Ġera malajr mill-ħanut tal-gazzetti sad-dar. Imma l-gazzetta xorta laħqet saret għasra. U dik ir-riħa ta’ gazzetta friska telqet. Kull ma baqagħlu, subgħajh suwed bil-linka.
Is-Sibt. L-aħjar mod kif tibda l-ġurnata. Jew forsi le.
Poġġa ftit fuq is-sufan, u fetaħ il-gazzetta forsi jaqra ftit. Imma moħħu kien kullimkien, barra fuq il-gazzetta mxarrba. Fl-isfond hemm ir-radju, jdoqq l-imbarazz tas-soltu. Diski jakkumpanjaw ir-reklami.
Għada lanqas biss sejjer. Hekk hu. Ta l-biljett lil sieħbu, jew aħjar wieħed jaħdem miegħu. Ma jiflaħx jerġa’ jara dik l-apatija minn ħdax –il raġel lebsin flokk aħmar. U għandu bżonn jirbaħ ftit punti ma’ xbintu, daqskemm Liverpool għandhom bżonn punti biex forsi jiċċaqalqu min-nofs il-klassifika.
Qed jiċċassa lejn il-gazzetta u jipprova jikkonvinċi ruħu li għamel sew u fl-aħħar żamm kelmtu miegħu nnifsu. Meta qalilha l-bieraħ, tatu tbissima li kien ilu ma jara żmien, u kellu jniżżel għajnejh mal-art għax għal mument ħassu skomdu.
“Agħzel x’imkien int u mmorru nieklu hemm. Ma rridx pubbijiet. Il-Ħadd kollu għalik.”
Tatu tbissima oħra issa akbar, tgħanniqa u aktar. Għajnejha ħasshom jixgħelu u jleqqu fl-istess ħin.
Wara r-reklami, wasal ħin l-aħbarijiet. Niżżel il-gazzetta fuq ħoġru, forsi li ma rnexxielux jiskopri mill-gazzetta ta’ quddiemu, jieħdu mir-radju.
Xejn. Flok ittri fuq xulxin, kliem fuq xulxin.
“U fl-aħħarnett, mix-xena sportiva, eżattament minn Anfield, Kenny Dalglish inħatar bħala manager.....”
Kenny Dal-glish!!!!
Qalbu waqfet u ħass tagħrixa ma’ ġismu kollu. U issa eżaltazzjoni.
U issa paniku u ħtija.
Mhux se nkun hemm għall-ewwel logħba tiegħu. L-idolu ta’ tfuliti.
Niżlet hi.
“Ilek imqajjem qalbi?”
U tbissmet tbissima oħra sħiħa waqt li resqet lejh biex tbusu fuq xufftejh.
Kull ma seta’ jara did-darba imma kien ix-xquq ta’ bejn snienha tan-nofs.
Friday, January 14, 2011
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
5 comments:
Prosit JP! Hadt gost naqraha! Stil mexxej u li jzommok!
Grazzi Cyp :)
Originali u mexxejja, hadt gost naqraha kontribut tieghek nerggha. Ir ragel tieghi m'ghandux dil problema fuq football....
Prosit. Meta ser nergghu naqraw kitba tieghek fuq LFC, kummenti fuq il-loghob bhal qabel.
Grazzi Paisley! Ktibt 2 artikli dan l-ahhar, li jinsabu hawn: http://thekop.liverpoolfc.tv/service/searchEverything.kickAction?as=173471&u=30143390&mediaType=blog&sortType=recent&tab=yes&includeBlog=on&member=blog
Post a Comment