Tuesday, August 14, 2012

In-niċċa




Illum żbajt il-bieb.  Biċ-ċelest, bħal kif kien qabel.  Ma kelliex aptit nixxkatla u allura għedt nerġa nagħmlu l-istess kulur li kien qabel.  Forsi aptit kelma mhux f’posta.  Naħseb aħjar ma kelliex motivazzjoni.  Anzi aħjar bħalissa n-nervaturi f’idejja bdew jitilqu, s-saħħa tagħhom m’għadiex l-istess u kedda żejda żgur mhux li jrid it-tabib, li kultant immur inżur, u dejjem noħroġ mingħandu aħjar milli dħalt.  Jgħidli, li qed nehwden u li qed inħoss mhux uġiegħ li għandi ninkwieta fuqu għax hu biss il-bidu, imma sempliċiment uġiegħ taż-żmien.  Bħall kulur tal-bieb, beda jitlaq għax biż-żmien mhux għax xi ħadd b’vendikazzjoni qagħad jigirfu biċċa biċċa biex ikiddni, għax forsi mingħajr na naf weġġajtu.

U la żbajt il-bieb, żbajt din in-niċċa.  Ilha hemm minn żmien missieri.  Missieri kien jgħid li qiegħda biex min jgħaddi minn hawn jiftakar li kien miet għalina.  U jekk forsi jkun tiela’ din it-telgħa fis-sħana t’Awwissu u jħoss id-dinja kollha kontrih, jħares ‘l hawn u jiftakar li qed jaħseb li d-dinja ddur madwaru u li qed iħoss mhu fil-fatt xejn.  Ngħidlek id-dritt jien naraha mod ieħor.  Naraha kultant li missieri qisu ried juri l-qdusija tiegħu lit-triq kollha.  U min-niċċa kollha, l-fjuri tal-plastik narahom jirrapreżentaw l-artifiċjalita ta’ kollox.  Imma umbgħad ngħid missieri mhux veru hekk.  Ħafna drabi ma kienx iħalli idu x-xellugija tara x’qed tagħmel il-leminija. 

U għaliex tgħid kien għażel mument ta’ passjoni għal din in-niċċa.  Kien hemm tant mumenti ta’ ferħ.  Ma niftakrux ibati wisq bil-melankolija.  Forsi għax għalih dan kien l-akbar sagrifiċċju?  U naf li kien jiċċaħħad ħafna minn affarijiet għalina.

Ħsibt u ħsibt, u fil-fatt telqitli ftit il-konċentrazzjoni u fil-fatt ilqatt il-ħġieġa bil-pinzell.  Qed ngħid dan kollu fuq missieri, din in-niċċa jien ħallejtha hemm.  M’iniex komdu mija fil-mija biha, imma ma nafx inneħħieha.  Għall-memorja ta’ missieri tgħid jew għax wiċċu kif inhu jġibli sudizzjoni?

Dubju jinseġ dubju ieħor, li flimkien qed jagħmlu konundru.  Il-fatt hu li din in-niċċa bħat-twemmin parti minni.  Toħloqli d-dubji, imma jekk ma jkollix id-dubju fuq din, nibda niddubita fuq affarijiet oħra.  U tlett xhur oħra nerġa’ niżbogħha b’żebgħa friska ċelesti.


Ir-ritratt li ispira din l-istorja huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl!

Monday, July 23, 2012

Lewn wieħed




Oriġinarjament kelli ħafna lwien different.  Aħdar, isfar, aħmar u blu.  U t-taħlita tal-ilwien kien jagħmilni differenti minn dawn kollha li hawn madwari.  Meta konna għadna flieles kulħadd kellu l-ilwien tiegħu.  Ommi kienet tgħidilha personalità.  Ma nafx eżatt x’riedet tgħid biha.  U konna kollha nieħdu gost inħallu l-kuluri jkanġu fix-xemx.  Kien hemm min kellu l-istess kuluri tiegħi.  Imma ta’ ħadd ma kienu fl-istess ordni bħal tiegħi.  U allura ta’ ħadd ma kienu l-istess.  Kont tista’ tiddistingwi minn wieħed għall-ieħor.  U konna naqbżu bl-ilwien u kuluri mwaħħla magħna minn siġra għall-oħra bla ebda biża ta’ xejn.  Kellna kurżitajiet biss.

U s-sema kien sempliċi tinda kbira għal dak li min jaf x’hemm warajh.  Li għalissa għadna ma nafux.  Imma qed noħolmu bih.  U la nikbru żgur se nesperjenzaw.  Għax ovvja li se mmorru hemm.

Naħseb li meta l-kbar isaffru f’widnejn xulxin ikunu qed jitkellmu fuq hemm.  U ma jsaffrux jgħajjtu meta jkunu qed jirreferu għal hemm għax ma jridux iħassru s-sorpriża li se nsibu meta naqbżu dik it-tinda blu u jkollna post ieħor fejn inħallu ilwienna jsebbaħ il-madwar.

Imma l-affarijiet jinbidlu.  Waqqajt l-ilwien kollha u baqagħli lewn wieħed biss.  U l-istess lewn ta’ ħuti, tal-ġirien u tar-razza kollha.  U l-istess tal-fjuri.  L-uniku lewn jew kulur, sejjaħlu li trid differenti huwa l-isfond.  U l-isfond qiegħed hemm għal kulħadd.  U qiegħed differenti biex għallinqas jindunaw li hawn l-għasafar f’din il-biċċa għalqa.

Għalfejn irrid ikolli kulur differenti minn ta’ l-oħrajn? 
Il-bnedmin li żgur huma intelliġenti ħafna aktar minni kważi kollha jilbsu l-istess.  Kważi kollha bl-istess simbolu fuq il-flokk tagħhom.  U dawk huma li għandhom l-akbar karozzi.  U la għandhom l-akbar karozzi bil-fors li huma l-aktar li rnexxew.  Allura jiena sempliċi għasfur għandi nkun differenti minn ħaddieħor.?
Hekk għandi l-wens fil-massa.  Ħadd mhu se jisfida xi ħaġa milli nsaffar.  U meta għandi aptit ma nidhirx lanqas għandi għalfejn nistaħba.  Biċċa uġiegħ ta’ ras anqas. 

Dan l-aħħar fil-fatt ilha ħafna ma tuġgħani rasi.  Forsi għax m’għadniex naħseb aktar.  Ma nafx.


Għal darba oħra grazzi lil Pawlu Mizzi għal dan ir-ritratt li sewa ta' inspirazzjoni.

Monday, June 25, 2012

Flok garrejt




Illum ġejt ftit s’hawn.  Is-soltu nkun fejn Bieb il-Belt, jew fejn dak li kien xi darba jissejjaħ hekk.  Nimxi bil-mod fuq dawn iż-żewġ saqajn li jfakkruni li ġwienħajja għandhom użu daqs parlament ġdid f’pajjiż fejn il-membri parlamentari jikkontribwixxu lejn id-demokrazija daqs il-probabilita li ssib lili fuq l-ewwel paġna ta’ edizzjoni speċjali tan-National Geographic.

Imma l-fatti jirbħu s-sens komun mhux daqstant konvenzjonali.  U parlament ġdid fejn normalment kont indur u nagħqad qed jinbena.  U qed joħloq ħafna trab.  Jien m’iniex xi ajkla.  Lanqas verdun.  Jien pjuttost kreatura urbani aktar milli rurali.  Imma t-trab mhu tajjeb għal ħadd.  U ddejjaqt.  L-istorbju ma jagħmel tajjeb lil ħadd lanqas.  U jien ma nafx ngħanni jew għallinqas insaffar biex forsi nikkompeti mal-ħsejjes irritanti.  Naf biss ingorr.

Imma dan l-aħħar flok komplejt ingorr bħall bqija tal-miġemgħa li tgħaddi kuljum mill-istess triq li nokkupa jien, qbadt saqajja u mxejt u kultant tirt minkejja li mhux wisq fil-għoli.  U minn ħajja sħiħa fil-belt, irrealizzajt li ftit passi u erba’ titjiriet ‘il bogħod hawn ambjent differenti.  U minflok fuqi biss, l-ikħal ma jispiċċa qatt qed taħti wkoll.  Dalgħodu minflok ġġilidt għal xi biċċa ħobż mimlija żejt milli rmiet il-miġemgħa, ħadtha bil-mod innaqqar ftit minn dan il-ħaxix ta’ hawn.  Dam ftit ma niżel għax kien ġdid imma kelli ċ-ċans nidderiġieh għax kont waħdi u naħseb għada se jinħass aħjar.
Dan il-ġebel li qed fuqu aħjar mit-tarmak.  Mhux lixx, imma min irid iċ-ċass meta jista’ jkollok il-vivaċita?

Flok garrejt imxejt ftit.  Lura fejn kont inkun mhux se mmur aktar.  Se ngawdi ftit hawn u d-deċiżjoni li noħroġ mill-qoxra taċ-ċentru.

Fetħa vojta jew parlament ma tagħmillix aktar differenza.

Dan ir-ritratt huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl!

Wednesday, June 6, 2012

It-tajra




Naħseb li ridt xi tattika partikolari.  Mhux ta’ 4-4-2 jew 3-5-2 imma ta’ kif tħalli biċċtejn karti irqaq ħafna maqtugħin b’mod trijangolari waqt li magħqudin b’biċċa ta’ qasba jieħdu vantaġġ mir-riħ.   Il-boxxla kont tgħallimtha mal-Iscouts.  Jew aħjar it-teorija tagħha aktar minn kollox.  U kif jgħidu t-Taljani, il-prattika twassal ħafna aktar mill-grammatika.  

Illum il-ġurnata fuq il-bejt hemm pinnur imwaħħal, imma la qiegħed hemm għall-prattika u lanqas għat-teorija.  Sempliċiment bħala ornament.

Ir-riħ, f’ħajti kultant idejjaqni.  Meta jibda jonfoh qisu fi sfida biex ineħħieli l-gakketta minn fuqi per eżempju, u jfakkarni f’dik l-istorja li kellna fuq Id-Denfil, ta’ meta x-xemx u r-riħ għamlu mħatra minn min minnhom ikun kapaċi jġiegħel lil dak is-sinjur bil-ġlekk biex jaqilgħu minn fuqu.  Idejjaqni ta’ dak il-ħin imma, mhux eżattament jaffetwani daqstant. 

Forsi għalhekk il-pinnur qiegħed hemm biss bħala ornament, u mhux biex jgħinni nippjana l-ġurnata.

Illum qieghed hawn barra f’dax-xagħri u hu ftit riħ.  Imma ssaqsiniex jekk hux grigal jew lbiċ.  Qieghed imma b’saħħtu biżżejjed biex imexxi s-sħab u kultant sħaba qed tgħatti lill-oħra u b’hekk ix-xemx ikollha anqas ostakli biex tilħaq art u ssaħħan bil-benna tagħha.
Hawn is-skiet li kultant jinkiser bil-ħoss ta’ xi tir ta’ senter, għax l-istaġun reġa’ fetħilhom.  Tajr ta’ veru imma m’iniex nara. 

L-uniku konsolazzjoni hija tajra tal-karti, li hawn wieħed liebes ġlekk ftit ‘il boghod minni li għajnejh ma qalagħhomx minn fuqha.  Nahseb dan bhal Khaled Hosseini, l-Afgan ta’ The Kite Runner li t-tjur tal-karti jġibulu ħafna memorji u jeħduh fi tfulitu u l-ħolm li kellu xi darba li min jaf kemm inbidlu minn dak iż-żmien ‘l hawn.

U jien issa qed niftakar.  Ir-RAI ma konniex stajna naqbduh.  L-iskrin tat-televixin kien qed jikkumplimenta d-dixx ross li konna għadna kif kilna.  Il-logħba ma stajniex narawha.  Kien żerbinott minn ħdejna li weħlitlu t-tajra mal-erjal ta’ fuq il-bejt.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn sieħbi Pawlu Mizzi.  Grazzi Pawl.

Sunday, May 27, 2012

Manneriżmu




Ilni ndur u nagħqad.  Hawn f’dil-belt.  Mingħajr mappa.  Bejn għax ma tantx naf naqra waħda u bejn għax m’għandix għalfejn.  Kull m’għandi f’idi huwa l-ħin u l-preżent.  U f’saqajja kull m’għandi huwa qorq, b’qiegħ kemm kemm maqtugħ mit-tarmak.

Imma hawnhekk ħa ninżgħu.  Għax issa m’għandix bżonn nevita t-tarmak iswed li jgħakkarli saqajja.  Iċ-ċangaturi tal-ġebel friski, u l-fili bejn waħda u oħra jgħarrxuli saqajja.

Dort fuq ix-xellug tiegħi u sibt dan il-post, ‘il bogħod mill-attivita tal-belt.  Forsi tgħidli x’ġejt tagħmel f’belt jekk ma tantx tixtieq tħoss attivita madwared u trid il-kwiet?  Inti tisma’ lil Leonard Cohen jekk trid timtela bl-ottimiżmu?  Le, u lanqas nixrob il-ħalib tas-soja waħdu meta jkolli togħma morra f’ħalqi u rrid inbiddilha.

Imma kultant toħroġ mill-bieb b’tir f’moħħok, tispiċċa tolqot l-għasfur u flok tifraħ, tgħid dan xi qtiltu nagħmel u tqatta’ l-kumplament tal-ġurnata bit-tromba f’idejk tapprezza t-tjur itir fis-sħab.  Flok b’ġebla waħda toqtol żewġ għasafar, mingħajr ġebla waħda tara mitt għasfur u l-ġurnata tibqa’ miegħek aktar minn kemm il-gamiema ddum fl-istonku tiegħek.
U llum hekk ġrali.  Terraqt f’belt kapitali imma l-istint ġarrni hawn.  Ma nafx kemm hu sikur.  Bħalissa ma tidhirx ruħ.  Il-pulizija m’hix hawn.  Ma nafx hux għax m’għandiex bżonn jew għax hi stess tiddarras minn hawn.

Il-ħitan imġarrfa.  Il-bibien imbarrati.  Imma hemm tieqa u ma fiha ebda persjana.  Il-ħġieġa mhux imkissra u hemm purtiera ħafifa, kemm tagħti ftit privatezza waqt li tħalli d-dawl jgħaddi.  Hawn it-tiġrif, mhux tal-gwerra jew ta’ xi kuntrattur imma taż-żmien li qisu ġurnata wara ġurnata trejjaq mill-ġebel ta’ hawn, jieħu biċċa, biċċa minn kull ġebla biex ma tantx jagħti fil-għajn li anke hu għandu bżonn xi ħaġa biex jimtela.  Jew forsi biex jehda.  Jew forsi nfexx f’dawn il-ġebel wara li ddarras b’li ra hawn isfel ‘il bogħod minn kulħadd.

Ix-xemx bħaż-żmien ma nsietx hawn.  Hawnhekk imma ma tixxebkilx bħal kif tagħmel mas-siġar, hawn taqta’ l-linji dritti bħal Ġlormu Cassar.


Ir-ritratt huwa meħud minn Pawlu Mizzi.  Grazzi ħabib.

Wednesday, May 16, 2012

Ċavetta



Niftakrek ittihieli f’idi.  Kienet bejn subgħajk il-kbir u t-tieni subgħa.  Jien kelli niftaħ il-pala sħiħa ta’ idi.  Bħala ġest aktar minn kollox.  Kont rajt u ħassejt is-solennità f’għajnejk.  U inti żgur li l-pala ta’ idi rajtha bħala platt tal-fidda aktar milli pala tax-xaħx.  L-apparenza ma kienitx tagħmel bik imma inti żgur ma kontx se tafda biċċa minn ħajtek fuq pala li normalment tintuża biex tarmi.  Sa hemmhekk tikkonforma.  U s-simboli jfissru xi ħaġa għalik.

Imma dik veru kienet bicca minn ħajtek kif għedtli?  Għax jekk hu hekk, kif ħallejtha tissaddad hekk?  Imma umbgħad jien li naf  kif inti tirraguna, l-affarijiet jagħmlu ħarira aktar sens għax li mhux kull ma jleqq hu deheb ma kienx sempliċi idjoma għalik.  U darba smajtek tgħid li l-lostru jaħbi w jgħatti aktar milli jsebbaħ.  Dik qiegħda hemm, hi kif inhi u tagħmel dejjem xogħolha.

Kliemek għadhom idoqqu f’widnejja, kompliċi mal-ħass tal-ewwel darba tagħha f’idi.  Kelma b’kelma qishom il-kliem tad-diska favorita tieghi.  Din id-darba imma veru l-kliem kienu għalija, u għalija biss.  Għax qabel kont nisma’ diska, infittex il-lirika, dak iż-żmien fil-kaxxa tal-kassett u naħseb li l-kantant kien qed ikellem lili.  Jew li din stajt ktibtha jien stess.  Jew billi qabel ma kontx issib il-lirika malajr bħal-lum niffoka fuq il-korus u ninsa l-bqija tad-diska.  U nisma’ dak li rrid nisma’.  Ħu minn Lithium tan-Nirvana.  Kont nisma’ I’m so happy cause today I found my friends, u daqshekk.  Kont nghid dan bhali.  Li jkompli ‘I’m so ugly, that’s okay’ ma kontx nagħti kas.

Kont ngħid Kurt Cobain qed jitkellem bil-lingwa tiegħi, u li dawk l-għaxar kelmiet kitibhom hu u mhux jien, sempliċiment kumbinazzjoni.

Megalomania jew innoċenza ma nafx.

Ma kienx hemm rimi.  Leħnek kien ftit maħżuż.

‘Iċ-ċavetta tieghek, u dik tiftaħ ir-remissa.’

Ma hemmx titli.  Lanqas indirizz.  Għax fix-xaghri ta’ fejn il-baħar ħadd ma jindenja ruħu jagħti wieħed.  U fir-realtà ma hemmx bżonnu, bħal m’hemmx bżonn ta' kuntratt bejn il-ħbieb. 

Tfajtli f'idi dak li dejjem ridt mingħajr ma xtaqt jew ħlomt għax l-immaġinazzjoni tiegħi limitata.  U issa qiegħed hawn fir-remissa miftuħa miċ-ċavetta, ingawdi l-kenn u s-silenzju li xi darba kienu tieghek biss.

Tinkwetax mhux se nbiddilhom f’xejn aktar. 

U nifhem li ċ-ċavetta msadda bir-raxx tal-ilma baħar.