Monday, September 21, 2015

Anatomija ta' Sparriximent

Hisham Matar, l-attur ta’ In a Country of Men u Anatomy of a Disapperance kien wieħed mill-mistednin tal-Festival Mediterranju tal-Lettaratura ta’ Malta, li ttella’ fil-Fortizza ta’ Sant’Iermu minn Inizjamed.

Fortizza tista’ toffrilek kenn u tista’ tintimidak.  Fl-intervista tiegħu ma’ Albert Gatt, Hisham mela l-bitħa enormi tal-fortizza bl-intellet tiegħu  kull min kien hemm mhux talli ħassu mkennen talli ma xtaqx joħroġ minn hemm.  Il-kitba tiegħu kważi kważi mellisija.  Kull kelma mirquma, waħda wara l-oħra, jirriflettu l-mistoqsija eterna ta’ x’sar minn missieru, li jgħix.

Hisham huwa mwieled New York.  Il-ġenituri tiegħu huma Libjani, u huwa jqis ruħu bħala Libjan.  Missieru kien dissident tar-reġim ta’ Gaddafi u ġie maħtuf snin ilu.


Wara li qrajt it-tieni ktieb tiegħu, li forsi huwa anqas ċelebri imma aktar personali, ma stajtx ma ngħix ftit aktar ħin miegħu billi nittraduċi l-ewwel kapitlu tiegħu.



Jiġuni ħinijiet meta l-assenza ta’ missieri nħossha tqila daqs li kieku hemm tifel bilqiegħda fuq sidri.  Drabi oħra bilkemm niftakar il-fattizzi ta’ wiċċu u jkolli noħroġ ir-ritratti tiegħu li nżomm f’envelop li nżomm fil-kexxun tal-komodina ta’ mas-sodda.  M’għaddietx ġurnata minn meta għosfor bħal leħħa ta’ berqa f’ċirkustanzi misterjużi li ma fittixtux, anke fl-aktar postijiet improbabbli. Kollox u kulħadd, anke l-eżistenza nnifisha saret xbiha, possibilità ta’ xebh.  Forsi din hija wara kollox id-definizzjoni ta’ dik il-kelma qsajra u llum arkajka – eleġija.

Ma narahx fil-mera, imma nħossu jiċċaqlaq, daqs li kieku qiegħed jieħu nifsijiet ‘il ġewwa għax il-qmis bilkemm tiġih.  Missieri minn dejjem kien intimament misterjuż anke meta kien preżenti.  Kważi kważi, nista’ nimmaġina kif stajna sirna llum, bħala tnejn adulti, ħbieb, imma fir-realta’ hemm xi ħaġa nieqsa.

*****

Missieri għosfor fl-1972, fil-bidu tal-vaganzi tal-Milied, meta kelli erbatax.  Mona u jien konna qed noqogħdu fil-Montreux Palace, u dak il-ħin konna qegħdin nieħdu l-kolazzjon fit-terazzin li jagħti għax- xmara Geneva, wiċċha ikħal kemxejn ċar, fuq in-naħa ta’ fejn lil hinn mill-għoljiet li jdawwruha hemm in-naħa battala tal-belt ta’ Geneva – jiena kelli tazza kbira ta’ larinġ magħsur, u hija, te iswed għadu jagħli.  Niftakarni nħares lejn il-paragliders silenzjużi suspenduti fl-arja, fuq ix-xmara nnifisha mingħajr l-iċken kurrent,  u hi ddawwar fil-paġni tat-Tribune de Genève, meta f’salt wieħed għolliet idejha ma’ ħalqha u tregħdet.

Ftit minuti wara konna fuq tren, bilkemm nitniffsu, ngħaddu l-gazzetta lil xulxin.
Mill-għassa tal-pulizija ġbarna l-ftit affarijiet ta’ missieri li tħallew fuq il-komodina.  Meta ftaħt il-borża żgħira tal-plastik stajt inxommu mat-tabakk u l-lighter. L-istess arloġġ li kien hemm fil-borża huwa bħalissa mdawwar ma’ idi, u sal-lum, wara t-tant snin li għaddew, meta nagħfas iċ-ċinga tal-ġilda ma’ mnifsejha jirnexxieli nxommu għal sekonda.

*****

Illum il-ġurnata nistaqsi lili nnifsi kemm l-istorja tiegħi kienet tkun differenti kieku idejn Mona ma kienux sbieħ, u subgħajha ħoxnin.
Għadni sa issa, tant snin wara, nisma’ l-istess frażi b’persistenza infantili, ‘Jien rajtha l-ewwel,’ li dak iż-żmien kont inħossha toqmos bħal għafrid fuq ilsieni kull meta kont naqbad lil missieri f’xi ġest ta’ pussess fuqha: subgħajh jogħdsu f’xagħarha jew idejh fuq kuxxtejha, b’dik in-naturalezza ta’ xi ħadd li jmiss widnejh f’nofs sentenza.  Kien ukoll ħa d-drawwiet tal-Punent li jżommilha idha, ibusha u jgħannaqha fil-pubbliku.  Imma hu qatt ma seta’ jidħak bija, għax bħal attur medjokri, dejjem kien jinħass inċert mill-azzjonijiet tiegħu.  Meta kien jaqbadni nħares lejh, kien iħares in-naħa l-oħra u naħlef li kont nara ħaddejh jieħdu l-kulur.  Hekk kif niftakar kemm kien jipprova titla’ ġo fiha tenerezza sewdenija, għadni sa issa nfittex simpatija sempliċi u mutwali ma’ missieri.  Ir-relazzjoni tagħna minn dejjem kellha nieqsa dak li minn dejjem kont nemmen li maż-żmien jsir possibbli, forsi wara li sirt raġel jew wara li jiena stess insir missier: tip ta’ emozzjoni elokwenti u faċli.  Imma llum il-ġurnata d-distanza ta’ bejnietna li ddettat l-interazzjonijiet ta’ bejnietna u qatgħet qasma silenzjuża bejnietna għadha tifformah fi ħsibijieti.

Sunday, September 20, 2015

Poesía Flamenco

Xi kultant tisma’ kanzunetta b’lingwa sa dakinhar aljena għalik u ssaħħrek.  Forsi għax il-mużika hija l-aktar lingwa universali li qatt eżistiet,  l-lirika awtomatikament issir sekondarja.  Imma wkoll xi kultant leħen il-kantant bil-kliem li inti ma tifhimx jista’ xorta waħda jqajjem emozzjonijiet ġo fik.

Ilbieraħ ġrali hekk, f’kuntest li daqs kemm hu differenti huwa paralelli ma’ hekk.  Mort għal Poesía Flamenco ġewwa il-Kavallier ta’ San Ġakbu, l-belt Valletta.  Jiena rarament rajt żifniet ta’ flamenco, u ż-żfin inġenerali ma nifhmux daqs kemm fekruna qatt ma’ tista’ tifhem  kif tħossok meta sa fl-aħħar titlaq basket tqil minn fuq dahrek.
Kont qed nibża’ li sejjer nara dramm bil-Grieg.

Imma rrealizzajt li l-passjoni ta’ xi ħadd f’arti, hi x’tip hi, malajr tiżboq kull ħajt li jista’ jkun hemm.  Fl-intimità tat-teatru tal-Kavallier ta’ San Ġakbu, dwew f’widnejja l-versi ta’ Norbert Bugeja u Walid Nabhan u għajnejja teptpu mill-anqas biex ma nitlef xejn milli kien għaddej quddiemi.

Hu privileġġ li tara artisti bilkemm żewġ metri ‘l bogħod minnek jinħallu fl-arti tagħhom. 
It-tapping li sar miż-żeffiena ħoloq ħoss isbaħ minn ta’ tanbur, it-tbissim fuq wiċċ iż-żeffiena u f’mumenti oħra d-dieqa mżewwġa mal-movimenti tagħhom għamlu l-esperjenza kollha awtentika.


Spanja hija sempliċiment ftit aktar minn sagħtejn ajruplan ‘il bogħod minna, imma minkejja dan, il-prossimità li nħossu bejnietna mhix daqstant reċiproka.  Iżda lbieraħ t-teatru ta’ San Ġakbu, twaqqgħet fruntiera f’moħħ ħafna li kienu hemm, u ħassewhom Spanjoli daqs il-bandiera ħamra u safra.

Wednesday, September 9, 2015

Aylan u Adi












X’naqbad insejjaħ lil Aylan al-Kurdi?  Waqt li tarbija eżattament ma kienx, tfajjel ma naħsibx li kien laħaq sar.  Forsi martri?  Sfortunatament lanqas.

L-isfortuna hija li minkejja li r-ritratt jidher li qanqal ħafna rwieħ, għal xi raġuni qed ifakkarni fl-Eritrejan Ashih Tekleab el Haile li salva student Franċiż mill-għarqa imma fil-proċess tal-att erojku tiegħu bela’ biżżejjed ilma li r-ramel ta’ Paradise Bay qatt ma reġa’ mexa iżjed fuqu, u l-istess ramel serva biss bħala sodda għall-awtopsja tiegħu.  Għal dik il-ġimgħa, l-kelma ‘klandestini’ ġiet sostitwita għal ‘refuġjati’.  Ma dametx wisq iżjed imma.  Bħala ħafna tfal jew adulti li ma jafux jieħdu ħsieb annimal, billi ttihom kelb bħala rigal għall-Milied, ġimgħa waħda biss jagħmlu joħorġuh dawra.

Li kellu xi ħadd ġej minn żmien ieħor jara r-ritratt ta’ Aylan mixħut minn tulu fuq ir-ramel b’wiċċu lejn il-baħar x’aktarx jimmaġina li t-tifel qiegħed iħaffer fir-ramel biex jew jibni xi kastell jew jipprova jsib il-qiegħ.  Biss bl-aħbarijiet li llum nisimgħu minn siegħa għall-oħra, dak li qabel konna nqisuh bħala traġiku llum sar naturali. Kien hemm tifel ċkejken, li wara li l-qoxra li kien fuqha għerqet, il-kurrent ġarru lejn ir-ramel ta’ xtajta li tant tfal iħobbu, bi stonku mimli ilma mielaħ, b’qalb li ma baqgħetx tħabbat, kiesaħ silġ.  L-ambjent u ċ-ċirkustanzi kompletament jagħġnu l-mod kif naħsbu.  Tant hu hekk li ftit xhur ilu meta tifla Sirjana f’kamp tar-refuġjati l-ġmiel tagħha rat fotografu b’tromba mhux ħażin mhux biss ma tbissmitlux imma tellgħet idejha ‘l fuq b’ġest ta’ rendiment lejn dak li ħasbet għandu arma tan-nar f’idu.

Bl-istess raġunament, issa li għandna idea ta’ minn xiex qegħdin jgħaddu dawn in-nies, se nibdew inkunu aktar tolleranti, jew sempliċiment qegħdin nibku dmugħ tal-kukkudrilli?












Bħal kif it-tifla Sirjana Adi Hudea, kienet programmata biex kull min iħares darbtejn lejha ma jagħmilx hekk għax jiggustaha imma għax irid jisparalha, jidher li ħafna minna pprogrammati biex naċċettaw dak li huwa konvenzjonali.  U l-konvenzjonali huwa li jekk xi ħadd ġej minn barra, ġej biex joħdilna xogħlna, u biex jerdgħa mill-kaxxa tal-pajjiż.  Inħossni mnixxef kif f’pajjiż Mediterranju fejn tirrenja l-mentalità li l-istat qiegħed hemm biex jipprovdi, u li l-istess kaxxa proverbjali m’għandiex qiegħ, li t-taxxi huma serq u għalhekk min jevadi mhuwiex ħalliel imma sempliċiment xi ħadd li qed jevita ħalliel, il-poplu taħarqu tant qalbu jekk nagħtu kontribut lejn min ħafna drabi ħarab gwerra.

Aktar u aktar hija konfliġġenti meta konna mtellgħin biex ngħinu l-missjoni u naħseb nofs Malta tirċievi l-Malta Missjunarja f’darha. Biss forsi dak li darba qalet Madre Tereża jxejjen din il-konflitt, ‘Huwa faċli li nħobbu lil min hu ‘l bogħod minna, imma mhux dejjem faċli li nħobbu li min hu qribna.’

Eżempju ieħor tal-konvenzjonali nsibuha fl-Istati Uniti fejn il-maġġoranza ta’ dawk li  huma kompletament imbeżża’ mit-terroristi u li jaħsbu li ħafna immigranti huma sempliċiment terroristi, u li jixtiequ jibnu ħajt kbir mal-Messiku, huma dawk li huma assolutament kontra Obama li jabolixxi l-pussess tal-armi tan-nar.  Ir-realtà xxejjen il-konvenzjonali għax l-istatistika turi li ħafna aktar nies jitilfu ħajjithom fi sparaturi milli kaġun ta’ terroriżmu.

Realtà aktar traġika minn din hija li b’mod ġenerali għandna politiċi li minflok li jaħsbu u jqanqlu l-poplu biex jaħseb barra mill-kaxxa, huma stess huma mmexxija mis-sentiment ta’ Ċikku u l-poplu.  Minkejja li l-istess prim ministru li sa sentejn ilu daħħal il-kelma pushback fil-vokabularju tagħna jħossu ‘irrabjat u ssummat’ bir-ritratt ta’ Aylan, ma sar l-ebda sforz biex jiġu offruti aktar viżas umanitarji jew għallinqas jitħaffef il-proċess.

Dan l-aħħar saret moda biex jiġu demonizzati t-traffikanti.  Huwa assolutament korrett li dawn huma kriminali tal-ogħla grad, biss naħseb ukoll li qed jintużaw bħala sempliċiment scapegoat.  Min huwa ddisprat f’artu jew f’art oħra tranżitorja li ma tirrispettax l-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda, b’mod jew ieħor se jsalpa – fuq bastiment jew zokk ta’ siġra. 

Huma l-fruntieri li jħallu lil dawn it-traffikanti jiffjorixxi. 
Il-fruntieri mhumiex naturali. Huma mibnija fuq il-mapep u f’moħħna, għax inħallu lil min jibnihomlna u neħduhom bħala benfatt.


U huma dawn il-fruntieri mżewwga mal-konvenzjonali u l-paranoja li ħallew lil Aylan jinġabar mir-ramel flok jilgħab bir-ramel.

Wednesday, September 2, 2015

Il-festival


















L-ewwel darba li mort kien il-Birgu, ġewwa l-Couvre Porte.  Kont rajt xi ħaġa fuq Facebook, u qtajtha li mmur, minkejja li kelli nistaqsi fejn hu eżatt dan il-bieb ġewwa l-Birgu.  Bħal ħafna bibien li nibxuni, jew forsi aħjar li rabbewli kuraġġ biżżejjed biex inħabbat, infetaħ, u aktar milli wiċċ interrogattiv b’kuritur dejjaq warajh kif kont qed nibża’ li se nsib, jew li mmaġinajt minħabba l-fruntieri li kultant intella’ ġewwa moħħi stess, sibt akkoljenza ġenwina.
Mal-merħba ħelwa, dakinhar skoprejt ukoll li dan l-imsejjaħ bieb jagħti għal ġnien l-għaxqa tiegħu.
Imma dakinhar kont sibt ħafna aktar minn ġnien. 

Fil-ġnien, kont sibt il-maġija tal-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta.

Ħafna drabi l-imħuħ inġenerali jippustjaw il-kelma festival fil-kexxun tal-mużika.  Bħalissa għaddejin fi żmien fejn fis-sajf ikun hawn mijiet ta’ festivals.  Minn Glastonbury għal Rock Werchter għal Primavera.  Il-letteratura tinstab biss fil-libreriji, fejn x’aktarx mimlija għanqbut, miżbugħa bl-istess kulur isfar li kienu jinżebgħu bihom il-klassijiet tal-primarja fit-tmeninijiet, u li fihom ma tistax titkellem ħlief taħt l-ilsien mal-librar.

Dik il-lejla f’Awwissu imma rrealizzajt li bħall-mużika, l-letteratura daqstant sabiħa tinqasam u rreċtata minn fuq palk, ċkejken kemm hu ċkejken.  Esperjenzajt l-interazzjoni bejn kittieb u ieħor b’lingwi u kulturi differenti li flimkien sawwru xi ħaġa biex tinqasam.  Irrealizzajt li l-poeżija mhux biss biex tiġi studjata, imma biex tinqara b’volum.  Skoprejt id-dimensjoni li l-vuċi ta’ kittieb tista’ tagħti lil xogħlu lil hinn mill-qari tal-istess kliem fil-qalb.
Erġajt ġejt imfakkar kemm ilsienna jaf ikun sabiħ u jdoqq fil-widnejn meta jiġi rrispettat.

Is-sena ta’ wara ma kienx reġa’ sar fil-Couvre Porte, imma fi Ġnien il-Mistrieħ.  Il-bieb issa kien infetaħ, is-silġ inkiser, kif tista’ timmaġina f’xahar ta’ Awwissu Malti.  Din id-darba ma staqsejtx fejn, imma kienu saqajja li ħaduni hemm waħedhom.  Il-festival tas-sena, tiegħi, ma kellix bżonn naqbad ajruplan għalih.

Tas-sena 2012 sar speċjali għalija.  Wara li smajt waħda mill-kittieba tirrakonta fuq ħajjitha, li rnexxielha tinseġ b’ittri fuq ktieb, din id-darba idejja qabdu l-keyboard u dak li kitbet bl-Ingliż irnexxieli ninterpretah bil-Malti,  sab ruħu fi ktieb, waqt li jien sibt ruħi nwessa’ l-fruntieri u n-numru tal-ħbieb intimi.

Tas-sena 2012, qisu l-ewwel festa tar-raħal li barrani nzerta ġewwa Malta u tħabbeb biżżejjed magħha tant li llum il-ġurnata, fil-but għandu ċavetta li tiftaħ bieb f’nofs il-Mediterran.
Sena wara oħra, esperjenza tibni fuq oħra.
U fl-2015, il-festival ma bediex f’Awwissu.  Beda f’Mejju meta l-moħħ ta’ wara dan il-festival bagħatli imejl jistaqsini jekk nixtieqx inkun parti mit-tim ta’ Inizjamed li jtella’ kull sena l-festival.  Kien qisu qed jistaqsi lil min ilu s-siegħat jistenna taħt il-palk fl-ewwel filliera, jixtieqx għal ftit minuti jitla’ fuq il-palk innifsu.

Għall-għaxar festival, il-lokazzjoni nbidlet. Minn Ġnien il-Mistrieħ għall-Fortizza ta’ Sant’Iermu.  Il-ġnien warrad, il-fortizza ngħatat l-inkarigu li tkenni l-istess ward, u teżebihom quddiem il-baħar blu tal-Mediterran.

Il-kittieba waslu, l-palk twaqqaf u jiem wara erġajt sibt ruħi fil-bitħa ta’ din il-fortizza.  Nieħu pjaċir nara n-nies ġejjin, isaqsu għall-programm, u jidħlu fid-dinja li qed isawwru l-kittieba.  Kultant b’ilsienhom, kultant bl-Ingliż, kultant b’ilsienna.

Lejl wara lejl għal tlett darbiet.


Fl-aħħar lejl, wara l-encore tal-kittieba, minkejja l-ftit li tajt, ħassejt solljiev li kollox għadda b’wiċċ il-ġid, ferħ li akkumula tul dawn it-tlett ijiem ta’ esperjenza ta’ arti mżewwġa mal-iskoperta ta’ kittieba ġodda li għarrxuli widnejja u issa qed jimlewli l-ixkafef,  għajnejn xi ftit forsi miksurin u tbissima.

Ritratt: Virginia Monteforte