Il-Ħadd
filgħodu. Qed fuq il-mobajl nitkellem ma’
tad-dar mill-Italja. Qed fil-parking ta’
supermarkit nistenna barra lill-kumpanija tal-ġurnata jixtru x’jieklu għan-nofs
ta’ nhar li ġej fil-kampanja ta’ Calabria.
Illum egħluq snin missieri u aktar ċempilt bil-ħerqa. Wara l-awguri qabadhieli fuq il-futbol u
r-riżultati tal-bieraħ. Fakkarni. Li nsejt.
Il-bieraħ il-Liverpool lagħbu.
Ġew dro mas-Sunderland barra minn darhom. Mill-fanatiċiżmu ta’ darba baqa’ biss
il-memorji. Uħud sbieħ, uħud distakkati.
Fil-għaxija. Qed intella’ saqajja ‘l fuq minn mixja
tajba. Dik is-sensazzjoni ħelwa ta’
għejja, u issa s-sodisfazzjon tar-serħan li nkiseb wara li ħdimt għalih. Bħall-mastrudaxxa li jieħu gost iħoss l-injam
lixx u jiżloq wara li xkatlah hu bis-sandpaper.
Niżżilt l-Observer fuq
il-Kindle.
Din l-aħħar
ġimgħa hawnhekk f’Caulonia ma kontx imqabbad mal-internet. Imma t-Tlieta filgħaxija rċivejt messaġġ
min-numru Ingliż li sidu sa issa għadni ma nafx. Imma bilfors ħabib tiegħi: ’18 –il kampjonat
u 5 Tazzi taċ-Champions, u din l-akbar rebħa’.
Messaġġ ieħor minn ħabib aktar ta’ ġewwa kkonfermali dak li ħsibt. Ħareġ xi ħaġa fuq Hillsborough.
U issa bil-Kindle
f’idi, hawn dawn l-artikli fuq dik il-ġurnata u nħoss dik is-sensazzjoni li
qabel kont inħoss meta nara ballun jinbaram f’xibka mqabbda wara żewġ lasti
wieqfa u oħra mimduda. U l-fjus itir xi
ftit u niċċaqlaq ħafna.
Niftakar naqbad
il-ktieb ta’ Dalglish meta kont għadni l-iskola u naqra fuq x’ġara
dakinhar. Niftakar il-minuti ta’
silenzju ta’ qabel xi logħba qrib il-15 t’April. Niftakarni nilbes il-fjamma fuq flokk f’waħda
mill-mawriet f’Liverpool. Nifakar
nistenna fil-ħanut tal-Hillsborugh Justice Campaign eżatt faċċata tal-grawnd u
ngħid kelma hemm.
U niftakar naħseb
f’qiegħ qalbi li dak li ġara ġara. Jien
ma tlift lil ħadd. Forsi l-ġlieda
qiegħda hemm biex inħossu dik ir-ribelljoni ta’ darba studenti. U li forsi din hi kawża bħall-oħrajn, li
emmint fiha u tajtha l-enerġija tiegħi imma ftit wara ċ-ċiniżmu rebaħ.
Imma min iġġieled
din id-darba baqa’ sal-aħħar. U l-verità
ħarġet b’mod uffiċjali. Is-sitta u
disgħin mietu għax kien hemm min m’għamilx xogħolu. Għax kien hemm pre-ġudizzju fuq din l-komunità qabel
kollox.
U waqt li l-qalb
ma tantx għadha tħabbat meta l-ballun jinbaram fix-xibka, din ir-rebħa, forsi
fuq il-mejda, jew aħjar fit-toroq, ħaditni lura f’ħolm jew memorji melankoliċi,
sejjħilhom li trid u tqanqalt.
Għal darba flok
tela’ l-prezz taż-żejt, tela’ ż-żejt innifsu f’wiċċ l-ilma.
Din il-kitba nkitbet oriġinarjament nhar il-Ħadd, 16 ta' Settembru.
No comments:
Post a Comment