Saturday, December 28, 2013

Ħamiema



M’iniex bajda u għalhekk ma naħsibx li nista’ nitqies bħala simbolu ta’ paċi.  Waħda mill-griżi li ssib f’kull belt.  Ma nsaffarx.  Ma ngħanniex.  Inbarrak biss.  Ma nafx nibni bejta.  Fil-fatt insib il-kenn f’barumbara, minflok f’xi siġra.

Illum imma tlaqt mill-belt.  U minflok mort f’raħal.  Raħal li jidher antik u jaqbel mal-griż tiegħi imma jsejħulu ġdid.  Imtlejt bit-tama li forsi allura xi darba lili flok ħamiema jsejħuli verdun.  Jew aħjar li jistmawni ta’ wieħed.

Sibt ruħi f’dan il-bini kbir b’bitħa enormi f’nofsu.  Tieqa waħda ħdejn l-oħra.  Ċkejkna.  Daqs il-garżelli tal-pustiera li ħadu xogħol l-antenati tiegħi.

F’salt wieħed sibt ftit frak tal-ħobż u naqqart.  Min kien ġewwa kellimni.  B’lingwa li ma tinftiehemx.  Jien tajt żewġ daqqiet b’rasi.  Wara ġie xi ħadd ieħor.  Ma kellimniex.  Kellem lil min kien qed ikellimni.  Din id-darba fhimtu.  Qallu li jien qed ngħatti ‘l ftit dawl li dieħel.


U tlaqt bil-kwiet bħal antenat li jaf li qed iġorr aħbar ħażina f’munqaru, imma li jaf li serraħ lil min bagħtu biha.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi tar-ritratt inspirattiv tiegħu.

Saturday, August 3, 2013

Għall-bejgħ



Xi darba kont dar.  Kont ta’ kenn.  Erba’ ħitan u saqaf.  B’bieb li jiftaħ biex jilqa’ lil min ġie minn barra.  Kemm lil xi barrani biex iżur, jew għal ta’ ġewwa stess li jien għalih kont bħall-ħobża ta’ kuljum.  Il-ħobża, l-ikel li jittiekel wara ġurnata ta’ ħidma, id-dar il-post fejn tmur wara l-istess ġurnata ta’ ħdima.  Il-ħobża l-kittla.  Jiena l-ispiritera.  Il-ħobża tintiehem aħjar fid-dar fejn m’hemmx bżonn tinqata’ dritta.
Il-bieb kien jingħalaq ukoll.  Wara ġurnata ta’ ħidma ta’ ġewwa riedu jingħalqu għalihom.  Riedu s-silenzju, li l-ħitan tiegħi kienu jagħtu bil-ġebel dobblu.  Għax ix-xemx sabiħa imma kemm se ddum tħares lejha dirett?  F’xi ħin trid id-dell jew anke d-dlam ħalli l-istess għajnejn li tpaxxew biha jistrieħu.

U l-ħitan servew ukoll biex l-argumenti jibqgħu hemm u ma joħorġux.  Bħax-xita li kienet tinżel u li kien jsorru fil-bir li hawn fil-bitħa.  Ta’ barra ma jidħolx, ta’ ġewwa ma joħroġx.

Illum m’għadniex dar.  Illum biċċa art li t-tlett aħwa għandhom ideat differenti ta’ min jista’ jsib kuntrattur l-ewwel.  Min jasal l-ewwel ħa jirbaħ perċentwal ikbar. 
Ma hemmx bżonn ninżebagħ bħal qabel.  Għax jien mhux bħal baqra li trid tinbiegħ għall-ħalib.  Imma bħal ħatba li aktar kemm issir irmied malajr aktar aħjar.



Ir-ritratt li nebbaħ din l-istorja ċkejkna ġie meħud minn Pawlu Mizzi.  Għal darb'oħra grazzi minn qalbi Pawl.

Friday, April 5, 2013

Sinjal





Ħarist ‘il fuq bħas-soltu.  Ix-xemx għajjiena u ma għamitniex.  Is-sħab għattewha.  Imma mingħajr wisq forza.  Qishom qed jgħidulha illum mhux il-ġurnata tiegħek imma billi tittawwal ftit mhux se niġġieldu.  U s-sħab baqa’ bajdani, qisu s-suf ta’ nagħġa li marret tirgħa fil-wied u wara li meliet żaqqha ħadet ħsieb li tinżel ftit fl-ilma titlaħlaħ ħalli r-raħħal jtaptpilha ftit rasha b’ċertu ġentilezza u jgħidilha, ‘imma inti kif qatt ma titħammeġ?’

L-enormita ġġiegħlni tħossni żgħir bħal meta nħares lejn il-baħar.  Imma hemm fuq m’hemm interrozjoni ta’ xejn.  M’hemmx blat fejn l-ilma jiltaqa’ u jwaqqaf il-mewġ.  Lanqas irziezet tal-ħut li jtappnu ftit il-veduta.  Hemm baħħ u minimaliżmu li jimla kollox fl-istess ħin.

Imma issa qed nara sinjal jaqta’.  Imma das-sinjal mhux bħal meta tagħmlu fuq ħġieġa, fuq injama, fuq karta, fuq wiċċek jew jagħmluhulek f’qalbek.  Dan daqt jisfa fix-xejn u taf jien biss qed narah bħalissa.  Qed ‘il fuq, ‘il fuq.  Ma naħsibx li xogħol xi ajruplan tar-Ryanair li ma jmurx ‘il bogħod wisq.

Qed naħseb li x’aktarx xi ajruplan kbir, li se jaqbeż il-fruntieri Ewropej.  Min qed fih x’aktarx mhux japprezza fejn qiegħed.  Qiegħed bil-qegħda mitluf fi ħsibijietu, f’xi ktieb jew f’xi film li taf qed jarah aktar biex joqtol il-ħin milli għax irid jarah.  U ma jafx li l-vettura li qed fih qed iħalli s-sinjali warajh.

U se jaqsam minn pajjiż għall-ieħor u fejn se jieqaf mhux se jsaqsuh kif kien is-sħab hemm fuq, imma sempliċiment fejn hu l-passaport.


Dawn l-erba' kelmiet huma mnebbħa mir-ritratt ta' hawn fuq li għal darb'oħra huwa xogħol sieħbi Pawlu Mizzi.  Midjun lejk ħabib.

Monday, January 7, 2013

Bandiera





Il-passaport aħmar waħdu bi kliem sofor kulur id-deheb.  Il-bandiera hawnhekk bajda u ħamra, u flok kliem bid-deheb, salib griż.  Poeta Nomadu u li jikteb bil-Malti, Antoine Cassar ifakkarni li l-passaport huwa biċċa dokument li hawn min għamlu bżonnjuż meta fil-fatt m’hemmx bżonn tiegħu.  Tkun barra ikollok tieħu ħsiebu aktar mill-kartiera.  Qisek dak li jpejjep u jistqarr li ġismu għandu bżonn in-nikotina.  U jitfa’ n-nikotina f’ġismu, daqs li kieku l-aktar ħaġa naturali u instintiva għall-ġisem.  B’mod simili ħolqulna l-passaport.  Biex naqsmu minn post għall-ieħor.  Qisu d-dinja mhux waħda.  Inħolqu fruntieri biex qisu jkollna pakketti tas-sigaretti differenti mill-oħrajn.  Daqs li kieku mhux kollha nikotina u tabakk għandhom.  U mhux kollha duħħan jipproduċu, li jġagħluk tisgħol agħar milli meta jkollok riħ u ddejjaq u tnitten lil ta’ ħdejk bihom.

Fid-dgħjufija tiegħi l-bandiera kultant naraha tixgħel.  Oħrajn biċċa drapp mimlija mugrufun.  Bħal mara li kultant taraha ordinarja u oħrajn qisha personifikazzjoni ta’ dak kollu li hu sabiħ.  U mhux ir-riħ u jekk tperpirx jew le li tagħmilli din id-differenza.  Inkun il-barra minn din il-biċċa art bi fruntieri matul il-baħar Mediterran u b’xi mod nilmaha, x’aktarx ma’ xi uffiċju tal-AirMalta u nħoss rehxa ma’ ġismi.  Qisu l-mument preżenti mhux biżżejjed u li qtajt biljett biex tinqata’ ftit minn dik l-art kien xi żball.  Trid tmur lura lejn dak li ħrabt minnu imqar għal ftit jiem.  Bħal meta titla’ quċċata ta’ muntanja u minflok tgħożż il-veduta u s-sħab taħt saqajk tehwden li t-telgħa kollha li tlajt issa trid tinżilha l-isfel.  Bħal li kieku issa li rbaħt ix-xjaten kollha biex tlajt mhux kull qaddis se jgħinek għan-niżla.

Imma forsi bħalissa qed nara l-iswed biss.  Għax forsi l-griż ta’ din il-bandiera bil-fors ifakkrek fil-gwerra.  U jekk gwerra mhix sewda ma nafx x’jista’ jkun iżjed iswed.  Għax bandiera fl-Olimpjadi titla’ bil-mod il-mod u kulħadd japprezzaha.  Ma jkunx hemm min isaffar.  Kultant tfakkrek li hawn irkejjen oħra tad-dinja li jekk m’għandhomx isem jew bandiera , inti qatt ma titħajjar iżżur jew tesplora dik ix-xi ħaġa ta’ seħer li żgur li għandhom differenti minn irkejjen oħra.

Umbgħad hemm fenomenu ieħor.  Fenomenu ta’ nies bla passaport u wisq anqas bandiera.  Għax forsi l-passaport irmewh waqt li qed jaqsmu baħar kiefer li kien deher li se jiblagħhom.  U minkejja li fir-realtà qatt ma kien hemm bżonnu, dak li jkun hemm mal-fruntiera bħall-ġisem li dara n-nikotina u meta ma ttihilux itertqek minn ġewwa.

Għal darba oħra, dawn l-erba kelmiet kienu inspirati mir-ritratt ta' hawn fuq li ttieħed minn sieħbi Pawlu Mizzi.