Thursday, September 6, 2012

Leħen tal-fuħħar (u stejjer oħra) ta' Walid Nabhan




Illum il-ġurnata, l-fuħħar x’aktarx issibu jinħoloq fil-villaġġ tal-artiġjanant f’Ta’ Qali.  Trid tgħarrex għalih mhux ħażin għax ftit baqa’ min jaħdmu.  Naħseb ma tantx iħalli qliegħ, u jekk xejn fl-istess villaġġ aktar issib min imur biex jixtri xi ornament tal-ħġieġ jleqq b’forma jew disinn partikulari.  It-tafal li jintgħaġen fil-fuħħar forsi għalhekk wieħed mill-ftit materja li m’humiex mhedda li jispiċċa.

Imma Walid Nabhan jidher li dak li mhuwiex daqstant popolari xorta jidħol taħt qoxortu u jġegħlu jesprimih.  Mhux f’xi bomblu imma f’kitba, li imma bħal bomblu stess trid tara minn fejn se taqbdu għax taf jinkiser f’idejk u malajr tispiċċa l-isptar tikkjuwja biex iħitulek erba’ punti f’ġildek.
Nabhan huwa wieħed mill-ftit persuni (jekk mhux l-uniku) mhux imwieled fuq il-blata msejjħa Malta, jidhirli li mingħajr antennati Maltin imma li jikteb u jippublika bil-Malti.  U bl-istess lingwa li jiena u inti nużaw ta’ kuljum jikteb jew fuqna stess jew fuq dak li jseħħ barra minn fuq din il-blata.  Jirrakontalna fuq dak li jseħħ barra minn xtutna bil-lingwa tagħna stess.  Bħal dak is-Sirjan li jiksilek il-franka Maltija bis-sengħa li tgħallem f’xi imkien qrib Damasku.  Anke jekk forsi m’għedt lil ħadd li kien Sirjan li ksielek.

Ifakkarna li fiżikament qegħdin qrib ħafna ta’ ċertu artijiet, imma aħna nippreferu nħarsu n-naħa l-oħra.  U waqt li mneħirna forsi nxammruh meta nisimgħu b’xi aħbarijiet minn hemm, għandna komuni magħhom ħafna aktar milli naħsbu, jew aħjar milli nammettu.

U l-Malti użat mill-isbaħ.  Billi l-fuħħar ma tantx għadu moda ma jfissirx li m’hawnx għad min għandu sengħa biżżejjed biex joħloq dak li jpaxxi.  Anke jekk ma jleqqx.

Il-ktieb jista' jinkiseb onlajn minn hawn.


No comments: