Friday, November 30, 2007

'The Sopranos' u klamari

Rajt episodju ieħor ta’ ‘The Sopranos’ fuq dvd li krejt. Wasalt fir-raba’ episodju tat-tieni serje u jkolli nammetti li l-aktar biċċa xogħol Amerikana li qatt sammritni. Is-soltu jekk xi ħaġa ma tkunx ħierġa mill-BBC, nkemmex xufftejja u nxammar imnieħri lejha. L-atturi, l-plot, l-aċċent Amerikan-Taljan u l-umoriżmu iswed qiegħed jwaħħalni bħal qarnita quddiem it-televiżjoni episodju wara episodju, dvd wara dvd. Illum kien hemm xena li daħħkitni sewwa.

Il-Mafjużi qegħdin Napli, u wieħed minnhom qiegħed fis-sodda waqt li l-qaħba li raqad magħha qabel qiegħda tlesti biex titlaq ‘l hemm. U hu għandu aptit jparla ftit waqt li jqabbad sigarett u jfakkarha li ‘the customer is always right’ u s-servizz għadu mhux komplut. Insomma hu mixħut minn tulu fis-sodda u hi l-istess kontra tiegħu, b’interess ta’ qattus lejn biċċa għadma. Paulie jsaqsieha minn fejn hi, u hi tgħidlu li minn Ariano Irpino. U Paulie jiddritta qisu kelb meta tiġbidlu denbu.
You’re shitting me, there’s where my grandfather’s from!
Our families probably know each other.


U fakkarni bħal meta hawn Malt tiltaqa’ ma’ xi ħadd mingħajr ma tafu minn Adam, jsaqsik minn ta’ min int, tgħidlu l-laqam tal-familja, ‘u l-Alla ta’ min inti, kemm intom tfal sewwa!’.

U wara nżilt isfel għall-ikel, u sibt platt klamari jistennieni. Għamilt żmien kont nitkerrah lejn il-ħut, bħal Ingliż meta jara platt mingħajr patata moqlija. Imma xi sena u nofs ilu wiegħedt lili nnifsi biex nagħmel sforz u napprezza aktar dan il-platt differenti. U rnexxieli, ma rridux kuljum imma meta nsibu quddiemi sirt nitbissem lejh. U għalhekk sar xi ftit progress, minkejja li ninsisti li l-ħuta tkun ffiletjata għax ix-xewk jdarrasni. U nieħu pjaċir nagħżel xi flixkun inbid abjad miegħu u nieħu gost naralu l-qiegħ. Illum imma kienet differenti l-ikla. Ir-riħa ma tantx kienet pjaċevoli u bdejna wieħed minn taħt mill-ewwel. Kilt ftit u l-istonku ħadu fuq demm id-dars. U qbadt diskursata ma’ ommi u qaltli li l-ħut tippreferih f’nofsinhar u issa qiegħed naħseb li meta kiltu l-aħħar u niżilli għasel kien f’nofsinhar. Il-ħin jagħmel differenza f’kollox, il-palat forsi bil-burdati differenti tiegħu skond il-ħin ukoll. Bħall-moħħ, fil-għodu kmieni meta nkun għadni fis-sodda kultant jgħaddu mitt elf ħsieb minn moħħi, wara mmur niġri ġirja u jgħaddieli. Bħal fit-Tazza tad-Dinja tal-2002, tqum tara logħba fl-għaxra ta’ fil-għodu. Ċertu maġija titlaq. Forsi għax ma jkollokx ċans taħseb fuq li ġej? Forsi għax m’hemmx stennija? L-istess meta konna niltaqgħu għal xi logħba tajba, f’dak il-ħin, flixkun birra jew ftit vodka ttelgħalek l-istonku, kif jgħid il-Malti kollox f’ħinu u f’waqtu.

U għada xogħol u jibda tmiem il-ġimgħa. Għadni lanqas naf x’se nagħmel għada wara nofsinhar. Il-Liverpool mhux se jilgħabu s-Sibt u rrid nivvinta xi ħaġa oħra. U issa sejjer ftit ‘l hemm, għandi ‘Crime and Punishment’ jistennieni u wasalt fl-aħħar mitt paġna u bejn rrid nispiċċah u bejn rrid nibda ieħor. Xi ħaġa ta’ Murakami naħseb issa jmiss.

Wednesday, November 28, 2007

Se nitlaq dalwaqt


L-aħħar li dħalt il-Belt sibt arloġġ enormi jilqagħni, jgħoddli l-ġranet għad-daħla tal-Ewro f’pajjiżna. Fuq il-websajt interna tax-xogħol l-istess. Illum fakkritni jew aħjar avżatni li baqa’ erbgħa u tletin jum biss. U ma’ dan in-numri jien dejjem inżid numru ieħor. Għax l-għada se nitlaq, u din id-darba se noħroġ mill-Ewropa. U se naqsam il-kontinenti, u sebgħa u għoxrin siegħa wara li l-ajruplan jgħolli r-roti mill-mitjar ta’ Ħal Luqa, ajruplan ieħor għandu jniżżilni Melbourne. U din id-darba mhux mawra qasira ta’ ġimgħa jew tnejn, imma għal kwart ta’ sena.

Se nitlaq ftit il-kenn u l-kumdita tad-dar. Se niftaħ ftit ġwienħajja u nara orrizzonti oħra, u min jaf niġix lura liebes nuċċali xi ftit differenti minn ta’ issa. U se ngħaddi minn sajf ieħor bħal li kieku li għadda ma kienx biżżejjed. U se jkolli aktar ħin għalija u min jaf x’se niskopri fija nnifsi aktar milli skoprejt s’issa. Se nibda ngħix tmien siegħat qabel il-ħajja tal-lum, kieku bħalissa per eżempju x’aktar rieqed qiegħed.

U min jaf nibdiex nħoss nostalġija għal xi mument bħal dan, x’se nħoss meta forsi nara xi bandiera bajda u ħamra tperper, u jekk jkollna l-elezzjoni waqt li jien nkun hemm hux se nqum fil-għodu niċċekja kif marru l-affarijiet.

U r-rutina se nkissirha għall-ewwel darba fi tmien snin u min jaf moħħi u ġismi kif se jilqa’ din il-bidla.

U sa dakinhar nipprepara xi ftit dettalji ‘l hemm u ‘l hawn. Il-kbir sar issa.

Friday, November 23, 2007

Ta' Qali

Ta’ Qali, biċċa art vojta bejn il-Mosta u Ħ’Attard. Baħħ kbir, fejn fi żmien il-gwerra kien jintuża bħala mitjar u fil-bidu tas-sebgħinijiet apparentament ħafna Maltin ltaqgħu meta nħass terremot. Ir-riħ jaħkmek minn kullimkien, kważi anke fis-sajf kultant tħoss il-bard. U f’nofs dan kollu għandna l-istadju nazzjonali. Miċ-ċentralitá tal-Gżira għall-periferijá ta’ Ta’ Qali. U forsi sinjifikanti li poġġejna dar il-futbol tagħna f’periferijá, bħal meta twaħħal xi nkwatru mimli susa fil-kamra tal-bejt minflok fil-kamra tal-pranzu.

Ma nafx kienetx l-ewwel logħba li attendejt jew le imma żgur li l-ewwel logħba li baqgħet stampata f’moħħi. Konna kontra l-Isvediżi u missieri ħadni miegħu. Ftit riċerka żgħira għallmitni li qiegħed immur lura sas-16 ta’ Novembru, 1986 – wieħed u għoxrin sena ilu meta kien għad kelli sitt snin. Kien ħareg block-ticket ta’ għaxar liri għall-logħbiet kollha f’Ta’ Qali tal-grupp u l-investiment ta’ missieri vvendika ruħu mill-qrid ta’ ommi kmieni, meta fit-tieni logħba li kienet taħbet kontra l-Italja, l-MFA ħarġet l-irħas biljetti bil-prezz ta’ ħames liri. Niftakarni nieħdu bħal speċi ta’ cushion magħna għalija, fi żmien meta l-Valletta Side kienet tal-konkos u l-uniku sidien kienu l-bankijiet tal-injam ħodor fl-Enclosure. Għadni niftakar il-flokkijiet sofor Svediżi, u lil missieri jgħajjat OFFSIDE b’ħanġra daqsiex b’idu miftuħa, u wiċċu aħmar nirien meta qlajna l-ewwel goal, u jien bejn sorpriż u bejn mgħoxxi bid-daħk għax sa fejn naf jien missieri jitbaqbaq biss fuq il-politika. U insomma qlajna erba’ goals oħra mingħajr risposta ta’ xejn u missieri ma fetaħx ħalqu darba oħra ħlief biex forsi jkellimni jew jgħallimni xi ħaġa minn ħin għal ieħor u mingħajr ma forsi qatt għaddietlu mill-kurituri ta’ moħħu kien qiegħed jiżra’ xi ħaġa f’ibnu, xi ħaġa li ma nafx hiex warda jew xewka, saná jew ġennata.

Logħba wara logħba, f’dak il-grupp morna flimkien jien u missieri, u bqajna sejrin hekk tul is-snin. U maż-żmien missieri bired għax bħal donnu issa ra kull ma kellu jara, u jien għal xi żmien qtajt xi ftit wkoll. Imma wara saqajja bdew jerġgħu joħduni għal darb’oħra lejn Ta’ Qali, u l-Erbgħa li għaddew l-istess għamilt. It-Tlieta, mort naqta’ l-biljetti mill-gym ta’ Ta’ Qali qisu mhux se nsib biljetti dakinhar tal-logħba bħal li kieku l-logħba xi kunċert esklussiv ta’ David Bowie. Imma ħadt gost niġri bil-biljetti fil-kartiera, naf li l-għada se nara t-tim nazzjonali. Tara kemm tara logħbiet bi kwalita sublimi fuq it-televiżjoni, ftit futbol quddiem għajnejk u inti fil-grawnd dejjem tridu. U kelli ftit tamiet fil-qiegħ ta’ qalbi li wara l-famuża logħba tal-Ungerija s-sena l-oħra bdew jinbtu qabel kull logħba, u li lanqas r-riefnu tal-Greċja ma rnexxielu jtajjar.

Sibt posti fil-Millenium Stand bħas-soltu, din id-darba fuq sit minflok fuq il-konkos tal-ewwel logħba u għall-bidu l-flokkijiet ħomor anke taw id-demel lil dawk it-tamiet żgħar, żgħar. Inħares lejn l-arloġġ u ninduna li għaddiet biss kwarta u l-arloġġ jfakkarni b’mod kiesaħ daqs it-temp Norveġiż li baqa’ ħafna x’jista’ jiġri.

U l-arloġġ mgħannaq mar-realtá ma jmorrux żmerċ, meta sa nofs siegħa wara konna tlieta b’xejn minn taħt. Michael Mifsud, bil-faxxa f’idu tana ftit tama b’gowl ta’ opportunist li hu. Imma l-ħmar il-magħkus jdur għalih id-dubbien u Andrẽ Schembri tkeċċa b’deċiżjoni Stalinista mir-referee Russu, f’ħin meta aktar milli bħal ħmar magħkus il-ħomor dehru aktar bħala pony tax-Shetland li b’daqs żgħir għandu saħħa spoporzjonata mad-daqs tiegħu.

Għadda ftit ta’ ħin ieħor, qlajna gowl ieħor u wara waslet it-tisfira finali tal-logħba u niżlet il-purtiera fuq din l-avventura tal-grupp fejn mat-tumakki tas-soltu, għal tlett darbiet għollejna rasna bis-saħħa u lil min ilqatna weġġeajnieh u aħna tapptapna tnejn fuq sidirna.

Saturday, November 17, 2007

Għalik zi...


Niftakrek tixxkatla u ż-żebgħa tisparixxi minn mal-ħajt. Titla’ sellum qisek qiegħed titla’ taraġ wiesa’, u ttiha b'xi kazzola jew pinzell. Niftakrek fil-bidu taghmel il-post tagħna, fi żmien li kont tiġi l-Ħadd. U s-Sibt ta' qabel kien jkun qisu l-Milied, kont tiġi torqod għandna ma' martek u ziti. U dejjem ġġib xi ħaga miegħek qisek obbligat, meta l-pjacir kont qiegħed tagħmlu int. U kont nistenna s-Sibt mit-Tnejn.

U niftakar għedtlek biex toqgħodli parrinu għall-Griżma tal-Isqof. U inti aċċettajt u naħseb fraħt ħafna għax l-ewwel darba mid-dehra li qgħadt parrinu lil xi ħadd. Ġejt minn kmieni dakinhar u wara nofsinhar erħejnielha flimkien lejn ir-Rotunda. Iċ-ċerimonja kienet twila, twila ħafna u inti bi ġlekk u ingravata qisek liebes xalpa fl-eqqel tas-sajf ħassejtek skomdu u niftakrek toħrog inkiss inkiss ta' malajr ħa tieħu ftit ilma minn xi każin. Ma tantx domt, m’għedna ‘l ħadd, ħallejnieha bejnietna u ftit wara tlajt miegħi quddiem il-qassis. Għaddiet iċ-ċerimonja u morna lura d-dar għall-festin u dak inhar kienet it-Tazza tad-Dinja tal-Italja u l-Ingliżi kienu kontra l-Kamerun fil-kwarti tal-finali. Nġabar kważi kulħadd quddiem it-televizjoni u qiegħed ngibek bħalissa quddiem għajnejja tħabbat mal-koxxa tal-bieb meta David Platt fetah l-iskor.

Jien tfarfart u inti kbirt. Xtrajt appartament għalija u ġejt għal darb'ohra tbajjaduli int.

Sena wara sena, Milied wara Milied niġi għandek f'dar li semmejtha għalija ħa nagħtu l-Milied it-Tajjeb lil xulxin u martek avolja kbirt baqgħet tlestili rigal. Inti turini x'żidt fil-kamra ta' fuq il-bejt fejn tħobb tqattagħha, u tara xi film antik tal-Western. Wara nerġgħu ninżlu, inti tieħu grokk ma' missieri u jien nieħu xi ħaġa ħafifa għax il-lejl ta' qabel inkun ħadt erbgħa mhux hazin u l-istonku ma jiflaħx aktar xorb irqiq. Jsir il-ħin u nerġgħu nixtiequ il-kumplament u aktar tard il-ġimgħa jkun jmiss lilek tiġi għandna.

F’nofs din is-sena ma bqajt tixxkatla, ma bqajtx taħdem u l-kankru xkatlak minn ġewwa u bħal ħitan li kont tixxkatla int ma bqajtx tingħaraf. It-Tlieta rajtek tal-aħħar u inti ma rajtnix, u llum tajtek l-aħħar tislima fil-funeral tiegħek. Qrajtlek l-ewwel qari, u min jaf smajtnix?

Xahar u ftit ieħor il-Milied u naf li mhux se jkun l-istess bħal ta’ qabel. Pastur prinċipali tal-presepju issa nkiser, u s-seħer tal-kewkba naturali tiddi qiegħda dejjem tmajna.

Strieħ, strieħ Lel.

Wednesday, November 14, 2007

Il-logħba s-sabiħa u lil hinn minnha


Dejjem kien hekk, naħseb minn mindu bdejt nimxi. Il-ballun kien il-ġugarell ta’ qalbi. Niftakarni waħdi niġri bil-ballun f’saqajja tul il-kuritur tal-flett fejn konna noqgħodu dak iż-żmien. U ommi tgerger għax qed indejjaq lil ta’ taħtna. Imma l-kilba li kelli għall-ballun kienet ixxejjen it-tgergir kollu, u l-bieb fit-tarf tal-kuritur kien il-lasta tiegħi. Missieri kien jħobbha l-logħba u l-ftit li kien jkun hemm dak iż-żmien fuq it-televiżjoni rari kien jitilfu. Sa dak iż-żmien kont għadni nħobb nilgħab biss u ma tantx kont inħobb nara logħob, imma darba x’aktarx biex inħallih bi kwietu missieri qalli li jekk nara din il-logħba miegħu nitgħallem ħafna u nsir tajjeb bħalhom, u donnu mpressjonani sewwa għax niftakar nistenna biex nara xi logħba li tkun qed tintwera diretta u niftakarni nistenna bil-ħerqa dak iż-żmien il-programm ‘Big League Soccer’.

L-imħabba lejn il-logħba u t-tagħrif ta’ kull statistika li kelli f’qalbi u f’moħħi iżda donnhom baqgħu hemm u qatt ma niżlu f’saqajja. L-entużjażmu u l-ħolm baqa’ hemm imma ż-żmien jibda jgħallmek li l-aktar li se tasal huwa xi goal fl-għalqa ta’ warajna u l-flokk aħmar bis-salib tal-kavallieri qatt m’hu se tilbsu. Imma jibqa’ jagħtik pjaċir xorta waħda. Forsi fid-dinja hekk, aktar ma tħobb xi ħaġa aktar tiġi mċaħħad minnha.

Imma b’daqshekk ma jimpurtax, u tibda tara l-logħba minn lenti differenti. U ttik ħafna xorta waħda. Tterraq ħafna toroq biex tara t-tim tiegħek. M’għandek l-ebda saħħa jew influwenza xi jsir fit-tim, imma dak mhux sempliċiment tim favorit, dak it-tim tiegħek, inti parti minnu. U l-logħba flimkien mat-tim tieħdok f’postijiet u bliet li kieku lanqas toħlom li tmur. Tlaqqak ma’ nies differenti u ssib ħbieb ġodda.

Niftakarni nidħol membru l-ewwel darba fis-Supporters Club tal-Liverpool hawn Malta. Il-klabb kien għadu jibda, dak iż-żmien kont għadni student u fis-sajf kont naħdem Farsons. Niftakarni qiegħed inbiddel u mal-locker kelli ritratt meħud minn gazzetta ta’ Michael Owen. Wieħed mill-istudenti l-oħra bħali rah u staqsieni jekk inżommx mal-Liverpool, weġibtu iva. Staqsiniex jekk inhiex membru u weġibtu fin-negattiv għax qisni kont niddejjaq mmur waħdi. Qalli li s-Sibt li ġej se jkun hemm u ftehemna li niltaqgħu. Dħalt membru dakinhar, għadna ħbieb sal-lum, u minn dak iż-żmien tlajt fil-kumitat, servejt ta’ segretarju u issa editur ta’ Anfield Island, ir-rivista tal-klabb.

‘You’ll Never Walk Alone’ ssir is-soundtrack ta’ ħajtek. F’xi rebħa jew suċċess fil-ħajja biex tiċċelebra, u anke f’xi telfa għax wara kollox uliedek meta jiżbaljaw uliedek jibqgħu.

Tibda taħdem, twarrab xi ħaġa u flok tixtri karozza bħall-oħrajn, tibbukja tour mal-klabb ħa tara għall-ewwel darba lit-tim tiegħek b’għajnejk f’Anfield. Il-lejl ta’ qabel is-safra ma tagħlaqx għajn m’għajn bħal tifel żgħir f’lejlet il-Milied. Tasal il-ġurnata tal-logħba, fil-għodu tmur il-ground ħa ddur ftit, tara x-Shankly Gates, il-Paisley Gates, l-istatwa ta’Bill Shankly u dak li rajt mitt darba fuq xi dokumentarju tmissu ftit b’idejk. Tmur lura l-lukanda, nintasab f’xi kamra tal-lukanda ta’ wieħed minn sħabek u kollha l-istess, għajnejn jixegħlu, l-biljett iddaħlu fil-but u mat-triq tiċċekkja li ħadtu miegħek mitt elf darba. Tidħol f’żewġ pubs ta’ ħdejn il-grawnd, tieħu żewġ fliexken birra, u anke x-xgħir tal-birra tibda ttiehem ħelu. Taqbad diskurata ma’ xi tnejn u tgħidilhom kemm ġejt mill-bogħod u timmpresjonahom u wara ftit tidħol f’Anfield. Ddur ftit mal-kurituri fejn hemm il-barijiet, sakemm issib minn fejn trid tgħaddi għall-post tiegħek, u tara l-ħaxix ta’ Anfield għall-ewwel darba b’għajnejk u b’qalbek tħabbat sitta, sitta taħlef li qatt ma rajt ħaxix aħdar isbaħ u jleqq daqs dan. Tkanta għall-ewwel darba You’ll Never Walk Alone u ssib ruħek parti minn komunitá.

Ddaħħal l-internet u s-sit uffiċjali tal-klabb tidħol fiha kuljum reliġjożament għal ftit doża ta’ aħbarijiet. Biss is-sit uffiċjali mhux biżżejjed anzi dawk indipendenti ħafna aħjar u tagħmel xi żewġ ħbieb oħra minn hemm u meta titla d-darba li jmiss se tmur tieħu żewġ fliexken birra magħhom qabel il-logħba. Huma jġibu ħbieb oħra u l-grupp dejjem jikber.

Il-belt ta’ Liverpool mhux xi Pariġi. Ma tantx tisma’ jew qatt ma tisma b’xi koppja li se jqattgħu qamar il-għasel tagħhom hemm. Imma xorta waħda partikolari b’identitá, storja u karattri partikolari. Belt li fis-snin sittin kienet iċ-ċentru tad-dinja bil-Beatles jiddominaw u jivvintaw mużika ġdida. Fit-tmeninijet il-karta nqalbet għal kollox, b’ekonomija dipressanti għall-aħħar, b’nies qiegħda kull fejn tħares, daqqiet ta’ ħarta u stmerrijiet minn kullimkien. Imma bħal kull komunitá magħquda, aktar ma taqla fuq wiċċha aktar tingħaqad u toħroġ il-kreattivitá. U l-logħba ssir strument biex tiżvoga l-frustrazzjonijiet tal-ħajja, tkanta kontra Thatcher u l-monarkija, u s-sublimita ta’ Dalglish, Barnes, Rush u l-bqija tnessiek kollox.

Tisma’ b’dan kollu, tinġibed lejn din l-istorja, trid titgħallem iżjed, taqra iżjed, tagħmel iżjed ħbieb, tikteb xi artiklu f’xi fanzine, u l-aċċent partikolari tal-abitanti jdoqq ħelu f’widnejk daqs il-kitarra ta’ George Harrison. Il-gazzetta lokali ssir it-tifkira tal-mawriet tiegħek u d-diżgrazzji tal-belt jolqtuk fil-laħam il-ħaj daqs li kieku ġraw fit-triq ta’ warajk.

Tgħajjat goal, u tħoss li bħalissa l-affarijiet miexjin ward u żahar. Tara telfa u ddendel geddum sal-art u s-Sibt fil-għaxija ma toħrogx. Jew jkun is-Sibt u wara rebħa xorta ma toħroġx, għax fil-burdata li tkun tieħu erbgħa żejda mill-klabb u għal-lum biżżejjed.

U kultant tħossok diżilluż bis-sommom oxxeni mdaħħla f’isem il-logħba. L-idolu tiegħek m’għadux dak il-ftit aħjar minnek, imma jgħix f’dar u dinja kompletament differenti minn tiegħek. Tixgħel it-televiżjoni u kultant tħoss indiġestjoni ta’ futbol. Il-kummerċjaliżmu sfrenat jaqlalek l-istonku imma taf fil-qiegħ ta’ qalbek li l-kompetizzjoni llum titlob hekk jew inkella żżarma. U l-prinċipju jsibu kunflitt u ma tikkonformax ma’ dan il-kapitaliżmu.

Tibda ddur xi erba’ pajjiżi ħalli tara t-tim jilgħab barra minn daru, u tesperjenza belt oħra waqt li tiltaqa’ mal-istess erbat’iħbieb. Tmur fil-kesħa ta’ Sofia, fejn l-istadju miftuħ beraħ u t-temperatura -9°C, Cologne fejn waqt li qiegħed fil-pub fil-lejl ta’ qabel il-logħba jidħol Benitez u taħseb li qiegħed toħlom, Lisbona, fejn in-nies hemmhekk minn tagħna ħafna u Barċellona fejn kull rokna għandha xi arti abbinata, timmeravilja bit-triq enormi tar-Ramblas anke jekk fil-għaxija trid toqgħod attent u mimlija qħab. Issib postok fin-Nou Camp u l-plejers jidhru qishom tas-subbuteo, imma tħossok privileġġjat li qiegħed hemm u wara t-tisfira finali u rebħa ta’ 2-1 minn dak l-għoli tħossok l-eqreb darba lejn il-kwiekeb.

Bill Shankly li kliemu vanġelu kien jgħid li l-futbol mhux kwistjoni ta’ ħajja jew mewt. Huwa aktar importanti minn hekk. Niftakar fit-traġedja ta’ Hillsborough, sitta u disgħin ruħ jmorru logħba u ma jirritornaw qatt. Taqleb ftit il-paġna u ssib min jgħidlek li l-futbol passatemp. U hawnhekk nħokk rasi għal darb’oħra u ngħid li l-logħba s-sabiħa ħarba mir-realtá.

Thursday, November 8, 2007

Ġustizzja Għawdxija


Stenbaħt fis-sitta ta’ fil-għodu. Nixref saqajja mill-kamra tas-sodda u nħoss l-ilma taħt il-pala ta’ saqajja. Nħares l-isfel u nara għadajjar sħaħ ta’ ilma. Ndur lura lejn il-kamra tas-sodda ħa nxidd flipp-flopp u nipprova ninvestiga minn fejn ġej dan il-gelgul. Nidħol fil-kamra tal-banju u niskopri s-sors tal-qatgħa ta’ dal-għodu. Flushing tat-toilet jobżoq l-ilma bħall-iljun ta’ xi funtana. Nipprova nagħlaq il-vit ta’ taħt izda l-washer jirrispondi bħal xiħ ta’ tmenin sena li ssaqsih biex jagħmillek erba’ gabrijoli. Bi prattiċita u esperjenza ta’ novizz inċempel lis-sid ħalli jiġi jsewwi dan id-diżastru.

Lil sieħbi nqajjmu bil-konversazzjoni aġitata tiegħi fuq il-mobajl u ftit wara jilqa’ huwa lis-sid. Dħalna xi tlett siegħat ilu u t-tnejn tajjarna n-nagħas. Is-sid jirranġa xi ħaġa u jaqbad mopp mill-gallarija biex jneħħi l-ilma. Wara li mingħalina li lest, niftħu l-kamra tas-sodda ta’ seħibna l-ieħor li sa issa t-tgergir tagħna għadu ma daħalx fis-subkonxju tiegħu u nsibu anke l-kamra tiegħu mimlija bl-ilma, bil-ħwejjeġ tal-lejl ta’ qabel mixħutin mal-art u b’hekk għasra. U l-ħwejjeġ għasra qishom biċċa drapp ħamra quddiem barri u t-tgergir ġustifikat jiżdied u s-sid jiġih fl-aħħar ftit sens komun u jaċċetta li jtina appartament ieħor.

Nitilgħu sular u il-veduta mill-gallarija tpaxxiek u tnessiek li ġewwa jiġbdek daqs daħka ta’ anzjana bla snien. Veduta ta’ miljun lira u saqaf ta’ għaxar liri li laqgħa żebgħa l-aħħar li ra meta l-istess anzjana kienet għadha bis-snien. Inbena bil-ħsieb li jinkera u jagħti tifsira elokwenti ta’ minimaliżmu. Mal-ħajt hemm xi żewġ inkwatri kollha susa mwaħħlin li jsebbħu daqs ponta fuq wiċċ addoloxxenti.

* * * * *

Ninżlu sax-xatt u nieħdu ftit kolazzjon li tikkonsisti f’tazza larinġ tal-pakkett u biċċtejn ħobż mixwija. Wara naqtugħa li nagħmlu mixja – mixja x’aktarx qasira għax tnejn minn tlieta, jiena nkluż qegħdin b’flipp-flopp. Nitilgħu t-taraġ ta’ mal-blat tax-Xlendi imma jwassalna sal-għar biss. Għandna aptit niċċaqalqu aktar u nibdew telgħin b’mod vertikali mal-blat. Nitilgħu passejn aktar u l-veduta tisbieħ, tħoss l-arja friska f’imnifsejk, u s-serenità tiddomina. Nitilgħu ftit aktar u naraw xi nassab l’hemm u l’hawn li jtuna ħarsa ta’ wieħed li qiegħed tirfislu fuq il-kallu. Tħoss il-ftuħ enormi umbgħad tara għasfur jitqabad ġo gaġġa. Meta John Lennon kiteb ‘Free as a bird’ żgur ma kienx ix-Xlendi jew f’Malta.

Nindunaw li tlajna il-fuq mhux ħażin u din id-darba għan-niżla mhux kull qaddis jgħin għax m’għandniex aptit nitgerrbu. Nimxu minflok mal-mogħdijiet u nsibu t-toroq asfaltati li x’aktarx jieħduna lejn ir-Rabat. Ftit wara nsibu tabella li tinfurmana li qegħdin Santa Luċija, imma ma naraw l-ebda appartament tal-gvern, bħal f’Santa Luċija ta’ Malta. Nibqgħu mexjin u niltaqgħu mal-moħħ entreprenerjali ġenjali Għawdxi fil-forma ta’ kaxxa tal-luminata mwaħħla ma’ dar privata. Nidħku ftit bejnietna bħal kif jagħmlu l-Ingliżi meta jaraw xi ħaġa Skoċċiża, għax il-vending machines Malta ma’ xi ħanut ssibhom mhux mad-djar privati. Hemm wkoll kaxxa vojta ħalli l-flixkun vojt tpoġġieh hemm u tqalla tlett ċenteżmi oħra lis-sid. Wara d-daħk iżda nirrealizzaw li wara kollox din il-kaxxa se taqtagħlna l-għatx.

Nimxu u nterrqu ftit ieħor, naslu r-Rabat u nibqgħu sejrin lejn ix-Xewkija, fejn bi ħsiebna naraw il-logħba tal-Arsenal. Ftit wara tiġi l-pizza li l-kaloriji tagħha ġustifikata bil-mixja ta’ aktar minn sagħtejn. Nħares barra u nieżla xita bil-qliel. Wara l-ilma fl-appartament ta’ fil-għodu ssir ġustizzja magħna u niskansaw tixriba bi żbrixx.

Kull deni ħudu b’ġid.

Thursday, November 1, 2007

Il-programm


Il-klabb huwa l-ħobż u l-ilma tiegħu. Bħalhom it-tnejn jgħajjxu u jħallih għaddej ġurnata wara ġurnata. It-tim jirrapreżenta x-xampanja ta’ ħajtu, dak li tah ħafna x’jiċċelebra matul is-snin, u sodisfazzjon personali għax ħassu parti minnu. U din ix-xampanja kultant kienet tiġi ridotta għal flixkun inbid, jew anke għall-ħall, tajjeb biss biex titfgħu fuq il-patata moqlija. Iżda dejjem kien hemm.

Dan il-ġenn u tip ta’ ħajja wirtu minn missieru. U f’dan il-wirt kompla jinvesti ħafna emozzjoni u rdoppja l-wirt oriġinali. Minn mindu daħal l-ewwel darba f’Anfield, intrebaħ darba għal dejjem. Il-ħaxix aħdar naturali maqtugħ b’tant reqqa kien l-ewwel ħaga li ra u li kien tant differenti minn dak tal-biċċa ġnien li kellhom fuq wara tad-dar. In-nies fil-Kop kollha ma’ xulxin u jkantaw f’kor wieħed mmeraviljawh, il-players lebsin kollox aħmar ħabbtulu qalbu aktar mis-soltu u fuq kollox l-għajta tan-nies kollha meta sar il-gowl. Leħen jidwi mal-istadju kollu qallhom li l-attendenza kienet ta’ 40,391. Numru infinit għalih, u hu ħaseb li laħaq professur għax tgħallem jgħodd mill-wieħed sal-mija.

U bis-saħħa ta’ din il-passjoni, dar u vvjaġġa f’ibliet u pajjiżi diversi. Il-mezzi tat-transport kollha darhom. Tal-linja meta jilgħabu f’Anfield, ix-xarabank għal xi logħba f’belt qrib, u t-tren meta ċ-ċirkustanzi jieħdu lit-tim lejn Londra. U ovvjament l-ajruplan meta barra l-pajjiż. Barra li eseperjenza bliet u pajjiżi ġodda ltaqa ma’ nies u għamel ħbieb differenti. U anke sar wiċċ partikolari fil-folla, għax lealtà bħal tiegħu titlob rispett. Fost dawn il-ħafna kien hemm tnejn partikolari – John u Bill. Bħalu ffissati imma l-imħabba u l-lealtà tagħhom kienet tinqasam mal-mara u uliedhom. Paul kien għażeb, u kultant kienu jiġbdulu saqajh meta se jsib dik il-waħda. Ommu li għadha ħajja żgur qiegħda teħodlu rasu fuq hekk. B’tbissima fuq wiċċu kien jweġibhom li għadu ma ltaqax ma’ waħda li taf bl-amment il-ħdax tat-tim li rebaħ l-FA Cup fl-1965. U t-tlieta kienu jinfaqgħu jidħku qishom semgħu lil xi ħadd jitlob li x-xemx tibda titla’ f’nofs il-lejl.

Dak it-tim tal-1965 kien jħobbu wisq. Tal-ewwel dejjem tal-ewwel, bħal l-iben il-kbir tal-familja. Kienet l-ewwel darba li missieru ħadu Londra, l-ewwel darba li mar Wembley u fuq kollox l-ewwel darba li Liverpool rebħu l-FA Cup wara tant snin ta’ stennija. Għadu s’issa ma jafx kif missieru akkwista l-biljetti tal-okkażjoni meta kienu skarsi aktar mill-qamħ fil-gwerra. Meta missieru urieh il-biljetti l-ewwel darba, ħass għaxar Milidijiet f’daqqa u kkonvinċa lil missieru jħallieh jraqqad il-biljetti miegħu taħt l-imħadda ħalli jekk tieħu n-nar id-dar jkun jista’ jsalvahom żgur. Bix-xieraq is-sieħba tiegħu tkun taf ħdax –il isem li tawh tant meta kien għadu tant żgħir. Lawrence, Bryne, Strong, Yeats, Stevenson, Callaghan, Smith, Thompson, Hunt u St John. Faċli u instintivi daqs numru tat-telefon. Ma kienx qiegħed jitlob ħafna imma s-sens komun kultant mhux daqstant komuni. Il-kanarin kultant għalxejn tiftaħlu l-bieba tal-gaġġa.

Ma’ John u Bill dar ħafna. Fl-1977 marru Ruma għall-ewwel finali tat-Tazza tac-Champions. Kienu marru bit-tren u damu sejrin kważi tlett ijiem. Meta waslu fil-għodu kienu żaru l-Colosseum. U quddiem dan il-post tal-meravilja ordnaw platt spagetti u hemmhekk tgħallmu li fuq l-ispagetti zalza ħamra tagħmel u mhux HP Sauce. Tal-egħġubijiet! Imma fil-għaxija stgħaġbu aktar meta raw lil Emlyn Hughes jgħolli dik it-tazza tant kbira u tleqq. U wara marru sa fejn it-Trevi u l-estasi niżlithom jinħaslu fiha. Finali wara finali vvjaġġaw flimkien u l-inbix ta’ xulxin kien jirriduċi vjaġġ ta’ siegħat sħaħ f’siegħa singulari.

Lejn Vladikavkaz fir-Russja Paul kien mar waħdu. Hu u sebgħa u tletin partitarju oħra marru hemm. Meta mar l-ambaxxata Russa biex japplika għall-visa, l-iskrivana ħassritlu biex ma jmurx. Rasu kienet ġa deċiża imma. F’qiegħ qalbu kien jaf li dan il-vjaġġ se jqallgħu penz mill-kbar li se jtih rank għoli u saħħa meta jkun qiegħed jiddiskuti fil-pub.

Lejn Sunderland dan l-istaġun kienu fuq tren it-tlieta flimkien. Paul ma kienx moħħu wisq f’inbix. Fuq ix-xellug tiegħu kien hemm persuna. Taha bejn tletin u erbgħin imma donnha l-ħajja ma tantx tatha fuq wiċċha, kien pjuttost lixx kważi tari.. Xagħarha iswed miġbud biżżejjed biex għajnejha kannella kbar jispikkaw iżjed, u widnejha żgħar ma tgħattewx kif ma tgħattewx zewġ fossos żgħar bħala imsielet. Liebsa flokk iswed, donnha qiegħda żżanznu llum, jeans blu u Adidas abjad f’saqajha. Taf li għal-logħba ma jmorrux tkaken ħaseb bejnu u bejn ruħu Paul. U flok jinbex taha għad-diskussjoni, juża kliem tqil kemmxejn filosofiċi għal dak il-ħin tal-ġurnata. Veru li għandu passat trejdunjonistiku iżda dal-għodu donnu bela’ ktieb ta’ Sartre minflok it-te’.

Fil-half time dam ħafna iżjed mis-soltu sabiex jġibilhom xi ħaġa mill-bar, u lura bi tlett tazzi f’idejh tiela’ tarġa, tarġa lejhom kellu daħka ta’ żebrinott li għamel xi ħaġa ħażina minn taħt. U wara l-gowl ta’ Voronin, ħareġ il-mobajl mill-but u bagħat messaġġ. Dam jistenna bil-mobajl f’idu sakemm daqqlu biex jurih li rċieva messaġġ huwa din id-darba. Għal xi ħadd li l-mobajl pjuttost invenzjoni żejda kien atteġġjament kemmxejn stramb. Fuq it-tren lura lejn id-dar l-istess waħda tal-flokk iswed kienet kumbinazzjoni fis-sidieni ta’ ħdejhom. U flimkien ma’ Sartre, il-kwotazzjonijiet sarkastiċi u umoristiċi ta’ Bill Shankly darhom waħda wara l-oħra. U l-udjenza ma tantx dehret li kienet huma.

Il-ġimgħa ta’ wara ma kellhomx jiltaqgħu. John u Bill siefru bin-nisa sa Ċipru għal ftit xemx. Malli waslu lura John ċempel lil Paul ħa jiftehmu għal-logħba li jmiss.

- Hello, Paul?
- Hawn John, kif mortu Ċipru?
- Tajjeb, tajjeb, dnub li ma ġejtx magħna. X’ħin se niltaqgħu s-Sibt li ġej?
- Ermm, mela ġejjin intom. Ħsibtkom se ddumu ħmistax mhux ġimgħa Ċipru u lħaqt ftehmt ma’ xi ħadd u sejrin bil-karozza tiegħi flok bit-tren.
- Ma ġara xejn Paul, narawk hemm mela.

Bilkemm laħaq qata’. Dlonk ċempel lil Bill.

- Hello, Bill?
- Hawn John, x’għandna?
- Għandna n-nejk.
- Jaqaw, ma telax ħaxix Goodison Park?
- U le apparti. Tiftakarha lil Eva Perón?
- Min?!
- U dik li John kiel bil-ħars id-darba l-oħra.
- Eh iva, x’ġara?
- Mhux talli taf il-ħdax ta’ kontra l-Leeds tal-finali tal-1965 imma sal-programm tal-logħba għandha!