Monday, April 23, 2012

L-Għanja tal-Poplu




Is-siġġu ta’ fuq ix-xellug tiegħi kien vojt.  Bl-arja kundizzjonata tagħmel mill-aħjar li tista’ biex tħossok li qiegħed f’xi teatru miftuħ Grieg fix-xitwa aktar milli ġos-sala Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta ma tantx ħadt gost narah vojt.  Bir-reżha nieżla l-isfel u tippenetra bdejt nikkonspira bejni u bejn ruħi li l-arja kundizzjonata hi b’saħħitha daqshekk għax il-kont tad-dawl tal-Università x’aktarx issussidjat. 
Is-siġġu tiegħi ikun E12, il-vojt ta’ ħdejja kienet it-tlettax u għedt naħseb ma nxtarax għax hawn ħafna nies superstizzjużi.  Imma fir-realta’ mhux dak kien l-uniku siġġu vojt fis-sala li għal-lum kellha tospita il-festival tal-Għanja tal-Poplu.

Kanzunetta wara l-oħra, l-palk u l-ktejjeb bil-lirika assorba s-sub konxju kollu u t-tehwdin u l-konspirazzjonijiet ta’ qabel saru xi ħaġa tal-passat.  Ħafna drabi l-pjanu klassiku preferit fuq keyboard, inħasset atmosfera ta’ awtentiċità.
Il-lingwa nattiva tesprimi dak li lingwa barranija tispjega. 
Il-lirika kienet kontemporanja u reali.  Xi kultant nammetti li kienet fuq in-naħa negattiva – abbużi sesswali fil-familja, omm ta’ żewġt’itfal fuq is-sodda tal-mewt, darba oħra imnebbħa minn fuljett tal-Moviment ta’ Kana.  Biss forsi sa fl-aħħar sirna niktbu fuq il-ħajja ta’ kuljum u ma nibżgħux inħarsu lejna nfusna fil-mera.  Imxejna miż-żmien meta konna nimlew il-vapuri lejn l-Awstralja għax hawn ma kien hawn xejn u l-poeżija tagħna titkellem fuq kemm għandna xemx sabiħa.  U wara kollox liema kien l-aħħar rumanz li qanqlek u kien mimli pożittività?

Il-kanzunetta fl-ordni tan-numru tas-siġġu vojt ta’ ħdejja kienet ‘Malta Tiegħi’ tal-Kultural.  Erbgħa telgħu fuq il-palk b’vjolin, tanbur Afrikan, mikrofonu u kitarra.  Il-lirika kont diġà tajtha daqqa t’għajn bis-serqa u ntrigatni.  L-awtur jew awturi imdaħħlin f’kontradizzjoni bejnhom u nfushom li min jaf kemm ħassejtu jien stess.  Din il-blata li tissejjaħ Malta.  Kultant tħobbha.  Kultant ma tiflaħiex.  L-istess dilemma li forsi nies bħal Ġwann Mamo jew Manwel Dimech ħassew għall-ħaddiem Malti.  L-imħabba bla qies tant li taw biċċa minnhom infushom lejh u fl-istess ħin jiskantaw bl-injuranza tiegħu u kif inhu kuntent u jilgħaq lil dak li jagħsru.  L-ebda demografija tas-soċjetà Maltija ma ssemmiet imma moħħi hemm mar. 
U flimkien mal-lirika, il-mużika ħarġet sinċerità u ħassejt l-innoċenza ta’ dawn l-erba’ żerbinotti.  Ftit kordi tal-kitarra intużaw, imma kienu biżżejjed bħal meta ħarsa waħda tkun biżżejjed biex tifhem dik xi trid tgħidlek.  Jew bħal meta nifs jgħidlek ta’ ħdejk hux komdu jew qed jitqanżah.
U ridtha tirbaħ għax ridt nerġa’ nismagħha għal darb’oħra malajr kemm jista’ jkun.

Wasal l-intervall, indaqqet il-qanpiena għal darba, darbtejn, tlieta u ntasabt għal darba oħra fis-siġġu.  Ukren wasal b’instrument b’tnejn u sittin korda donnu biex juri ftit kuntrast mad-diska li sa issa għadha f’widnejja.  Qablu kien hemm il-Brikkuni li bi tlett numri, jimlew aktar is-serata waqt li jfakkru fejn bdew u fejn waslu llum, b’isimhom jidher li għarrex widnejn il-preżentatur, b’ilsienu jirrepeti l-isem qisu qed jomgħod ħelwa tal-maskta.
Sarah Class tat tlett numri, fejn laqtitini aktar milli meta meta użat il-valvi tal-pjanu milli l-kordi tal-kitarra.
Għaddew dawn it-tlett artisti u wasal ħin tal-verdett tal-ġurija.  Ma tantx inħossni komdu nara min jirbaħ u min jitlef fil-qasam tal-arti.  Imma għal-lum se nagħlaq għajnejja.
Kultural rebħu u erġajt għext ‘Malta Tiegħi’. 

In-numru tlettax rebaħ.  Bħal Malta dan in-numru jiġi offiż ta’ spiss.  Imma parti mill-matematika’ ta’ kuljum daqs kemm il-blata li tissejjaħ Malta hi parti minn min aħna.


Malta Tiegħi tista' tinstema' hawn.

4 comments:

Sheena said...

Jean! Kemm għoġbitni din! Proset. Qisni kont hemm.. fis-siġġu vojt ta' ħdejk. :) Ħu ħsieb.

jean paul said...

Kienet tkun lejla aktar interessanti :)

Pawlu Mizzi said...

Prosit Jean! Għoġbitni n-narrattiva speċjalment kif iddeskrivejt il-kesħa tal-arja kundizzjonata. Nammetti iżda, illi kieku kelli nikteb jien, kont inkun bil-wisq negattiv fuq dik is-serata. Sinċerament rajt livell medjokri mmens.

Sheena... hawn għandek stedina uffiċċjali jkolli ngħid. Darb'oħra rrid narakom flimkien! :)

Arcibald said...

Pawlu... nistennewk tikteb l-opinjoni tiegħek dwar is-serata speċjalment dwar x'ħassejt li kien ta' livell medjokri. Mingħajr opinjonijiet sinċieri ta' dan it-tip m'għandna l-ebda ċans li l-livell jogħla.