Wednesday, May 16, 2012

Ċavetta



Niftakrek ittihieli f’idi.  Kienet bejn subgħajk il-kbir u t-tieni subgħa.  Jien kelli niftaħ il-pala sħiħa ta’ idi.  Bħala ġest aktar minn kollox.  Kont rajt u ħassejt is-solennità f’għajnejk.  U inti żgur li l-pala ta’ idi rajtha bħala platt tal-fidda aktar milli pala tax-xaħx.  L-apparenza ma kienitx tagħmel bik imma inti żgur ma kontx se tafda biċċa minn ħajtek fuq pala li normalment tintuża biex tarmi.  Sa hemmhekk tikkonforma.  U s-simboli jfissru xi ħaġa għalik.

Imma dik veru kienet bicca minn ħajtek kif għedtli?  Għax jekk hu hekk, kif ħallejtha tissaddad hekk?  Imma umbgħad jien li naf  kif inti tirraguna, l-affarijiet jagħmlu ħarira aktar sens għax li mhux kull ma jleqq hu deheb ma kienx sempliċi idjoma għalik.  U darba smajtek tgħid li l-lostru jaħbi w jgħatti aktar milli jsebbaħ.  Dik qiegħda hemm, hi kif inhi u tagħmel dejjem xogħolha.

Kliemek għadhom idoqqu f’widnejja, kompliċi mal-ħass tal-ewwel darba tagħha f’idi.  Kelma b’kelma qishom il-kliem tad-diska favorita tieghi.  Din id-darba imma veru l-kliem kienu għalija, u għalija biss.  Għax qabel kont nisma’ diska, infittex il-lirika, dak iż-żmien fil-kaxxa tal-kassett u naħseb li l-kantant kien qed ikellem lili.  Jew li din stajt ktibtha jien stess.  Jew billi qabel ma kontx issib il-lirika malajr bħal-lum niffoka fuq il-korus u ninsa l-bqija tad-diska.  U nisma’ dak li rrid nisma’.  Ħu minn Lithium tan-Nirvana.  Kont nisma’ I’m so happy cause today I found my friends, u daqshekk.  Kont nghid dan bhali.  Li jkompli ‘I’m so ugly, that’s okay’ ma kontx nagħti kas.

Kont ngħid Kurt Cobain qed jitkellem bil-lingwa tiegħi, u li dawk l-għaxar kelmiet kitibhom hu u mhux jien, sempliċiment kumbinazzjoni.

Megalomania jew innoċenza ma nafx.

Ma kienx hemm rimi.  Leħnek kien ftit maħżuż.

‘Iċ-ċavetta tieghek, u dik tiftaħ ir-remissa.’

Ma hemmx titli.  Lanqas indirizz.  Għax fix-xaghri ta’ fejn il-baħar ħadd ma jindenja ruħu jagħti wieħed.  U fir-realtà ma hemmx bżonnu, bħal m’hemmx bżonn ta' kuntratt bejn il-ħbieb. 

Tfajtli f'idi dak li dejjem ridt mingħajr ma xtaqt jew ħlomt għax l-immaġinazzjoni tiegħi limitata.  U issa qiegħed hawn fir-remissa miftuħa miċ-ċavetta, ingawdi l-kenn u s-silenzju li xi darba kienu tieghek biss.

Tinkwetax mhux se nbiddilhom f’xejn aktar. 

U nifhem li ċ-ċavetta msadda bir-raxx tal-ilma baħar.

No comments: