Hekk kif
il-Ġubilew tal-Ħniena beda jersaq lejn tmiemu, l-E.T. il-President Marie Louise
Preca ħabbret amnestija ta’ 30 jum lill-priġuniera kollha. L-appell tal-Papa Franġsiku nstema’ minn min
kellu jinstema’ f’din il-gżira. Kien
ġest sabiħ għax wara kollox hawn ħafna min qiegħed barra u għamel agħar minn
min qiegħed ġewwa. Ukoll f’dan il-pajjiż
jingħataw ħafna amnestiji f’forom oħra u li normalment jintlaqgħu b’entużjażmu. Pereżempju jingħataw amnestiji lil min kellu
flusu barra u qatt ma ddikjarahom, amnestiji lil min kellu d-dejn
mal-Kummissarju tat-Taxxi jew aħjar mal-Istat.
Dan l-aħħar sa tħabbret amnestija għal min tella xi bini bla
permess. Permezz tal-Amnestija jista’
jirregularizza l-pożizzjoni tiegħu qisu xejn mhu xejn, u xi taptipa fuq dahru
talli rregularizza ruħu ma tonqosx lanqas.
Fl-istess żmien
iżda, aktar minn tletin persuna mill-Mali li marru fil-Kummissjoni
tar-Refuġjati biex mingħalihom iġeddu l-karti mhux talli ma sabu ebda refuġju
imma talli ħadu x-xokk ta’ ħajjithom. Minkejja
x-xokk ma naħsibx li bjadu għax il-kulur tal-ġilda tagħhom mhix fina biżżejjed biex
tippermetti hekk. U la l-ġilda mhux fina
u mhux bħal tagħna, l-awtoritajiet konċernati
ma ħassew ebda rimors jagħmlu dak li għamlu.
Għax f’Malta hawn min hu nies u jingħata l-akbar żegħil u hawn min mhux
nies u flok żegħil jingħata ż-żebligħ.
L-arrest fil-fatt
kien nieqes mill-anqas farka ta’ kompassjoni.
Pereżempju wieħed
minn dawn il-persuni li safa arrestat għax kien viljakk biżżejjed li ddeċieda
li jitwieled il-Mali, ibati minn allerġija u għandu bżonn jieħu l-mediċina b’mod
regolari biex jinnewtralizza l-attakki.
Għall-ewwel ġimagħtejn kellu joqgħod isofri dawn l-attakki minħabba li
meta ġie arrestat ma kellux il-mediċina fuqu.
Ma baqax isofri l-attakki għax wara li dawn l-attakki kapriċċjużi wassluh
f’imġieba suwiċidjali ntbgħat l-isptar Monte Karmeli u jiena stess wara
komunikazzjoni ma’ min jgħix miegħu għaddejtlu l-mediċina preskritta lilu
fl-aħħar viżta tiegħu.
Dan il-persuna li
ma tantx jaf b’żegħil kien ilu f’Malta għal numru sew ta’ snin. Wara l-ħelsien mid-detenzjoni li laqgħetu għal
xhur sħaħ wara li skansa il-mewġ tal-Mediterran, beda jaqdef mal-mewġ tal-ħajja
u dak li ħafna Maltin ma riedux jagħmlu midd idu għalih huwa stess. Dan l-aħħar kien qed jaħdem ma’ kumpanija
stabbilita u kien qiegħed iħallas it-taxxi. Fiż-żmien li kien ilu hawn fittex saqaf għal
taħt rasu u qalla’ lira lil Malti li bħal ħafna Maltin oħra kellu appartament supplimentari. Xtara l-bżonnijiet tiegħu mill-ħwienet Maltin
u wettaq azzjonijiet oħra li għenu biex iddur ir-rota tal-ekonomija Maltija.
Meta tkun gżira
l-ekonomija jkollha bżonn injezzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħha u f’dan
il-persuna u ħutu, l-ekonomija Maltija sabet għajnuna f’min ma kienetx qed
tistenna jew tistmerr.
Iżda dan kollu
ntesa. Jidher li l-gvern Malti ġie
inspirat mill-istqarrija tal-president elett Amerikan li jrid ikeċċi tlett
miljun migrant mill-Istati Uniti. Safejn
naf jien il-gvern Malti huwa mmexxi minn partit bi prinċipji totalment opposti
għal ta’ din il-persuna.
Wara tlett
ġimgħat f’detenzjoni f’Ħal Safi, fejn l-uniku ħaġa safja hija l-barbed wire, jidher
li se jiġi deportat bħal kif ħafna Eritrejani ġew deportati lura fl-2002 u
spiċċaw issawtu.
Ir-reperkussjonijiet
imma ma jieqfux hawn. Bħalissa fost
il-komunità li wasslet Malta b’dgħajsa u mhux b’jott jinħass biża’ u inċertezza kbira,
għax li ġara lil sħabhom qed jistennewh jiġri lilhom minn ħin għall-ieħor. Minn qagħda prekarja niżlu għal qagħda vulnerabbli.
Ma’ ċertu nies
mhux biss ma teżistix amnestija jew ħniena imma lanqas l-iċken kompassjoni.
Min skansa
l-ħalel Mediterranji ta’ żaqq ratba qed isib ruħu jgħix fuq blata li tqatta’ u ċċarrat.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Diċembru.
No comments:
Post a Comment