet huma bil-kontra. Hawn aktar
nies ġejjin fid-direzzjoni ta’ Malta milli jitilqu. Minkejja influss qawwi ta’ persuni, il-qgħad
qatt ma kien baxx daqs illum. Għax min
jaħdem, mhux neċessarjament jieħu xogħol ħaddieħor, imma wkoll joħloq xogħol
għal ħaddieħor.
Biss mhux kull
immigrant huwa l-istess. Hawn min hu
abjad, hawn min hu ġinġer. U hawn min hu
iswed u mill-Mali.
Jidher li waqt
l-aħħar summit li seħħ f’Malta bejn il-pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani ntlaħaq
xi forma ta’ ftehim mal-gvern tal-Mali, biex il-pajjiżi Ewropej jiddeportaw
lura immigranti ġejjin mill-Mali kontra ħlas.
Kif l-Unjoni Ewropea, li fuq kollox hija bbażata fuq prassi ta’ anqas
fruntieri u aktar libertà fil-moviment tal-persuni setgħet taħseb fi ftehim
bħal din jiskantani u jħassibni. Il-Mali
huwa wieħed mill-għaxar pajjiżi l-aktar foqra fid-dinja. In-numru tal-immigranti ġejjin minn dan
il-pajjiż mhuwiex xi wieħed predominanti.
Li tagħmel ftehim ma’ xi ħadd fqir u li forsi huwa dahru mal-ħajt juri
nuqqas ta’ sensittività mill-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern Malti
kważi tfixkel f’saqajh stess fil-għaġla li qabditu biex jattwa dan
il-ftehim. Ma talab ebda deroga, anzi
donnu ried jidher bħala paladin ta’ dan il-ftehim. F’jum wieħed f’Novembru ġabar madwar 30
persuna li għandhom xi konnessjoni mal-Mali u tefagħhom f’detenzjoni f’Ħal
Safi. Ftit wara ġiet delegazzjoni minn
Mali biex tidentifika lil dawn il-persuni maqfula. Ħafna minnhom ma jidhrux li ġew identifikati
bħala ċittadini tal-Mali, u lejlet il-Milied, wara aktar minn xahar ġewwa
inħelsu. Illum kważi għaddew xahrejn u
disgħa għadhom taħt detenzjoni, jew fi kliem ieħor imsakkrin.
Il-fatt li dawn
għadhom hemm juri l-ewwelnett li ma hemmx koperazzjoni mill-awtoritajiet
tal-Mali. Juri fiċ-ċar li ma’ min sar
il-ftehim (sigriet) huwa suspettuż. Wara
kollox x’tip ta’ persuna tara lil uliedha bħala oġġett negozzjabli fi ftehim?
Fid-detenzjoni
hemm segretezza kbira, nażżarda ngħid aktar mill-Faċilità Korettiva ta’
Kordin. Il-viżti huma skarsi mmens. Jiena kont wieħed li dħalt ġewwa u li raw
għajnejja ma kienux faċli. Il-fatt li
tieħu l-libertà ta’ persuna mil-lum għal għada meta dan ma għamel
ebda reat huwa diġà trawma. Imma t-trawma
tkompli bin-nuqqas ta’ dinjita li dawn qed jinżammu fiha. Hemm il-kesħa, erba’ persuni jaqsmu ċella
bejniethom, l-imħaded bla investi, u f’widnejja wasal li l-lejl ġieli anke qed
jitkisser minħabba spezzjonijiet li jsiru mill-gwardjani. Meta telgħu l-qorti sabiex jikkontestaw din
id-detenzjoni ġew umiljati billi tlibbsu l-manetti. Bdew każ fil-qorti diġà minn taħt.
Din hija l-grazzi
li ħadu talli bil-kappell tagħhom sellmulna.
Sakemm kienu ħielsa, ħadmu u ħallsu t-taxxi. Ħadd ma nnotta t-tislima għax kulħadd kien aktar
moħħu fil-kappell forsi kultant imqatta’ tagħhom. Ix-xogħol ta’ qsim id-dahar sar jiġi mistmerr
u f’dan il-pajjiż saret stmata biss l-ispekulazzjoni.
Il-Gvern Malti
qiegħed juża disa’ ċittadini mill-Mali bħala rahan daqslikieku dawn mhumiex
umani. Irid juri s-saħħa tiegħu
mal-Unjoni Ewropeja u ma’ sezzjoni tal-poplu li għadu jaħseb li l-abjad huwa xi
razza superjuri. Ma nafx hiex
kumbinazzjoni li din il-mossa seħħet eżatt wara li għaqda li ejja ngħidu mhux
daqstant magħrufa għat-tolleranza ħabbret li se tikkontesta l-elezzjonijiet
ġenerali li qegħdin wara l-bieb.
Din hija
inġustizzja li ma tistax tkompli.
Dan l-artiklu deher orġinirjament fuq It-Torċa tal-15 ta' Jannar, 2017.
Dan l-artiklu deher orġinirjament fuq It-Torċa tal-15 ta' Jannar, 2017.
No comments:
Post a Comment