Is-siġġu ta’ fuq ix-xellug tiegħi kien vojt. Bl-arja kundizzjonata tagħmel mill-aħjar li
tista’ biex tħossok li qiegħed f’xi teatru miftuħ Grieg fix-xitwa aktar milli
ġos-sala Sir Temi Zammit tal-Università ta’ Malta ma tantx ħadt gost narah
vojt. Bir-reżha nieżla l-isfel u
tippenetra bdejt nikkonspira bejni u bejn ruħi li l-arja kundizzjonata hi
b’saħħitha daqshekk għax il-kont tad-dawl tal-Università x’aktarx
issussidjat.
Is-siġġu tiegħi ikun E12, il-vojt ta’ ħdejja kienet it-tlettax u għedt
naħseb ma nxtarax għax hawn ħafna nies superstizzjużi. Imma fir-realta’ mhux dak kien l-uniku siġġu
vojt fis-sala li għal-lum kellha tospita il-festival tal-Għanja tal-Poplu.
Kanzunetta wara l-oħra, l-palk u l-ktejjeb bil-lirika assorba s-sub konxju
kollu u t-tehwdin u l-konspirazzjonijiet ta’ qabel saru xi ħaġa
tal-passat. Ħafna drabi l-pjanu klassiku
preferit fuq keyboard, inħasset atmosfera ta’ awtentiċità.
Il-lingwa nattiva tesprimi dak li lingwa barranija tispjega.
Il-lirika kienet kontemporanja u reali.
Xi kultant nammetti li kienet fuq in-naħa negattiva – abbużi sesswali
fil-familja, omm ta’ żewġt’itfal fuq is-sodda tal-mewt, darba oħra imnebbħa
minn fuljett tal-Moviment ta’ Kana. Biss
forsi sa fl-aħħar sirna niktbu fuq il-ħajja ta’ kuljum u ma nibżgħux inħarsu
lejna nfusna fil-mera. Imxejna miż-żmien
meta konna nimlew il-vapuri lejn l-Awstralja għax hawn ma kien hawn xejn u
l-poeżija tagħna titkellem fuq kemm għandna xemx sabiħa. U wara kollox liema kien l-aħħar rumanz li
qanqlek u kien mimli pożittività?
Il-kanzunetta fl-ordni tan-numru tas-siġġu vojt ta’ ħdejja kienet ‘Malta
Tiegħi’ tal-Kultural. Erbgħa telgħu fuq
il-palk b’vjolin, tanbur Afrikan, mikrofonu u kitarra. Il-lirika kont diġà tajtha daqqa t’għajn
bis-serqa u ntrigatni. L-awtur jew
awturi imdaħħlin f’kontradizzjoni bejnhom u nfushom li min jaf kemm ħassejtu
jien stess. Din il-blata li tissejjaħ
Malta. Kultant tħobbha. Kultant ma tiflaħiex. L-istess dilemma li forsi nies bħal Ġwann
Mamo jew Manwel Dimech ħassew għall-ħaddiem Malti. L-imħabba bla qies tant li taw biċċa minnhom
infushom lejh u fl-istess ħin jiskantaw bl-injuranza tiegħu u kif inhu kuntent
u jilgħaq lil dak li jagħsru. L-ebda
demografija tas-soċjetà Maltija ma ssemmiet imma moħħi hemm mar.
U flimkien mal-lirika, il-mużika ħarġet sinċerità u ħassejt l-innoċenza
ta’ dawn l-erba’ żerbinotti. Ftit kordi
tal-kitarra intużaw, imma kienu biżżejjed bħal meta ħarsa waħda tkun biżżejjed
biex tifhem dik xi trid tgħidlek. Jew
bħal meta nifs jgħidlek ta’ ħdejk hux komdu jew qed jitqanżah.
U ridtha tirbaħ għax ridt nerġa’ nismagħha għal darb’oħra malajr kemm
jista’ jkun.
Wasal l-intervall, indaqqet il-qanpiena għal darba, darbtejn, tlieta u ntasabt
għal darba oħra fis-siġġu. Ukren wasal b’instrument
b’tnejn u sittin korda donnu biex juri ftit kuntrast mad-diska li sa issa
għadha f’widnejja. Qablu kien hemm
il-Brikkuni li bi tlett numri, jimlew aktar is-serata waqt li jfakkru fejn bdew
u fejn waslu llum, b’isimhom jidher li għarrex widnejn il-preżentatur, b’ilsienu
jirrepeti l-isem qisu qed jomgħod ħelwa tal-maskta.
Sarah Class tat tlett numri, fejn laqtitini aktar milli meta meta użat
il-valvi tal-pjanu milli l-kordi tal-kitarra.
Għaddew dawn it-tlett artisti u wasal ħin tal-verdett tal-ġurija. Ma tantx inħossni komdu nara min jirbaħ u min
jitlef fil-qasam tal-arti. Imma għal-lum
se nagħlaq għajnejja.
Kultural rebħu u erġajt għext ‘Malta Tiegħi’.
In-numru tlettax rebaħ. Bħal Malta
dan in-numru jiġi offiż ta’ spiss. Imma
parti mill-matematika’ ta’ kuljum daqs kemm il-blata li tissejjaħ Malta hi
parti minn min aħna.
Malta Tiegħi tista' tinstema' hawn.