Ftit wara r-revoluzzjoni tal-1959 il-firma ta’ Che
Guevara, bħala l-President tal-Bank Kuban sabet ruħha fuq il-flus Kubani. Illum, sebgħa u ħamsin sena wara,
f’Kalabrija, fuq ċertu flus, mhux firma biss tinsab, imma saħansitra stampa
tiegħu stess. Meta tqis kemm il-darba
il-wiċċ fotoġeniku taċ-Che dar mad-dinja, xi drabi anke biex iservi bħala
publiċità għal kumpaniji li żgur għandhom ideali differenti minnu, faċli wieħed
ma jistgħaġibx wisq u jibqa’ sejjer għal riħu.
Imma dawn il-flus b’Che Guevara fuqhom m’humiex sempliċi stunt
publiċitarju imma parti minn proġett mill-isbaħ imwelled minn Giovanni Maiolo, uffiċjal
fil-Kunsill ta’ Goiosa, fil-qiegħ taż-żarbun tal-Italja, li ħafna drabi sforz
l-ekonomija dipressiva tagħhom, tinħass bħala qiegħ bla lasktu.
Fir-raħal ċkejken ta’ Goiosa jgħixu 7,500 ruħ. Dan ir-raħal jilqa’ ħamsa u sebgħin (1%
tal-popolazzjoni) bejn immigranti li għadhom qed ifittxu ażil u refuġjati. Fl-aħħar elezzjoni reġjonali, Salvatore Fuda
li llum huwa s-Sindku, ppropona fil-manifest elettorali tiegħu li r-raħal
tiegħu għandu jilqa’ refuġjati u immigranti.
Fuda ma kienx sempliċiment ħalliem, imma wkoll prattiku, u x’aktarx
inspirat minn x’ġara f’Riace, raħal ieħor ċkejken ftit ‘il bogħod.
Riace ftit qabel kien raħal minsi, personifikazzjoni tal-kanzunetta
‘Ghost Town’ tal-Ispecials. Il-ftit nies
li kien baqa’ kienu dejjem qed jonqsu, min billi jimxi lejn it-Tramuntana
tal-pajjiż u min għal aktar lil hinn. Is-sindku
Domenico Lucano irribatta dan billi fetaħ il-bibien ta’ raħal twelidu
għall-immigranti u b’hekk fl-aħħar ta ħajja lil dan ir-raħal. L-iskejjel ma baqgħux vojta. L-għalliema għal darba reġa’ beda jkollhom
udjenza. Ir-rota ekonomika ngħatat
iż-żejt minn sors li ħafna nies kienu jarawha bħala bastun fir-rota.
Għal kull immigrant, il-Kunsill ta’ Goiosa jirċievi €35
kuljum, u għalhekk qrib il-miljun ewro fis-sena. Dawn iridu jkopru kull bżonn li immigrant
ikollu, fosthom ikel, akkomodazzjoni, tagħlim tal-lingwa u servizzi ta’
saħħa. Il-bqija jingħataw bħala flus
fil-but. U hawnhekk jidħlu l-flus b’wiċċ
Che Guevara.
L-immigranti minflok Ewros kontanti jingħataw flus b’wiċċ
Che Guevara, li kull waħda hija ekwivalenti għal €10. Flus simili huma ta’ €20 b’wiċċ Hugo Chavez u
ta’ €50 b’wiċċ Karl Marx. Il-kundizzjoni
ta’ dawn il-flus hija li dawn jistgħu jintużaw biss f’Goiosa. Sidien il-ħwienet jaċċettaw dawn il-flus u
wara jsarrfuhom għand il-Kunsill, u jirrealizzaw b’mod konkret li dawn in-nies
li ħafna minnhom ħarbu mill-persegwitazzjoni qed jgħinu lin-negozji tagħhom.
Meta staqsejt lil Giovanni Maiolo, jekk dawn il-flus
joħolqux atmosfera tossika ta’ “aħna u huma”, Maiolo weġibni b’passjoni li huwa
min huwa maqtugħ mir-realtà u jrid jiżra’ l-firda li jirraġuna hekk. “Ir-realtà hija li l-fondi biex ngħinu
lill-immigranti għandhom effett pożittiv ħafna fuq l-ekonomija tar-raħal. F’Goiosa, għoxrin ruħ jaħdmu b’mod dirett mal-immigranti. Għandna sittax -il dar li llum bis-saħħa ta’
hekk huma mikrija, meta qabel kienu vojta, u għalhekk il-propjetarji Kalabriżi
issa qed jaqilgħu minnhom. L-immigranti
għandhom bżonn jagħmlu x-xirjiet tagħhom, u x-xirjiet tagħhom jagħmluhom f’Goiosa.”
Meta l-merħba tkun awtentika tagħti l-frott.
No comments:
Post a Comment