Kont qiegħed hemm fuq il-moll.
Bil-qiegħda aktar milli mixħut.
Il-baħar kaħlani, kajman, il-mewġ nofs kedda. Xagħri mhux twil u għalhekk lanqas biss iċċaqlaq. Meta nkun il-Belt qatt ma nieħu malja
miegħi. Ma nafx għaliex imma l-Belt qatt
ma nassoċjah mal-baħar u għalhekk il-malja l-aħħar ħaġa li tgħaddieli minn
moħħi biex nixħet fil-basket li nġorr wara dahari. Imma llum wara li għamilt li kelli nagħmel
fettilli ninżel ‘l isfel u nimrah lejn il-baħar. Li qiegħed fejn il-baħar u mhux se ninżel
ngħum ħassejtni qisni qed nonqos. Bħal
meta tmur titlajja qrib xi kunċert biex forsi tisma’ xi ħaġa għax biljett jew
ma lħaqtx tixtri jew il-but qed jgħir u jikkonvinċik biex tħallielu ftit
kumpanija ta’ żewġ karti mgeżwra.
Qisu mhux jien biss ma nassoċjax
il-Belt mal-baħar, għax minn tant nies fit-toroq ewlenien hawn jien u dan
it-tifel biss. It-tifel ukoll qiegħed
hawn mingħajr biss mhu se jgħum. Jien
il-baga li hemm bi dritti qisni qed inħossha tinkini. Qiegħda tgħidli llum mhux se tużani b’sinjal
biex tgħum sa ħdejja u ddawwar denbek lura?
Dan it-tifel qed kwiet hawn
waħdu. Ma jidhirx żerbinott. Jidher li għandu bżonn il-ħin waħdu, u
għalkemm jien bħalissa qed waħdi qisni qed inħoss għalih li m’għandux
kumpanija. Għax meta tikber normali li
trid ftit ħin għalik, imma meta għadek żgħir is-solitudni morra. U l-morr it-tfal ma jħobbuh xejn, mhux
bħalna. Bħall-affarijiet jaħarqu. Ħafna żgħar lanqas il-Kinnie ma jniżżlu.
U qtajtha li għandi ngħidlu kelmtejn. Minn fejn se nibda?
‘Illum sabiħ il-baħar hux?’
‘Żaqqu ratba u rasu iebsa’.
‘Għalhekk ma ġibtx il-malja u
għomt ftit?’.
‘Iva.’
‘It-tfal mhux ukoll raskom
iebsa?’
‘Iva, imma aħna ma naslux daqs
il-baħar’.
‘Il-baħar illum kalm, mhu se
jasal imkien’.
‘Is-sena l-oħra imma ħadli
lill-papa.’
Lanqas ċamata ma qatt ħallietni daqshekk bla nifs.
Din l-istorja ċkejkna hija mnebbħa bħas-soltu mir-ritratt ta' Pawlu Mizzi. Għal darba oħra, grazzi Pawl!
No comments:
Post a Comment