Xi darba kont dar.
Kont ta’ kenn. Erba’ ħitan u saqaf. B’bieb li jiftaħ biex jilqa’ lil min ġie minn
barra. Kemm lil xi barrani biex iżur,
jew għal ta’ ġewwa stess li jien għalih kont bħall-ħobża ta’ kuljum. Il-ħobża, l-ikel li jittiekel wara ġurnata ta’
ħidma, id-dar il-post fejn tmur wara l-istess ġurnata ta’ ħdima. Il-ħobża l-kittla. Jiena l-ispiritera. Il-ħobża tintiehem aħjar fid-dar fejn m’hemmx
bżonn tinqata’ dritta.
Il-bieb kien
jingħalaq ukoll. Wara ġurnata ta’ ħidma
ta’ ġewwa riedu jingħalqu għalihom.
Riedu s-silenzju, li l-ħitan tiegħi kienu jagħtu bil-ġebel dobblu. Għax ix-xemx sabiħa imma kemm se ddum tħares
lejha dirett? F’xi ħin trid id-dell jew
anke d-dlam ħalli l-istess għajnejn li tpaxxew biha jistrieħu.
U l-ħitan servew
ukoll biex l-argumenti jibqgħu hemm u ma joħorġux. Bħax-xita li kienet tinżel u li kien jsorru
fil-bir li hawn fil-bitħa. Ta’ barra ma
jidħolx, ta’ ġewwa ma joħroġx.
Illum m’għadniex
dar. Illum biċċa art li t-tlett aħwa
għandhom ideat differenti ta’ min jista’ jsib kuntrattur l-ewwel. Min jasal l-ewwel ħa jirbaħ perċentwal ikbar.
Ma hemmx bżonn
ninżebagħ bħal qabel. Għax jien mhux
bħal baqra li trid tinbiegħ għall-ħalib.
Imma bħal ħatba li aktar kemm issir irmied malajr aktar aħjar.
Ir-ritratt li nebbaħ din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi. Għal darb'oħra grazzi minn qalbi Pawl.
2 comments:
Għal darb' oħra grazzi lilek tal-kliem sabiħ b'mod letterarju imma ntens u aħrax fuq livell emozzjonali. Wisq!
Għal darb'oħra grazzi lilek tal-kliem li żewwaqt!
Kliem ħlejju fuq livell letterarju, iżda morr u żorr fuq livell politiku u emozzjonali!
Prosit tassew. Kitbietek, kulma jmur dejjem jintgħemu itjeb.
Post a Comment