Sunday, May 27, 2012

Manneriżmu




Ilni ndur u nagħqad.  Hawn f’dil-belt.  Mingħajr mappa.  Bejn għax ma tantx naf naqra waħda u bejn għax m’għandix għalfejn.  Kull m’għandi f’idi huwa l-ħin u l-preżent.  U f’saqajja kull m’għandi huwa qorq, b’qiegħ kemm kemm maqtugħ mit-tarmak.

Imma hawnhekk ħa ninżgħu.  Għax issa m’għandix bżonn nevita t-tarmak iswed li jgħakkarli saqajja.  Iċ-ċangaturi tal-ġebel friski, u l-fili bejn waħda u oħra jgħarrxuli saqajja.

Dort fuq ix-xellug tiegħi u sibt dan il-post, ‘il bogħod mill-attivita tal-belt.  Forsi tgħidli x’ġejt tagħmel f’belt jekk ma tantx tixtieq tħoss attivita madwared u trid il-kwiet?  Inti tisma’ lil Leonard Cohen jekk trid timtela bl-ottimiżmu?  Le, u lanqas nixrob il-ħalib tas-soja waħdu meta jkolli togħma morra f’ħalqi u rrid inbiddilha.

Imma kultant toħroġ mill-bieb b’tir f’moħħok, tispiċċa tolqot l-għasfur u flok tifraħ, tgħid dan xi qtiltu nagħmel u tqatta’ l-kumplament tal-ġurnata bit-tromba f’idejk tapprezza t-tjur itir fis-sħab.  Flok b’ġebla waħda toqtol żewġ għasafar, mingħajr ġebla waħda tara mitt għasfur u l-ġurnata tibqa’ miegħek aktar minn kemm il-gamiema ddum fl-istonku tiegħek.
U llum hekk ġrali.  Terraqt f’belt kapitali imma l-istint ġarrni hawn.  Ma nafx kemm hu sikur.  Bħalissa ma tidhirx ruħ.  Il-pulizija m’hix hawn.  Ma nafx hux għax m’għandiex bżonn jew għax hi stess tiddarras minn hawn.

Il-ħitan imġarrfa.  Il-bibien imbarrati.  Imma hemm tieqa u ma fiha ebda persjana.  Il-ħġieġa mhux imkissra u hemm purtiera ħafifa, kemm tagħti ftit privatezza waqt li tħalli d-dawl jgħaddi.  Hawn it-tiġrif, mhux tal-gwerra jew ta’ xi kuntrattur imma taż-żmien li qisu ġurnata wara ġurnata trejjaq mill-ġebel ta’ hawn, jieħu biċċa, biċċa minn kull ġebla biex ma tantx jagħti fil-għajn li anke hu għandu bżonn xi ħaġa biex jimtela.  Jew forsi biex jehda.  Jew forsi nfexx f’dawn il-ġebel wara li ddarras b’li ra hawn isfel ‘il bogħod minn kulħadd.

Ix-xemx bħaż-żmien ma nsietx hawn.  Hawnhekk imma ma tixxebkilx bħal kif tagħmel mas-siġar, hawn taqta’ l-linji dritti bħal Ġlormu Cassar.


Ir-ritratt huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi ħabib.

No comments: