‘Pawl, ara dik it-tifla. Qiegħda waħedha.’
‘Qatt ma mxejt waħdek int meta kont tifla?’
‘Sal-isqaq ta’ ħdejna iva.’
‘Qed tara, qed tistgħaġeb.’
‘L-isqaq ta’ ħdejna u dal-istazzjon l-istess?’
‘U ejja imxi għax se ninġarru minn dawn in-nies u nitilfuha.’
‘X’se nitilfu?’
‘Il-Allaaaaa, tgħid mhux it-tifla!’
‘Pawl, jekk nitilfu din, il-metro l-oħra terġa’ tgħaddi erba’ minuta oħra.’
‘Erba’ minuti taf jiġu kwarta, għax nerġgħu nitilfu l-oħra. Għaġġel għal darba.’
‘Ma nistax Pawl. Kompli imxi int umbgħad narak il-lukanda.’
‘Osssija! Qed tixjieħ u bqajt l-istess.’
‘Ċaw.’
Għandha l-aħmar tal-kowt sabiħ wisq. Imma tifla bħal din kif qiegħda waħedha? Ma ntihiex aktar minn tmienja. Miexja qisha lejja. Iż-żarbun pariġġ mal-kowt. U x-xalpa wkoll. Ħelwa wisq. Għajnejha imma l-isfel, jidhru miksurin. Imma mhix tibki. Qisha mdorrija hawn. Waħdedha. Daqshekk indipendenti? Jew m’għandiex għażla. Imma waħedha dit-tifla ma setgħetx qabblet kollox. Ma jistax ikun. Kollox kulur wieħed. Qisha pupa. Xi ħadd libbisha.
Din donnha miexja lejja. Jew qed nimmaġina jien? Lanqas ħelwa m’għandi fil-basket x’intiha. Dik qisha anke brouch għandha mal-kowt. U l-aħmar jixgħel imma għandu laqta ta’ mugrufun. Sewwa jgħidu. Dil-belt hawnhekk issib kollox. Iva lejja miexja. Se nitbissmilha. Mhix titbissem imma. Imma żgur lejja qed tħares. Fl-aħħar qalgħethom għajnejha minn mal-art.
Se nżul mal-ħajt u nmil ftit qabel jaqilbuni. Għajnejna hekk bil-fors se jiltaqgħu. Niġi daqsha. Ħelu m’għandiex imma se ntiha minuta.
Dik il-brouch ta’ xiex inhi? Qisni rajtha x’imkien imma ma nistax niftakar fejn. Eh iva t-tifla kienet ġabet waħda. Nofs ċoff. Ta’ kontra l-cancer.
Anke hawn ikolli niftakar? Tgħid qiegħda waħedha għalhekk? Ommha ġarrha hu, bħal kif darba kien se jġorr lili?
Ma nistax ma nkellimiex u ma nsaqsiehiex.
Fejn hi, fejn hi? Żgiċċat?
Il-pittura li nebbħet l-istorja hija ta' Rupert Cefai. Għal aktar xogħol ta' arti simili jew satira mill-istess artist żur is-sit tiegħu hawn.
No comments:
Post a Comment