Min hu nies?
U forsi aktar minn hekk min mhux?
Il-kelma nies nużawha ħafna. Nużawha biex pereżempju nirreferu għal
qrabatna – dawk niesi, niesna, eċċ. Ħafna
drabi nużawha biex inħossuna parti minn xi ħaġa akbar minna. Forsi wkoll biex nesprimu s-superjorità li
nħossu fuq l-annimali, għax aħna nitkellmu u nirraġunaw waqt li huma mhumiex
kapaċi. Biss min normalment juża l-kelma
nies jużaha b’mod differenti minn min
jgħid umanità, minkejja li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru simili ħafna.
Normalment il-kelma tal-aħħar nużawha biex ninkludu filwaqt li nies nużawha aktar biex neskludu. Min jgħid li xi ħadd mhux nies mhux normalment se jirreferi għall-istess tali bħala mhux
uman. Jista’ jkun ukoll li l-kelma
umanità u dak kollu li ġġib magħha hija ‘l fuq minn kif jaħsibha min iħobb juża nies jew mhux nies b’mod ġenerali.
Il-kunċett ta’ għaqda jew unjoni għalih għandu jsir bejn min hu bħalu
f’kollox biss.
Mhux nies hija frażi li tingħata lil ħafna umani b’mod
derogattiv, jew aktar preċiż dispreġġjattiv.
Jista’ jkun li tingħad f’saħna tal-mument. F’dan il-każ tista’ tkun l-intuwizzjoni tiegħek
li twasslek biex tlissinha. Għaqqadhom
ftit flimkien u magħhom aktar minn kollox ikunu qegħdin joħorġu l-preġudizzji.
Min hu nies jew
mhux jiddependi ħafna f’liema pożizzjoni sabet ruħha il-persuna li qiegħda tiġi
mwieżna u l-anglu min fejn qiegħed iħares min qiegħed iwieżen. It-titlu
jista’ jiddependi minn ġidek, (irrelevanti kif tellajtu), it-twemmin tiegħek, fejn
twelidt, il-familja li ġej minnha jew il-kulur ta’ ġildtek, daqslikieku kienet
xi għażla tiegħek waqt li kont f’ġuf ommok.
L-istat jew xi ministru li ċ-ċirkostanzi ġabuh responsabbli fuq hekk
jista’ wkoll jiddeċiedi intix nies jew le.
Dan minn fuq il-pedestall jista’ jagħżel li jeduka biex ikun hawn aktar
umanità u inklużjoni, jew minflok jagħżel it-triq sempliċi frott il-biża’ li
jitlef dan il-pedestall u jipprova jingħoġob ma’ min jaħseb li hawn min hu u
min mhux nies.
B’daqqa ta’ firma
jista’ jiddeċiedi li inti m’intix nies
u jagħmillek ħajtek miżerja.
Sempliċiment
karta tal-identità tista’ ssir diffiċli biex tinkiseb aktar minn
ċertifikat ta’ lawrija. Dak li hu
sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum jsir impossibbli.
Flusek li taqla’ wara li tinqatalek it-taxxa trid iġġorrhom fuqek għax
il-bank ma jiftaħlekx kont mingħajr din il-karta. Viżta fl-isptar issir kważi mpossibli, għax
mingħajr din il-karta inti ma teżistix.
Jekk ma teżistix imma tinsisti li teżisti inti fantażma. U l-fantażmi jbeżżgħu ħafna, għax mhux
tad-demm u l-laħam. Tista’ wkoll
twasslek biex tmur iġġedded il-karta inferjuri li għandek u minflok tispiċċa
Ħal Far, f’detenzjoni magħluq, mhedded b’deportazzjoni lejn art li inti ħrabt
minnha, b’ħajtek maqluba ta’ taħt fuq mil-lum għal għada.
Min jaħseb li hu
nies u ħaddieħor mhux nies irid itella’ l-ħitan. Min mhux nies huwa ta’ theddida għalih,
minkejja li forsi qatt ma tkellem miegħu, u ma jafx x’isarraf. Imma huwa jafda l-istint tiegħu li jgħidlu biex
fuq kollox ma jafdax. Konvint minn dan daqs
meta jilgħab embu għax kellu ħolma u ċert li d-dinja ddur miegħu u b’hekk dawk
iż-żewġ numri se jitilgħu żgur nhar is-Sibt li ġej. Il-konvinzjoni imnebbħa mill-perċezzjoni hija
simili għall-biża’ minn kamra fid-dlam.
Iġġegħlek timmaġina li fiha ħafna monstri fiha, fejn kull m’għandek
bżonn hija l-iżgħar xemgħa biex ixxejjen dawn il-biżgħat u tinduna li dak li qed taħseb
mhux minnu. L-istint ma’ perċezzjoni
mhux indokrata hija taħlita letali – għal min jgħixha u għal min ikollu jħabbat
wiċċu ma’ min jgħixha.
Imma altru milli
kollox mitluf. Waqt li għadhom jitilgħu
l-ħitan, f’moħħna u bejn il-fruntieri li xi ħadd xi darba penġa, daqstant ieħor
waqgħu ħafna minnhom. Il-vjaġġar qatt ma
kien faċli daqs illum, it-traduzzjoni saret il-lingwa ta’ ħafna, u jeżisti
għatx kbir biex insiru nafu u nitgħallmu minn xulxin.
It-tfittxija lejn
superjorità billi tniżżel lil ħaddieħor hija għall-insikur.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa fl-edizzjonji tas-16 ta' April, 2017.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa fl-edizzjonji tas-16 ta' April, 2017.
No comments:
Post a Comment