Tuesday, October 30, 2007

Minn Sprint għal Sportiv


Nhar L-Erbgħa li għaddew dħalt għand tal-gazzetti bħas-soltu għal Malta Today. U għal darba lil tal-ħanut ta’ quddiem ix-xogħol ħallejtlu aktar mis-sittax –il ċenteżmu tas-soltu, għax ghall-ewwel darba ħarġet ir-rivista Sportiv.

Minn mindu l-internet ġiet skoperta u prattikament rrivoluzjonat tant aspetti mill-ħajja ta’ kuljum, il-publikazzjonijiet sabu kompetizzjoni diretta ġdida. Imma donnha l-karta, l-gazzetta u l-ktieb għadhom xorta mfittxija u maħbuba. Nieħu minni l-ewwel wieħed, bħalissa qiegħed nisma’ l-mużika mill-kompjuter. Ma tantx tagħmilx differenza għalija jekk hux MP3, CD jew LP. Forsi għax m’iniex purist fuq il-mużika. L-internet nħobbha kemm inħobbha ma ħaditx post il-karta għalija. Dik li l-Ħadd fil-għodu nqum u mmur għall-gazzetta hija parti mir-ritwal ta’ tmiem il-ġimgħa. Anke r-riħa tagħha nħobb. U li ġġibli subgħajja suwed ma niddejjaq xejn. Bħal fl-ikel, wara ħafna attenzjoni u dieti speċjali, biċċa laħam moqlija fiż-żejt tinżillek għasel.

Erbatax –il sena ilu wkoll kienet ħarget rivista sportiva – Sprint ppublikat mill-Union Print. Sprint kien joħroġ il-Ġimgħa u niftakarni nixtrih reliġjożament. Fil-fatt żammejt ħafna kopji, u meta din il-ġimgħa fittixthom u sibthom qajjmuli ċertu nostalġija. Il-motto ta’ Sprint kien ‘spjazu għal kulhadd, anke tal-minoranza’. Sportiv huwa eħxen, mimli b’aktar ritratti u jolqot ukoll numru konsiderevoli ta’ dixxiplini differenti. Minn ovvjament futbol sa żwiemel, basketball, bowling, atletika, volleyball, hockey u karozzi. Jidher li ngħatat attenzjoni speċjali l-preżentazzjoni, b’disinn u still pjuttost professjonali u li jolqot l-għajn. Nispera li l-kulur u l-istil ma jieħux post is-sustanza imma sa issa kmieni kemm huwa kmieni ma jidhirx li huwa l-każ.

L-ewwel ħarġa ta’ Sprint kellha lil Carmel Busuttil, il-Bużu fuq il-faċċata. Kien qiegħed jilgħab il-Belġju ma’ KRC Genk u dak iż-żmien kien għaddej mill-aħjar perjodu tal-karriera tiegħu. Meta kien jiġi lura Malta għal xi logħba nternazzjonali konna nistennew minnu dik ix-xi ħaġa aktar mill-oħrajn u ħafna drabi tahielna. Konna nħobbuh u konna kburin li qiegħed jagħmel isem tajjeb barra minn xtutna. Illum, kważi diċenju u nofs wara, fuq il-faċċata tal-ewwel ħarġa tar-rivista sportiva ġdida għandna lil Michael Mifsud li l-kowċ assistent tat-tim tiegħu laqqmu n-nemusa. L-istess bħall-Bużu, qiegħed jagħmel isem għalih nnifsu u għal gżiritna barra, din id-darba fl-Ingilterra. Wara l-Bużu, Mifsud huwa l-ewwel ikonu mill-futbol, sa ommi semgħet bih, maħbub u milli nisma’ t-tfal fl-iskejjel jilgħabu jippretendu fil-fantasija tagħhom li huma hu.

L-aqwa impatt ta’ Sportiv iżda hija r-ritorn ta’ Tonio Farrugia. Wara assenza twila, nispera u nittama li hu bil-għatx għal aktar kitba partikolari tiegħu – umoriżmu fin li jaqta’ u li tħalli lil ħafna ġurnalisti sportivi oħra Maltin warajh, jirrapurtaw logħba jew avveniment bħal kif pulizija jagħmel rapport ta’ ħabta bejn żewġ karozzi. L-ewwel ħarġa turi li jekk xejn fl-assenza kellu ċans jsinn il-pinna tiegħu.

Għalhekk biss bi ħsiebni nżomm l-appuntament tiegħi kull nhar t’Erbgħa. Nofs il-ġimgħa se jkollha niskata melħ aktar mis-soltu.

1 comment:

Angelo Chetcuti said...

Ma' kontx nitlef kopja ta' l-Isprint. U ġewwa kien ikollu l-powster, li f'dik l-eta' kont inkun nistenna bil-ħerqa biex nimla l-ħitan tal-kamra.

Kemm għandna bżonn aktar kitba bil-Malti, wisq aktar fil-kamp sportiv, li xi ftit jew wisq, jolqot lil kulħadd. Prosit.