Tuesday, December 13, 2016

Bejn theddida ta' deportazzjoni u viżta lejn Monte Karmeli

Hekk kif il-Ġubilew tal-Ħniena beda jersaq lejn tmiemu, l-E.T. il-President Marie Louise Preca ħabbret amnestija ta’ 30 jum lill-priġuniera kollha.  L-appell tal-Papa Franġsiku nstema’ minn min kellu jinstema’ f’din il-gżira.  Kien ġest sabiħ għax wara kollox hawn ħafna min qiegħed barra u għamel agħar minn min qiegħed ġewwa.  Ukoll f’dan il-pajjiż jingħataw ħafna amnestiji f’forom oħra u li normalment jintlaqgħu b’entużjażmu.  Pereżempju jingħataw amnestiji lil min kellu flusu barra u qatt ma ddikjarahom, amnestiji lil min kellu d-dejn mal-Kummissarju tat-Taxxi jew aħjar mal-Istat.  Dan l-aħħar sa tħabbret amnestija għal min tella xi bini bla permess.  Permezz tal-Amnestija jista’ jirregularizza l-pożizzjoni tiegħu qisu xejn mhu xejn, u xi taptipa fuq dahru talli rregularizza ruħu ma tonqosx lanqas.

Fl-istess żmien iżda, aktar minn tletin persuna mill-Mali li marru fil-Kummissjoni tar-Refuġjati biex mingħalihom iġeddu l-karti mhux talli ma sabu ebda refuġju imma talli ħadu x-xokk ta’ ħajjithom.  Minkejja x-xokk ma naħsibx li bjadu għax il-kulur tal-ġilda tagħhom mhix fina biżżejjed biex tippermetti hekk.  U la l-ġilda mhux fina u mhux bħal tagħna, l-awtoritajiet konċernati ma ħassew ebda rimors jagħmlu dak li għamlu.  Għax f’Malta hawn min hu nies u jingħata l-akbar żegħil u hawn min mhux nies u flok żegħil jingħata ż-żebligħ.

L-arrest fil-fatt kien nieqes mill-anqas farka ta’ kompassjoni. 

Pereżempju wieħed minn dawn il-persuni li safa arrestat għax kien viljakk biżżejjed li ddeċieda li jitwieled il-Mali, ibati minn allerġija u għandu bżonn jieħu l-mediċina b’mod regolari biex jinnewtralizza l-attakki.  Għall-ewwel ġimagħtejn kellu joqgħod isofri dawn l-attakki minħabba li meta ġie arrestat ma kellux il-mediċina fuqu.  Ma baqax isofri l-attakki għax wara li dawn l-attakki kapriċċjużi wassluh f’imġieba suwiċidjali ntbgħat l-isptar Monte Karmeli u jiena stess wara komunikazzjoni ma’ min jgħix miegħu għaddejtlu l-mediċina preskritta lilu fl-aħħar viżta tiegħu.

Dan il-persuna li ma tantx jaf b’żegħil kien ilu f’Malta għal numru sew ta’ snin.  Wara l-ħelsien mid-detenzjoni li laqgħetu għal xhur sħaħ wara li skansa il-mewġ tal-Mediterran, beda jaqdef mal-mewġ tal-ħajja u dak li ħafna Maltin ma riedux jagħmlu midd idu għalih huwa stess.  Dan l-aħħar kien qed jaħdem ma’ kumpanija stabbilita u kien qiegħed iħallas it-taxxi.  Fiż-żmien li kien ilu hawn fittex saqaf għal taħt rasu u qalla’ lira lil Malti li bħal ħafna Maltin oħra kellu appartament supplimentari.  Xtara l-bżonnijiet tiegħu mill-ħwienet Maltin u wettaq azzjonijiet oħra li għenu biex iddur ir-rota tal-ekonomija Maltija.
Meta tkun gżira l-ekonomija jkollha bżonn injezzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħha u f’dan il-persuna u ħutu, l-ekonomija Maltija sabet għajnuna f’min ma kienetx qed tistenna jew tistmerr.

Iżda dan kollu ntesa.  Jidher li l-gvern Malti ġie inspirat mill-istqarrija tal-president elett Amerikan li jrid ikeċċi tlett miljun migrant mill-Istati Uniti.  Safejn naf jien il-gvern Malti huwa mmexxi minn partit bi prinċipji totalment opposti għal ta’ din il-persuna.

Wara tlett ġimgħat f’detenzjoni f’Ħal Safi, fejn l-uniku ħaġa safja hija l-barbed wire, jidher li se jiġi deportat bħal kif ħafna Eritrejani ġew deportati lura fl-2002 u spiċċaw issawtu.

Ir-reperkussjonijiet imma ma jieqfux hawn.  Bħalissa fost il-komunità li wasslet Malta b’dgħajsa u mhux b’jott jinħass biża’ u inċertezza kbira, għax li ġara lil sħabhom qed jistennewh jiġri lilhom minn ħin għall-ieħor.  Minn qagħda prekarja niżlu għal qagħda vulnerabbli.

Ma’ ċertu nies mhux biss ma teżistix amnestija jew ħniena imma lanqas l-iċken kompassjoni.


Min skansa l-ħalel Mediterranji ta’ żaqq ratba qed isib ruħu jgħix fuq blata li tqatta’ u ċċarrat.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Diċembru.

Thursday, November 17, 2016

Nies u mhux nies

Ritratt: Carl Farrugia
Mingħajr ma naf diġà gerbu ħmistax mit-tnedija ta’ Mhux Nies, li naturalment għalija kienet ġurnata speċjali.  Il-lejla għaddiet bħal leħħa ta’ berqa u nixtieq nerġa’ ngħixhha kollha kemm hi, bl-eċitament kollu li f’ħinijiet issarraf fi friefet fl-istonku, għaraq li xaqq minkejja li ma kienx hemm xemx u kont wieqaf, u tregħid fl-irkoppa hekk kif kull darba qomt bil-wieqfa.  Mhux se nuża umiltà falza, u ngħid li kont qed naħseb li se nkunu jien u erba’ minn tad-dar, imma daqstant ieħor ma stennejtx daqstant attendenza.  U għalhekk ħassejtni kuntent, imċekken u responsabbli fl-istess ħin, għax issa dak li darba kont nikteb għalija sar ta’ ħaddieħor u kulħadd għandu dritt jagħżel liema angolu jew lenti li jrid biex iħares lejn kull storja li rnexxieli ngħaqqad.  Imma wkoll nammetti li kont ilni ma nħoss l-istess pjaċir ta’ meta qomt biex naqra silta mill-istorja li ġġib l-istess isem tal-ktieb u ħarġet kif xtaqt.  Darba qabel kont qrajt parti minnha waqt Palk Ħieles u ma kontx kuntent wisq b’kif ħarġet, imma din id-darba għedt li dmir tiegħi li toħroġ kif ivviżjonajtha meta qrajtha kemm il-darba waħdi.

Il-ġimgħa l-oħra kellna l-Fiera tal-Ktieb,  ovvjament kont hemm kif kien hemm ukoll il-ktieb tiegħi fuq l-istand tal-Klabb Kotba Maltin.  Waqt li jiena nemmen li għandna naqsmu  kemm jista’ jkun millli għandna, daqstant ieħor nammetti li kien ta’ sodisfazzjon tremend nara nies jaqbdu l-ktieb f’idejhom, idaħħlu idejhom fil-but u jissagrifikaw dak li għandhom fil-but ma’ xogħli stess. 

Jekk fil-bidu għedt li t-tnedija kienet ġurnata speċjali ma jistax jonqos li hija wkoll punt ta’ riferiment għalija.  U qed nistgħaġeb kemm seħħew affarijiet f’dawn il-ħmistax.  Sitt ijiem wara t-tnedija, ħadna aħbar li jien għallinqas ma kontx qed nistenna għax kelli u għad għandi fidi fil-matematika u l-umanità u rajt lil Donald Trump jiġi elett President tal-Istati Uniti.  Issa ma nafx hux jien li ngħix fl-isħab jew le, u ma nafx għandix dritt nikkumenta fuq min ivvota f’kontinent li jiena qatt ma rfist fuqu, imma qisu llum il-biża’ hija ħafna aktar faċli li tbiegħha mit-tama.  Il-ħitan saru aktar importanti mill-pontijiet.  Ma nemminx li din hija xi ħaġa tal-lum lanqas, għax wara kollox fil-passat seħħew żewġ gwerer dinjija minħabba li kien hemm min irid jaħtaf lil ħaddieħor u ried ibiddel flok ineħħi l-fruntieri.

L-ewwel tfakkira ta’ x’ġej għalina waslet il-Ħadd meta daħlet l-aħbar li l-istess Trump qed iwiegħed li jrid ikeċċi tlett miljun immigrant mill-Istati Uniti ftit wara li jieħu kompletament il-poter f’idu.  Qalbi għamlet tikk, imma ma kontx naf li fil-jiem li ġejjin qalbi mhux biss se tagħmel tikk imma se timtela dieqa.  L-ewwel ħarġet l-aħbar li fuq il-blata tagħna stess ġew maqbuda xi immigranti li kienu ilhom jgħixu magħna u jikkontribwixxu għall-ekonomija li tant dan l-aħħar tant qed niftaħru biha għax qiegħda tikber u titwessa’, għal snin sħaħ.  Dawn ma nġabrux minħabba xi rekord kriminali , imma minħabba li ħafna drabi nħarsu lejn xi nies daqslikieku mhux nies.  Pajjiżi bħal Mali u s-Senegal mhumiex perfetti, u dawn l-immigranti li qegħdin fostna kienu qed jgħinu nkabbru l-ekonomija tagħna u taw nifs lil pajjiżhom bħal kif għamlu dawk l-immigranti Maltin li salpaw minn xtutna lejn l-Awstralja fis-sittinijiet u x-xogħol li setgħu kellhom huma ntiret minn ħuthom.
It-Tnejn stess irċivejt telefonata li wieħed minn dawn il-maqbuda huwa persuna li jattendi għal-lezzjonijiet tal-Malti li nagħti jiena flimkien ma’ Integra.  Biex intikom idea ta’ dan il-persuna maqbuda issa tturmentata taħt detenzjoni f’Ħal Safi, ma tafx x’se jsir minnha wara kważi ħames snin hawn, huwa persuna li jaħdem bil-ktieb ma’ kumpanija, (ħafna jaħsbu li dawn ma jħallsux taxxi!), iħallas il-kera u kellu mħabba lejn Malta kultant aktar minni nnifsi, għax forsi kien japprezza dak li aħna nqisu naturali imma mhux naturali xejn, għax qabilna kien hemm min xerred demmu għalih.
Minbarra t-turmentazzjoni tiegħu tistgħu taħsbu kemm huma daqstant ieħor itturmentati sħabu li qegħdin f’ilma simili tiegħu.  Jiena kulma għandi balla fl-istonku.

Sieħbi Yayya, inti nies daqsi u daqs ħaddieħor.

Monday, August 29, 2016

Il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta' Malta

Il-Ħamis, kien hemm mumenti li mhux biss ħassejtni li nfetħu bibien is-sema imma konna f’nofshom, iperpru, jirribellaw biex jitqaċċtu miċ-ċappetti u jinżlu bis-saħħa kollha fuqna.  Minkejja li konna f’Fortizza, is-sigurtà u l-kenn kienu ‘l bogħod daqs l-istilel li s-soltu kienu jkunu jiddu fuqna.  Ħassejtni għasra, qisni l-pitazz li sidu assorba fih kull emozzjoni bil-linka, u issa wara li xxarrab sar biss ċapep ta’ inka, u flok se jinżamm fl-idejn b’ċertu għożża se jintrema f’qiegħ borża mis-suwed.

Imma kollox ma’ kollox iċ-ċappetti b’xi mod żammew sod u l-bibien qagħdu.  U l-magħmul mhux dejjem bla kunsill lanqas.  Li kellu jitgħatta tgħatta, il-ħwejjeġ ngħasru xi ftit u  l-Fortizza provdiet kenn f’kappella u sala.  Fil-kenn, il-proża u l-poeżija b’ilħna Maltin, Kurdi, Persjani u Għarab fost l-oħrajn reġgħu mlew is-sensi u fejn kien għadu niedi nixef ftit aktar. 

Rarament iċċekjajt b’tant żelu s-siti tat-tbassir tat-temp daqs nhar il-Ġimgħa.  Għax minkejja li l-Pjan B ħadem, il-Pjan B qatt ma jista’ jkun tajjeb daqs il-Pjan A.  Kieku hekk, ikun hu il-Pjan A.  Xtaqt nisma’ l-ilħna varji fil-beraħ tal-bitħa tal-Fortizza.  Il-kelb il-mismut kull ilma jaħsbu misħun u meta f’xi ħin tqattret nitfa nida, qalbi għamlet tikk.  Imma t-tikk baqgħet tikk, u smajtha jien biss, waqt li l-ilħna differenti din id-darba mlew il-bitħa beraħ tal-Fortizza, u semagħhom kulħadd.

Is-Sibt tkompla fejn ħallejna.  Il-proża reġgħet tħalltet mal-poeżija, l-poeżija mal-mużika kultant mingħajr bżonn ta’ strumenti, u l-istejjer fittiziji ta’ Elias Khoury mar-realtajiet ta’ nies mhux wisq ‘il bogħod minna.

Fi tlett’ijiem iltqajna ma’ lingwi differenti u vuċijiet differenti.  Vuċijiet differenti jfissru ħsejjes differenti.  U l-ħsejjes differenti jfissru mużikalità differenti.  Il-mużikalità differenti tat lok għal teknika differenti biex ġew espressi emozzjonijiet minn wieħed lejn l-ieħor.  Il-Festival naħseb li kien ċelebrazzjoni ta’ dan kollu bis-saħħa tat-traduzzjonijiet kollha li saru.  U waqt li l-ebda lingwa qatt ma jista’ jkollha mera perfetta għal lingwa oħra daqskemm li tħoss int fuq xi ħaġa qatt ma nista’ nħossu jien, il-qsim u t-tixrid tal-lingwi permezz tal-letteratura kienu ċelebrazzjoni tad-diversità fil-ħajja.


Fil-finali meta kull kittieb qara xi versi minn tiegħu, għal mument qabditni ftit dieqa, għax is-sabiħ tkun tridu ma jispiċċa qatt.  Imma forsi veru s-sabiħ jista’ ma jispiċċa qatt, għax il-mumenti li għaddejna minnhom se jibqgħu fina, u l-esperjenzi u l-ħsibijiet tal-awturi mistiedna ħadthom miegħi lejn id-dar f’forma ta’ kotba.

Saturday, July 23, 2016

Flus foloz validi



Ftit wara r-revoluzzjoni tal-1959 il-firma ta’ Che Guevara, bħala l-President tal-Bank Kuban sabet ruħha fuq il-flus Kubani.  Illum, sebgħa u ħamsin sena wara, f’Kalabrija, fuq ċertu flus, mhux firma biss tinsab, imma saħansitra stampa tiegħu stess.  Meta tqis kemm il-darba il-wiċċ fotoġeniku taċ-Che dar mad-dinja, xi drabi anke biex iservi bħala publiċità għal kumpaniji li żgur għandhom ideali differenti minnu, faċli wieħed ma jistgħaġibx wisq u jibqa’ sejjer għal riħu.  Imma dawn il-flus b’Che Guevara fuqhom m’humiex sempliċi stunt publiċitarju imma parti minn proġett mill-isbaħ imwelled minn Giovanni Maiolo, uffiċjal fil-Kunsill ta’ Goiosa, fil-qiegħ taż-żarbun tal-Italja, li ħafna drabi sforz l-ekonomija dipressiva tagħhom, tinħass bħala qiegħ bla lasktu.

Fir-raħal ċkejken ta’ Goiosa jgħixu 7,500 ruħ.  Dan ir-raħal jilqa’ ħamsa u sebgħin (1% tal-popolazzjoni) bejn immigranti li għadhom qed ifittxu ażil u refuġjati.  Fl-aħħar elezzjoni reġjonali, Salvatore Fuda li llum huwa s-Sindku, ppropona fil-manifest elettorali tiegħu li r-raħal tiegħu għandu jilqa’ refuġjati u immigranti.  Fuda ma kienx sempliċiment ħalliem, imma wkoll prattiku, u x’aktarx inspirat minn x’ġara f’Riace, raħal ieħor ċkejken ftit ‘il bogħod.
Riace ftit qabel kien raħal minsi, personifikazzjoni tal-kanzunetta ‘Ghost Town’ tal-Ispecials.  Il-ftit nies li kien baqa’ kienu dejjem qed jonqsu, min billi jimxi lejn it-Tramuntana tal-pajjiż u min għal aktar lil hinn.  Is-sindku Domenico Lucano irribatta dan billi fetaħ il-bibien ta’ raħal twelidu għall-immigranti u b’hekk fl-aħħar ta ħajja lil dan ir-raħal.  L-iskejjel ma baqgħux vojta.  L-għalliema għal darba reġa’ beda jkollhom udjenza.  Ir-rota ekonomika ngħatat iż-żejt minn sors li ħafna nies kienu jarawha bħala bastun fir-rota.
Għal kull immigrant, il-Kunsill ta’ Goiosa jirċievi €35 kuljum, u għalhekk qrib il-miljun ewro fis-sena.  Dawn iridu jkopru kull bżonn li immigrant ikollu, fosthom ikel, akkomodazzjoni, tagħlim tal-lingwa u servizzi ta’ saħħa.  Il-bqija jingħataw bħala flus fil-but.  U hawnhekk jidħlu l-flus b’wiċċ Che Guevara.

L-immigranti minflok Ewros kontanti jingħataw flus b’wiċċ Che Guevara, li kull waħda hija ekwivalenti għal €10.  Flus simili huma ta’ €20 b’wiċċ Hugo Chavez u ta’ €50 b’wiċċ Karl Marx.  Il-kundizzjoni ta’ dawn il-flus hija li dawn jistgħu jintużaw biss f’Goiosa.  Sidien il-ħwienet jaċċettaw dawn il-flus u wara jsarrfuhom għand il-Kunsill, u jirrealizzaw b’mod konkret li dawn in-nies li ħafna minnhom ħarbu mill-persegwitazzjoni qed jgħinu lin-negozji tagħhom.

Meta staqsejt lil Giovanni Maiolo, jekk dawn il-flus joħolqux atmosfera tossika ta’ “aħna u huma”, Maiolo weġibni b’passjoni li huwa min huwa maqtugħ mir-realtà u jrid jiżra’ l-firda li jirraġuna hekk.  “Ir-realtà hija li l-fondi biex ngħinu lill-immigranti għandhom effett pożittiv ħafna fuq l-ekonomija tar-raħal.  F’Goiosa, għoxrin ruħ jaħdmu b’mod dirett mal-immigranti.  Għandna sittax -il dar li llum bis-saħħa ta’ hekk huma mikrija, meta qabel kienu vojta, u għalhekk il-propjetarji Kalabriżi issa qed jaqilgħu minnhom.  L-immigranti għandhom bżonn jagħmlu x-xirjiet tagħhom, u x-xirjiet tagħhom jagħmluhom f’Goiosa.”


Meta l-merħba tkun awtentika tagħti l-frott.

Wednesday, June 29, 2016

Folja minn djarju Peruvjan



Sfurzajt ruħi ‘l barra mis-sħana tas-sodda, u qbadt il-feltpen u dan il-pitazz stess, fuq din il-mejda tal-injam li tiċċaqlaq ħafna jiena u nikteb, u li mgħottija bi tvalja bil-kuluri tipiċi tal-Inka.

Fuq rasi għandi saqaf taż-żingu.  L-injam tal-art mhux qed eżatt imwaħħal waħda mal-oħra u ħadt ħsieb i nilbes il-karkur, għax hawn xi erba’ msiemer li mhux imwaħħlin kompletament u għadhom ftit ‘il barra.  Għandi żewġ twieqi li jagħtu għall-ispettaklu ta’ barrra, foresta aktar milli muntanja imma li qiegħda f’altitudni għolja u għalhekk skont Josias ma tistax tissejjaħ ġungla.  It-twieqi la jinfetħu u lanqas jingħalqu għax tal-plastik (mhux ċar wisq), imwaħħlin b’pinnijiet ftit ħoxnin.  Taħt it-twieqi, hemm qasab imwaħħal waħda fejn l-oħra u ovvjament billi huma tondi  naturalment raffi, tgħaddi sew l-arja kiesħa minn bejniethom.
Fil-fatt malli ħriġt mis-sħana tas-sodda ilbist par kalzetti ħoxnin u tleflift daqs li kieku sejjer barra, sal-ġakketta l-ħoxna l-ħadra u dik li nilbes ma’ għonqi flok xalpa xeddejt.

Illum terraqna ħafna.  Qomt fl-erbgħa ta’ filgħodu għax irqadt qabel it-tmienja.  Lgħabt logħba sudoku għall-irdoss u d-dawl tal-head torch, li wara siegħa u fl-aħħar żewġ numri ndunajt li kelli żball.  Ftit tmattir, lestejt il-basket u li rrealizzajt li tqil aktar milli kont qed naħseb.  Bl-ilma b’kollox naħseb qbiżt l-għaxar kilos.  U llum, imma għal-lum biss, se jkolli nġorru.  Wara kolazzjon kbir mhux ħażin, tlaqna ftit wara s-sitta u nofs.  Bdejna b’telgħa wieqfa għax ridna nilħqu ponta ‘il fuq l-erbat’elef metru sew.  Minn ħin għall-ieħor Josias beda joffrili biex jeħodli l-basket tqil għax tiegħu kien ħafif, imma jien ovvjament irrifjutajt. Ħadna ntervall ċkejken u komplejna naffrontaw it-tlajja ‘l fuq.

Offrieli biex nieqfu aktar minn darba imma jien nippreferi li ma nkissrux il-momentum u li nieqfu mill-anqas.  Imma ftit wara tlabtu jien għal intervall.  Għal mument waħħalt fil-kolazzjon kbir li ħadna u li mxejna fuqu mill-ewwel.  Dak żgur ma għenx, imma s-sensazzjoni kienet bħal dik ta’ meta missejt ma’ xi ħaġa u t-tabib kien qalli li din il-ħaġa misterjuża, jiena allerġika għaliha.
Bdejt inħoss bħal ħruq fl-istonku u ftit uġiegħ f’dahri u anke għajnejja ħassejthom ftit jiġġebdu.  Waqafna, u bdejt nistejqer, anke jekk għal ftit sekondi ħassejtni ftit agħar, u bdejt nibża’ li l-altitudni għolja qed tagħmel tagħha.
Josias imma ma ndunax, tant li staqsieni biex inkomplu, imma jien tlabtu ħames minuti oħra.
Għaddew il-ħames minuti, u issa l-unika problema jew sfida saret ir-rotta wieqfa daqs tavlun li ma tistax tieħu wisq spazju.  L-arja minn barra kiesħa u l-għaraq ma’ dahri.  L-ingwanti kont neħħejthom hekk kif kont ħassejt dak l-attakk ċkejken u beda jdejjaqni kollox.  Imma issa bdejna nlaħħqu u naqbżu trekkers oħra u għad-disgħa u għoxrin wasalna fejn ridna naslu, skont it-tabella, 4,620 metru ‘l fuq mill-baħar.  Meta nkunx fih jew qribu, nogħla kemm nista’ minnu.

Ħadna erba’ ritratti flimkien u issa t-triq li baqa’ wara din il-ponta kollha għan-niżla fejn kull qaddis jgħin, imma fejn l-irkupptejn jirtgħodu xi ftit.
L-isfel sibna ftit kenn u waqafna għall-ikla li konna qed inġorru magħna – biċtejn tiġieġ u ħaxix immarinat.  Jien ħadt biċċa waħda biss tat-tiġieg għax kont għadni qed nibża’ ftit.  L-għadam ta’ Josias tajnieh lil kelb kannella li kien hemm.  Inżilna ftit aktar l-isfel u bdejna nidħlu aktar fil-foresta, f’aktar umdita’, temperatura aktar baxxa u spettaklu tan-natura differenti.  Immaġina abiss fond b’eluf ta’ metri, imma flok swidija, ħdura, u bis-sħab qisu l-għatu tal-abbiss.

Komplejna nimxu, u naħseb li bdejt ngħejja, tant li f’ħin minnhom ħadt ġebla u kważi tellfitni l-bilanċ kollu, u  aħfirli, imma bdejt inħoss l-affarijiet ftit tedjanti.  Ir-realta’ kbira kienet li kont qed nimmisja l-arloġġ li jtini eżatt kemm il-kilometru għamilt u kemm baqa’.  Kont qed nimmisja l-kontroll totali.
Josias raġel u gwida mill-aħjar imma qisu m’għandux sens daqstant preċiż tad-distanzi.
L-aħħar ftit tat-triq sibt rifuġju f’li ngħodd kull pass, u tgħallimt li f’niżla nagħmel 110 pass kull minuta, u f’telgħa daqs ħamsa u tmenin.  F’wita ma nafx kemm nagħmel għax ma kienx hemm.
Iddeċidejt li baqgħalna mal-4,000 pass skont kif ikkalkula Josias, imma lħaqt għoddejt elf biss meta wasalna, bl-arloġġ jaqra s-siegħa u nofs u ħamsa, u li skont il-programm kellna naslu għall-ħamsa.

Laqgħetna xwejħa Peruvjana, b’kappell iswed, b’xagħarha minn wara malji, jingħaqdu t-tnejn, mingħajr wisq tbissim, u kliem Spanjol għax taf kważi biss bil-Quecha.


Il-kuluri Inkjani u s-sens ta’ sodisfazzjon pattew.

Sunday, February 14, 2016

Lucy Min

Lucy mhi ħadd speċjali u la mhi xejn speċjali, ovvja li kważi ħadd ma jafha.  Lucy hija waħda minn dawk li fil-folla ma tispikkax, wiċċ li sempliċiment jgħin biex ir-ritratt ta’ fuq għajnejk jew ta’ fuq l-iskrin ma jħalliex partijiet vojta, bħal kif jagħmlu l-extras f’xi film.  La hija daqstant plaċida, l-istorja tagħha ma tistax tkun tiswa aktar mill-erba’ karti li miktuba fuqha.

Imma l-istorja ta’ Lucy, li Lara Calleja tatha l-ħajja b’xi mod ħadmet.

Billi ma telgħetx muntanji għoljin, billi ma tmexxix kumpaniji ta’ miljun ruħ, u billi m’għandiex miljuni wara isimha Lucy xorta għandha storja li żżommok u li fuq kollox tista’ tirrelata magħha.
Storja miktuba b’ċertu sempliċità, sentenza qasira wara oħra.  Huwa monologu, fejn in-narratriċi hija l-karattru prinċipali u kull karattru li daħal fl-istorja dejjem rajnieh mil-lenti ta’ Lucy, bħal kif inhi wara kollox il-ħajja.  Kull ħaġa li nagħmlu jew tiġrilna nterpretat minnha nfusna, għax lilna ġara u aħna nafu xi nħossu fuq dak, fuq dik, fuq dawk is-sitwazzjonijiet.

L-istorja kultant ikollha bżonn sfond mużikali kemxejn melankolika jew depressiva fejn il-Joy Division pereżempju jistgħu jkunu idejali biss kuntrarju għal Ian Curtis, Lucy dejjem hemm fiha ċertu tama, u meta l-bibien dehru magħluqin u t-toroq ma jagħtu għal imkien għax wara kollox triq ma tiċċaqlaqx, afdat f’saqajha biex tasal x’imkien.

U aktar milli moħħha fejn se tasal, moħħha fil-vjaġġ innifsu.