M’għandix għalfejn nippanċja fis-sitta ta’ fil-għodu. Imma l-iżverjalin jdoqq fil-ħamsa. Qabel ma jdoqq ta’ min jibda fis-sitta. U jien inqum b’inqas tbatija. Forsi l-bajtra veru qiegħda f’ħalq il-ħmir. Il-buttuna tal-isnooze fiha użu daqs buttuna fuq flokk taċ-ċingi.
Imma naf li int ma tifhimnix. I-gijżer imma xorta tixgħelu meta jien ninsa u napprezza.
Tqum kmieni, barra għadu d-dlam u ma tarax nies barra. Bħalissa s-sirda u l-kesħa. Kultant ankè x-xita. Ma tara xejn. Għax li forsi tmur dawra fil-kampanja l-Ħadd wara nofsinhar, tieħu ftit xemx tifimha, imma li tiġri għall-ħamsa u nofs fid-dlam ta’ kuljum, għidli, x’qed tieħu?
Imma dak il-ħin, l-istilel jiddu l-iżjed. Jiskuntraw mad-dlam u jfakkruni li d-dlam kollu tal-lejl xorta ma jitfix id-dawl, ġej min pjaneta ‘l bogħod ‘il bogħod jew minn sulfarina f’idejk. Bħalissa l-kwiet u l-ħemda, li jien nikser b’passejja u nifsejja, li nisma’ jien biss. Id-dlam jerġa’ jinkiser bil-fanali mixgħula ta’ xi karozza. Ta’ xi ħadd x’aktarx sejjer lejn il-barriera jew f’xi fabbrika. U jien nara li qed fil-genb kemm jista’ jkun. Naħseb il-flokk kulur il-fosfru jiddi wkoll u jarani. Għallinqas nispera.
U fil-għodu l-arja għal darba ftit pura. It-tarmak tat-toroq mhux kollu meħud mill-karozzi. U għal darba nħossni għandi biċċa mit-triq daqs min qed bil-qiegħda wara rota mmexxi fuq erba’ roti b’tajers wesgħin.
Hawn min jistenna u jistenna jara staġun jinbidel fi staġun ieħor. Hekk inħosshom jinbidlu f’dik is-siegħa jew siegħa u nofs li nkun barra. Nibda bil-kesħa. Bħalissa ftit kiefra, imma malajr tinbidel f’għaraq. U nħossni komdu, sodisfatt li dak l-għaraq ħriġtu jien, pass wara pass mhux għax qgħadt taħt ix-xemx. U l-lejl u d-dlam jinbidel bil-mod il-mod minn iswed f’kaħlani, u kultant tfiġġ ftit il-ħmura tax-xemx fil-għodu. Hekk bil-mod il-mod, kollox kajman. Dal-ħin m’għandi għaġla ta’ xejn.
Naf li hemm tmien siegħat quddiemi bil-qegħda fuq siġġu, imma issa qed fuq saqajja u ħallini ngħix il-preżent.
Il-ġurnata bdiet bit-tajjeb.
1 comment:
...sakemm matul il-lejla kiefra ma jkunx għamel ilma biżżejjed li l-ħofor isiru għadajjar, u isiru għodda għal nies bla ruħ li jaħsluk. splaxxxxxxxxxxxxx
Post a Comment