Naħseb li ridt xi
tattika partikolari. Mhux ta’ 4-4-2 jew
3-5-2 imma ta’ kif tħalli biċċtejn karti irqaq ħafna maqtugħin b’mod
trijangolari waqt li magħqudin b’biċċa ta’ qasba jieħdu vantaġġ mir-riħ. Il-boxxla kont tgħallimtha mal-Iscouts. Jew aħjar it-teorija tagħha aktar minn kollox. U kif jgħidu t-Taljani, il-prattika twassal ħafna
aktar mill-grammatika.
Illum il-ġurnata
fuq il-bejt hemm pinnur imwaħħal, imma la qiegħed hemm għall-prattika u lanqas
għat-teorija. Sempliċiment bħala
ornament.
Ir-riħ, f’ħajti
kultant idejjaqni. Meta jibda jonfoh
qisu fi sfida biex ineħħieli l-gakketta minn fuqi per eżempju, u jfakkarni
f’dik l-istorja li kellna fuq Id-Denfil,
ta’ meta x-xemx u r-riħ għamlu mħatra minn min minnhom ikun kapaċi jġiegħel lil
dak is-sinjur bil-ġlekk biex jaqilgħu minn fuqu. Idejjaqni ta’ dak il-ħin imma, mhux eżattament
jaffetwani daqstant.
Forsi għalhekk
il-pinnur qiegħed hemm biss bħala ornament, u mhux biex jgħinni nippjana l-ġurnata.
Illum qieghed
hawn barra f’dax-xagħri u hu ftit riħ.
Imma ssaqsiniex jekk hux grigal jew lbiċ. Qieghed imma b’saħħtu biżżejjed biex imexxi
s-sħab u kultant sħaba qed tgħatti lill-oħra u b’hekk ix-xemx ikollha anqas
ostakli biex tilħaq art u ssaħħan bil-benna tagħha.
Hawn is-skiet li
kultant jinkiser bil-ħoss ta’ xi tir ta’ senter, għax l-istaġun reġa’ fetħilhom. Tajr ta’ veru imma m’iniex nara.
L-uniku
konsolazzjoni hija tajra tal-karti, li hawn wieħed liebes ġlekk ftit ‘il boghod
minni li għajnejh ma qalagħhomx minn fuqha.
Nahseb dan bhal Khaled Hosseini, l-Afgan ta’ The Kite Runner li t-tjur tal-karti jġibulu ħafna memorji u jeħduh
fi tfulitu u l-ħolm li kellu xi darba li min jaf kemm inbidlu minn dak iż-żmien
‘l hawn.
U jien issa qed
niftakar. Ir-RAI ma konniex stajna
naqbduh. L-iskrin tat-televixin kien qed
jikkumplimenta d-dixx ross li konna għadna kif kilna. Il-logħba ma stajniex narawha. Kien żerbinott minn ħdejna li weħlitlu
t-tajra mal-erjal ta’ fuq il-bejt.
Dan ir-ritratt huwa meħud minn sieħbi Pawlu Mizzi. Grazzi Pawl.
4 comments:
proset tassew. vera miktuba b'mod sabih... impressjonata!!
Grazzi Claudia :)
illum ir-rih sar ghandu sinjifikat minhabba l-bram! Prosit Jean.. rakkont iehor helu
Grazzi Clif :)
Post a Comment