U l-kotra qamet
f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min
ikasbarni, - miskin min jidħak bija!”
Hekk kienet
il-burdata ta’ dan il-pajjiż bħal-lum ġimgħa.
Biss ma naħsibx li Rużar Briffa ħassu kburi b’min ħanxar dawn
il-versi. Għax jekk artist joħloq biċċa
arti ma jixtieqx jara xogħlu biex jingħalqu l-imħuħ, u biex tintuża bħala
żbandola lejn min hu differenti minnu sabiex għal ftit minuti jħoss superjorita.
F’dinja
tal-annimali, it-tiġieġa li tbid bajda ma tixtieqx tara frottha titwaddab lejn
ħaddieħor sabiex tumiljah, imma bħala ikla u sustanza.
Forsi wkoll bħala
dermatologu, li kieku għadu ħaj u ma ħalliniex qasir il-għomor, il-poeta Briffa
kien ikun jista’ jispjega aħjar kif il-ġilda tagħna l-Maltin taf tkun
sensittiva għall-aħħar fuq xi ħaġa, imma ħarxa u tiflaħ għal kollox
f’sitwazzjonijiet oħra.
Aħbar ta’ ġuvni
ta’ erbgħa u għoxrin sena jitlef ħajtu traġikament hija dejjem kerha biżżejjed
biex tħassar burdata ta’ Ħadd filgħodu li minkejja li għadu Marzu sebaħ
bix-xemx tiddi u l-baħar ikħal ileqq.
Biss minflok il-pajjiż ħass dieqa lejn dan it-tali u rrifletta fuq
il-ħafna tajjeb tiegħu, ħass biss mibegħda lejn kull persuna li ma nzertatx
twieldet fuq din il-blata. Ovvjament
kull min inzerta twieled fil-Bulgarija u bħalissa qed jgħix f’dan il-pajjiż sar
għadu pubbliku numru wieħed tal-poplu ħanin Malti. Il-Bulgari nbidlu f’għedewwa pubbliċi numru
wieħed. Ħafna saru mħallfa, jaħilfu li
kellhom il-poter f’idhom jiddeportaw ‘il barra kull min ġie minn dan il-pajjiż
li għandu bandiera bajda, ħadra u ħamra, u li għal numru sew ta’ Maltin jfisser
btala mingħajr ma tiżbanka. Min ma
għamilhiex ta’ mħallef, għamilha ta’ avukat tax-xitan. Qabel biss rifes l-għatba tal-qorti, numru
ta’ gazzetti lokali ppubblikaw ritratt tal-persuna li allegatament b’daqqa ta’
ponn bagħat lil xi ħadd id-dinja l-oħra.
Xprunaw it-theddid u l-kżenofobija.
Paceville, minn post
ta’ paċi kif wara kollox jixhed ismu ġie ddikjarat bħala post ta’ gwerra ċivili
bejn Maltin u barranin.
It-Tnejn filgħodu
sebaħ jum ġdid. Kellu jkun il-jum li fih
adoloxxenti Bulgaru, wieħed mill-ħafna mijiet li hawn f’Malta li apparentement
jaħdmu hawn u qed jgħinu ekonomija ta’ gżira tara numri li qabel qatt ma ħolmot
bihom jittella’ l-qorti. Filgħodu,
il-postijiet tax-xogħol flimkien mal-ħwienet tal-merċa, tat-te, u l-ġodda li
għandna tal-kafè inbidlu fi qrati.
Is-siti soċjali komplew bil-kżenofobija u razziżmu tagħhom tant li s-sit
ta’ Facebook kellu jimblokka il-paġna tal-allegat qattiel. Sadattant, permezz
ta’ poster b’Malti mkisser il-Moviment Patrijotti Maltin ħabbru li lejn tmiem
il-ġimgħa se jorganizzaw dimostrazzjoni għax it-tfal Maltin qegħdin jiġu
msawwta mil-barranin.
Wara, ħarġet
aħbar. Ma kienetx aħbar bi statistika li
tgħid li Paceville bħala post notturn dejjem kellu ċertu inċidenti, anke meta
kien ikun hemm kważi Maltin biss, tant li għal ħafna żgħażagħ Maltin li jitħallew
imorru f’Paceville kien qisu qed jitolbu viża mingħand il-ġenituri
tagħhom. Jiena kont wieħed minnhom. Lura fid-disgħinijiet, Paceville ħalla mpatt
anke fuq Frans Sammut, il-kittieb ċelebri ta’ Il-Gaġġa u Samuraj fost
oħrajn, tant li kiteb rumanz b’dan
l-isem.
Le, l-aħbar
kienet li l-persuna Maltija li tilfet ħajjitha ma nstabitilha ebda sinjal ta’
vjolenza fuqha.
Ma ħarġux wisq
apoloġiji.
Sadattant jidher
li kollox mar għan-normal. Il-problemi
kollha tal-pajjiż mhux minħabba l-Bulgari għax wara kollox dawn mhux suwed u ma
jagħtux daqstant fil-għajn. Il-mibegħda
lejhom kienet temporanja.
Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-Ħadd, 25 ta' Marzu, 2018.
No comments:
Post a Comment