Sfurzajt ruħi ‘l
barra mis-sħana tas-sodda, u qbadt il-feltpen u dan il-pitazz stess, fuq din
il-mejda tal-injam li tiċċaqlaq ħafna jiena u nikteb, u li mgħottija bi tvalja
bil-kuluri tipiċi tal-Inka.
Fuq rasi għandi
saqaf taż-żingu. L-injam tal-art mhux
qed eżatt imwaħħal waħda mal-oħra u ħadt ħsieb i nilbes il-karkur, għax hawn xi
erba’ msiemer li mhux imwaħħlin kompletament u għadhom ftit ‘il barra. Għandi żewġ twieqi li jagħtu għall-ispettaklu
ta’ barrra, foresta aktar milli muntanja imma li qiegħda f’altitudni għolja u
għalhekk skont Josias ma tistax tissejjaħ ġungla. It-twieqi la jinfetħu u lanqas jingħalqu għax
tal-plastik (mhux ċar wisq), imwaħħlin b’pinnijiet ftit ħoxnin. Taħt it-twieqi, hemm qasab imwaħħal waħda
fejn l-oħra u ovvjament billi huma tondi
naturalment raffi, tgħaddi sew l-arja kiesħa minn bejniethom.
Fil-fatt malli
ħriġt mis-sħana tas-sodda ilbist par kalzetti ħoxnin u tleflift daqs li kieku
sejjer barra, sal-ġakketta l-ħoxna l-ħadra u dik li nilbes ma’ għonqi flok
xalpa xeddejt.
Illum terraqna
ħafna. Qomt fl-erbgħa ta’ filgħodu għax
irqadt qabel it-tmienja. Lgħabt logħba
sudoku għall-irdoss u d-dawl tal-head
torch, li wara siegħa u fl-aħħar żewġ numri ndunajt li kelli żball. Ftit tmattir,
lestejt il-basket u li rrealizzajt li tqil aktar milli kont qed naħseb. Bl-ilma b’kollox naħseb qbiżt l-għaxar
kilos. U llum, imma għal-lum biss, se
jkolli nġorru. Wara kolazzjon kbir mhux
ħażin, tlaqna ftit wara s-sitta u nofs.
Bdejna b’telgħa wieqfa għax ridna nilħqu ponta ‘il fuq l-erbat’elef
metru sew. Minn ħin għall-ieħor Josias
beda joffrili biex jeħodli l-basket tqil għax tiegħu kien ħafif, imma jien
ovvjament irrifjutajt. Ħadna ntervall ċkejken u komplejna naffrontaw it-tlajja
‘l fuq.
Offrieli biex
nieqfu aktar minn darba imma jien nippreferi li ma nkissrux il-momentum u li
nieqfu mill-anqas. Imma ftit wara tlabtu
jien għal intervall. Għal mument waħħalt
fil-kolazzjon kbir li ħadna u li mxejna fuqu mill-ewwel. Dak żgur ma għenx, imma s-sensazzjoni kienet
bħal dik ta’ meta missejt ma’ xi ħaġa u t-tabib kien qalli li din il-ħaġa
misterjuża, jiena allerġika għaliha.
Bdejt inħoss bħal
ħruq fl-istonku u ftit uġiegħ f’dahri u anke għajnejja ħassejthom ftit
jiġġebdu. Waqafna, u bdejt nistejqer,
anke jekk għal ftit sekondi ħassejtni ftit agħar, u bdejt nibża’ li l-altitudni
għolja qed tagħmel tagħha.
Josias imma ma
ndunax, tant li staqsieni biex inkomplu, imma jien tlabtu ħames minuti oħra.
Għaddew il-ħames
minuti, u issa l-unika problema jew sfida saret ir-rotta wieqfa daqs tavlun li
ma tistax tieħu wisq spazju. L-arja minn
barra kiesħa u l-għaraq ma’ dahri.
L-ingwanti kont neħħejthom hekk kif kont ħassejt dak l-attakk ċkejken u
beda jdejjaqni kollox. Imma issa bdejna
nlaħħqu u naqbżu trekkers oħra u għad-disgħa u għoxrin wasalna fejn ridna
naslu, skont it-tabella, 4,620 metru ‘l fuq mill-baħar. Meta nkunx fih jew qribu, nogħla kemm nista’
minnu.
Ħadna erba’
ritratti flimkien u issa t-triq li baqa’ wara din il-ponta kollha għan-niżla
fejn kull qaddis jgħin, imma fejn l-irkupptejn jirtgħodu xi ftit.
L-isfel sibna
ftit kenn u waqafna għall-ikla li konna qed inġorru magħna – biċtejn tiġieġ u
ħaxix immarinat. Jien ħadt biċċa waħda
biss tat-tiġieg għax kont għadni qed nibża’ ftit. L-għadam ta’ Josias tajnieh lil kelb kannella
li kien hemm. Inżilna ftit aktar l-isfel
u bdejna nidħlu aktar fil-foresta, f’aktar umdita’, temperatura aktar baxxa u
spettaklu tan-natura differenti. Immaġina
abiss fond b’eluf ta’ metri, imma flok swidija, ħdura, u bis-sħab qisu l-għatu
tal-abbiss.
Komplejna nimxu,
u naħseb li bdejt ngħejja, tant li f’ħin minnhom ħadt ġebla u kważi tellfitni
l-bilanċ kollu, u aħfirli, imma bdejt
inħoss l-affarijiet ftit tedjanti.
Ir-realta’ kbira kienet li kont qed nimmisja l-arloġġ li jtini eżatt
kemm il-kilometru għamilt u kemm baqa’.
Kont qed nimmisja l-kontroll totali.
Josias raġel u
gwida mill-aħjar imma qisu m’għandux sens daqstant preċiż tad-distanzi.
L-aħħar ftit
tat-triq sibt rifuġju f’li ngħodd kull pass, u tgħallimt li f’niżla nagħmel 110
pass kull minuta, u f’telgħa daqs ħamsa u tmenin. F’wita ma nafx kemm nagħmel għax ma kienx
hemm.
Iddeċidejt li
baqgħalna mal-4,000 pass skont kif ikkalkula Josias, imma lħaqt għoddejt elf
biss meta wasalna, bl-arloġġ jaqra s-siegħa u nofs u ħamsa, u li skont
il-programm kellna naslu għall-ħamsa.
Laqgħetna xwejħa
Peruvjana, b’kappell iswed, b’xagħarha minn wara malji, jingħaqdu t-tnejn,
mingħajr wisq tbissim, u kliem Spanjol għax taf kważi biss bil-Quecha.
Il-kuluri Inkjani
u s-sens ta’ sodisfazzjon pattew.
No comments:
Post a Comment