Friday, April 20, 2012

Ramel u bżieżaq




Ir-ramel inħobbu.  Speċjalment fejn jiltaqa’ mal-baħar.  Forsi nħobbu għax ifakkarni fil-baħar.  U fil-fatt inħobbu l-aktar meta jiltaqa’ mal-baħar.  Għax jixxarrab.  U jibbies.  Nimxi fuqu b’aktar faċilita.  U jiffriskali saqajja. 

Sieħbi imma ma jafdahx.  Jgħid li qatt ma taf x’hemm mistur fih.  U ta’ ġo fih taf iweġġak.  Jidħol f’saqajk u jinfettak.  U fitt ukoll.  Dubbiena tiġi fuqek u titlaq.  Imma r-ramel jeħel miegħek.  Ileqq veru imma ma jiswiex daqs kastell mibni minn tifel.

Illum imma webbiltu jiġi miegħi.  Għedtlu mmorru sal-baħar.  Ma semmejtx ramel għax inkella ma kienx jiġi mill-ewwel.  Għaddejt għalih u konna fil-karozza tiegħi.  U bl-isteering f’idi ġejt hawn fil-bajja.  Għedt f’qalbi jgerger tnejn fil-bidu u malajr jgħaddielu.  U kien liebes papoċċ mhux karkur allura m’għandux skuża li se jeħel miegħu jew li jista’ jdaħħal xi ħaġa f’saqajh.

Ipparkjajt.  Inżilna mill-karozza.  Qalli mela hawn ġejna.  U jien dħakt. 

- Se ngħaddi sal-latrina jiena.
- Irranġa.  Jien se nibda nimxi lejn il-baħar.
- Narak aktar tard mela.

U mxejt fuq ir-ramel.  In-naħa n-niexfa.  Ma qarmiċx taħt saqajja imma mellisni.  Kważi xtaqt li għandi qasma f’saqajja ħalli jidħol ftit ramel hemm u jsir aktar parti minni.  Mort in-naħa l-oħra tal-bajja.  Ridt nimxi fuq ir-ramel kemm niflaħ, imma ma ridtx indur u nagħqad fi ċrieki, għax bżajt li l-koppja mixħuta fuq ir-ramel jgħadduni b’sempliċi.

Intasabt fejn kien hemm biċċa ġebla ġmielha u xrift ix-xugaman.  Il-ġebla sservi bħala mħadda.  Se tkun iebsa vera imma r-ramel se jkun aħjar mill-aqwa saqqu.  Ħriġt il-ktieb.  Naqra ftit qabel ninżel ngħum.  Għadu ż-żmien għall-baħar forsi imma la qed hawn u x-xemx qed tiddi mhux se nitlef għawma.  Imma nħalli l-għawm għall-aħħar.  Bejn għax l-għawma qisha l-ġelat u għalhekk tagħmilha l-aħħar biex tissiġilla l-ġurnata u bejn ikolli nammetti li ‘l bogħod mill-idealiżmu nagħmel hekk għal ġieħ il-prattiċita. 
Jekk ngħum issa nirżaħ u jkolli ndur lejn id-dar.
Sadattant se nixħet rasi ‘l fuq u nkompli dal-ktieb.

U rasi qiegħda ‘l fuq imma l-ktieb niżżiltu biex naħseb ftit fuq l-aħħar sentenza li qrajt.

‘It-tama bħal bużżieqa, ma tistax issalpa lejn is-sema jekk iżżommha bi spaga.’

U qed nara ħames bżieżaq.  Safra, ħamra, blu, vjola u ħadra.  Tnejn oħra jonqos biex ikun hemm il-kuluri tal-qawsalla.  U mdendel magħhom, jixxengel ‘il fuq mir-ramel hemm Xandru.

Xengilt idi.  Mhux bħal Taljan meta jrid jispjega.  Imma bħal Malti li qed jistgħaġeb u ma jistax jifhem.

- Taf li niddejjaq nimxi fuq ir-ramel.

2 comments:

Pawlu Mizzi said...

illami habib! narrattiva sabiha wisq tant li hassejtni miexi fiz ziffa tal bajja jien ukoll fir-riha tal bahar.
prosit ukoll tal-hsieb semplici izda hlejju li harbixt.

jean paul said...

Grazzi minn qalbi Pawl.