Ir-ramel inħobbu.
Speċjalment fejn jiltaqa’ mal-baħar.
Forsi nħobbu għax ifakkarni fil-baħar.
U fil-fatt inħobbu l-aktar meta jiltaqa’ mal-baħar. Għax jixxarrab. U jibbies.
Nimxi fuqu b’aktar faċilita. U
jiffriskali saqajja.
Sieħbi imma ma jafdahx. Jgħid li qatt ma taf x’hemm mistur fih. U ta’ ġo fih taf iweġġak. Jidħol f’saqajk u jinfettak. U fitt ukoll.
Dubbiena tiġi fuqek u titlaq.
Imma r-ramel jeħel miegħek. Ileqq
veru imma ma jiswiex daqs kastell mibni minn tifel.
Illum imma
webbiltu jiġi miegħi. Għedtlu mmorru
sal-baħar. Ma semmejtx ramel għax
inkella ma kienx jiġi mill-ewwel.
Għaddejt għalih u konna fil-karozza tiegħi. U bl-isteering f’idi ġejt hawn
fil-bajja. Għedt f’qalbi jgerger tnejn
fil-bidu u malajr jgħaddielu. U kien
liebes papoċċ mhux karkur allura m’għandux skuża li se jeħel miegħu jew li
jista’ jdaħħal xi ħaġa f’saqajh.
Ipparkjajt. Inżilna mill-karozza. Qalli mela hawn ġejna. U jien dħakt.
- Se ngħaddi
sal-latrina jiena.
- Irranġa. Jien se nibda nimxi lejn il-baħar.
- Narak aktar tard
mela.
U mxejt fuq
ir-ramel. In-naħa n-niexfa. Ma qarmiċx taħt saqajja imma mellisni. Kważi xtaqt li għandi qasma f’saqajja ħalli
jidħol ftit ramel hemm u jsir aktar parti minni. Mort in-naħa l-oħra tal-bajja. Ridt nimxi fuq ir-ramel kemm niflaħ, imma ma
ridtx indur u nagħqad fi ċrieki, għax bżajt li l-koppja mixħuta fuq ir-ramel
jgħadduni b’sempliċi.
Intasabt fejn
kien hemm biċċa ġebla ġmielha u xrift ix-xugaman. Il-ġebla sservi bħala mħadda. Se tkun iebsa vera imma r-ramel se jkun aħjar
mill-aqwa saqqu. Ħriġt il-ktieb. Naqra ftit qabel ninżel ngħum. Għadu ż-żmien għall-baħar forsi imma la qed
hawn u x-xemx qed tiddi mhux se nitlef għawma.
Imma nħalli l-għawm għall-aħħar.
Bejn għax l-għawma qisha l-ġelat u għalhekk tagħmilha l-aħħar biex tissiġilla
l-ġurnata u bejn ikolli nammetti li ‘l bogħod mill-idealiżmu nagħmel hekk għal
ġieħ il-prattiċita.
Jekk ngħum issa
nirżaħ u jkolli ndur lejn id-dar.
Sadattant se
nixħet rasi ‘l fuq u nkompli dal-ktieb.
U rasi qiegħda ‘l
fuq imma l-ktieb niżżiltu biex naħseb ftit fuq l-aħħar sentenza li qrajt.
‘It-tama bħal bużżieqa, ma tistax issalpa lejn
is-sema jekk iżżommha bi spaga.’
U qed nara ħames
bżieżaq. Safra, ħamra, blu, vjola u
ħadra. Tnejn oħra jonqos biex ikun hemm
il-kuluri tal-qawsalla. U mdendel
magħhom, jixxengel ‘il fuq mir-ramel hemm Xandru.
Xengilt idi. Mhux bħal Taljan meta jrid jispjega. Imma bħal Malti li qed jistgħaġeb u ma jistax
jifhem.
- Taf li
niddejjaq nimxi fuq ir-ramel.
2 comments:
illami habib! narrattiva sabiha wisq tant li hassejtni miexi fiz ziffa tal bajja jien ukoll fir-riha tal bahar.
prosit ukoll tal-hsieb semplici izda hlejju li harbixt.
Grazzi minn qalbi Pawl.
Post a Comment