Sunday, January 21, 2018

Il-logħba tal-ballun u l-korruzjoni

Għal ħafna, il-logħba tal-ballun mhijiex sempliċi logħba.  Hija ħafna aktar minn hekk.  Lura fis-sittinijet pereżempju l-Iskoċċiż Bill Shankly, dak iż-żmien manager tal-klabb Ingliż Liverpool F.C. ddikjara li l-futbol mhuwiex kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, huwa ħafna aktar importanti minn hekk.  Kien hemm żmien fejn jiena personali kont nemmen dan.  Meta llum inħares lura u nerġa’ nixtarr din id-dikjarazzjoni nirrealizza kemm Bill Shankly kellu viżjoni dejqa tal-ħajja.  Kif jista’ logħba sempliċi tkun aktar importanti mill-ħajja, speċjalment meta xi snin wara l-istess klabb li huwa stess kien imexxi għadda minn żewġ traġedji li ħallew fuq mitt mewta.

Din il-persuna għandu statwa f’Liverpool fejn taħt persuntu hemm imnaqqax ‘He made the people happy’ – ‘Ferraħ lin-nies’.  Dażgur li ferraħ in-nies, imma ma jistax ukoll li aljena n-nies fejn ħalliehom jintilfu fil-futbol minflok jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?  Dan huwa argument li ma jispiċċa qatt u fl-istess ħin ukoll ħafna jgħidu li l-logħba tal-ballun hija mod ta’ kif inti tista’ taħrab it-toqol tal-ħajja.

Saru wkoll diversi studji li jgħidu li ħafna drabi l-futbol jirrifletti l-ħajja tal-persuna u sussegwentament il-pajjiż.  Pereżempju t-tim Ġermaniż huwa normalment dixxiplinat, b’saħħtu, u ħafna drabi jasal fejn irid jasal.  It-tim tal-Brażil ukoll jirbaħ ħafna imma jagħmilha b’mod ħafna aktar vivaċi u li ħafna drabi jitqabbel mal-eċċessi tal-Karnival Brażiljan.

Din il-ġimgħa f’Malta kellna l-konferma li numru ta’ plejers li (kienu) jilagħbu għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-wieħed u għoxrin sena kienu nvoluti f’korruzjoni f’logħbiet internazzjonali.  Għal ħafna, logħbiet bejn żgħażagħ ta’ din l-età huwa fost l-isbaħ futbol li tista’ tara.  Il-plejers għadhom żgħar, għadhom innoċenti, ikun hemm ħafna grinta u ħafna passjoni.  Allura d-dnub ta’ dawn, jew ejja ngħidu hekk is-sitwazzjoni li ġiet rivelata quddiem għajnejna hija ħafna aktar tal-biki milli tidher fuq il-karta.  Tista’ tgħid li l-flokk nazzjonali ma jfisser xejn, li l-Maltin minn ċkunithom ibiegħu l-logħob, u li allura l-logħba tal-ballun lokali, li hija meqjusa minn ħafna bħala medjokri, kif jixhdu r-riżultati, hija mħassra minn għeruqha.

Jiena li kont inħobb il-logħba tal-ballun daqs dawl għajnejja llum il-ġurnata bil-kemm nagħti kasha.  Aktar milli ma nagħtix kasha, ħafna drabi saret timbuttani ħafna.  Aktar milli l-logħba nnifisha, jimbuttawni l-aħbarijiet ta’ madwarha, l-eċċess tagħha, it-trasferimenti statosferiċi li saru l-ħobża ta’ kuljum, u ovvjament il-korruzjoni ta’ ġo fiha.  Ma nistax niġġustifika moralment klabb li jħallas mijiet ta’ eluf fil-ġimgħa lil persuna waħdu meta hawn minn m’għandux għaxja ta’ lejla.  Jiena naċċetta li ma nistax inbiddel id-dinja, imma għallinqas nista’ ma nagħmilx parti minn ċirku li tilef kull sens ta’ proporzjonalita u ġustizzja soċjali.  Fl-Ingilterra, sabiex tara logħba, ħafna drabi saret tiswik ħafna aktar milli tmur tara xi dramm fit-teatru.  Forsi għal ħafna din ma fiha xejn ħażin imma rridu niftakru li l-logħba tal-futbol kienet meqjusa bħala l-ballet tal-klassi tal-ħaddiem.

Lura f’pajjiżna aħbar bħal din inħoss li tikxef marda li għandna.  Ħafna drabi fejn naslu għalina huwa importanti ħafna aktar milli kif naslu.  Ir-riżultat huwa kollox.  Li xxaħħam hija normali, u naċċettawha.  Ħafna drabi wkoll inġibu l-iskuża bil-familja.  Niftakar fl-istess ħin f’xi films mafjużi, fejn nies orribli, u kapijiet tal-mafja jiġġustifikaw li għamlu li għamlu għax għandhom familja x’jitimgħu.  Bħalikieku, huma biss għandhom familja x’jitimgħu.  Mhijiex każ ta’ Malta biss.  Pereżempju, wara li dan l-aħħar miet Toto Rina u saret voxpop ma’ nies mir-raħal tiegħu wieġbu li għallinqas meta kien ħaj hu, kulħadd kellu xogħol.  Il-virtu huwa minsi.   Il-lira fil-but saret kollox.

Forsi wkoll imma nagħlaq billi nistaqsi kif rarament il-midja Maltija kixfet każi ta’ korruzzjoni fil-futbol, u ħafna drabi fuq programmi televiżivi l-kelma hija meqjusa bħala taboo.


Il-midja parti mil-logħba?

Dan l-artiklu deher oriġinarjament fuq It-Torċa tal-21 ta' Jannar, 2018.

No comments: