Monday, January 9, 2012

L-instituzzjoni

Sieħbi Pawlu Mizzi berfel bloggata mill-isbaħ illum fejn argumenta li Malta huwa pajjiż tal-Yes Men.

Ma tantx naħseb hemm x’targumenta fiha. Biss forsi naħseb li aktar milli Yes Men, pajjiżna huwa mimli b’individwi li jpoġġu l-instituzzjoni li huma jagħmlu partu minnha, uħud b’deċiżjoni, uħud oħra għax ħadu deċiżjoni li ma jeħdux deċiżjoni, fuq kollox u fuq kulħadd.

Meta fil-fatt l-instituzzjoni qiegħda hemm biex isservi lill-individwu biex jikber, tispiċċa biex l-individwu jiċkien hu biex l-instituzzjoni tikber hi. Il-mexxej ta’ din l-istituzzjoni jiġi mpenġi bħala eroj u flok id-deċiżjonijiet tiegħu jiġu sfidati jew għallinqas mistoqsija, l-opinjoni tal-individwu tiġi bbażata fuq dak li jgħid (aktar milli jagħmel) il-mexxej. Il-mexxej jitqies bħala eroj aktar milli għal-egħmilu imma għal dak li s-sudditi tiegħu jikkonvinċu lilhom nfushom li dan hu hekk. Għadhom bżonn lil dak ix-xi ħadd li huma jemmnu li hu bravu ħafna, li hu fuq kollox, u li jistaw jafdaw, ituh idejhom u jwassalhom minn post għall-ieħor ‘il bogħod minn kull saram. M’għandniex xi ngħidu, din hija sitwazzjoni mill-aktar għammiela sabiex il-paternaliżmu mill-mexxej tal-instituzzjoni lejn il-membri tal-instituzzjoni jirrenja.

Mingħajr ma nfittex b’mod storiku lejn il-voti li ttieħdu fil-Parlament Malti, tara kif naħa waħda tal-kamra dejjem tivvota mod u n-naħa l-oħra dejjem tivvota mod ieħor. Il-membri tal-parlament huma mistennija li jagħmlu hekk mill-pubbliku. Meta per eżempju, l-president Amerikan ippropona servizz tas-saħħa għal kulħadd f’pajjiżu, dan l-ewwel kellu jikkonvinċi lill-membri Demokratiċi fis-Senat. Xorta waħda kellu minn ivvota kontrih. Hawnhekk le. Hawnhekk, li jgħid il-mexxej jagħti d-direzzjoni bil-bastun u n-nagħaġ isegwi. Il-vot aktar milli l-aktar punt kruċjali ta’ deċiżjoni huwa sempliċiment formalita.

Dan iwassal biex l-individwu jinħanaq, il-kreattività tiegħu tinfaga u l-isatus quo rari jiġi sfidat. Dak li qiegħed hemm, qiegħed hemm għal raġuni. Iva. Imma dik ir-raġuni tagħmel aktar sens? U b’hekk jħalli lil pajjiżna b’ħafna anomaliji li persuni barra minn xtutna ma jifhmux. Sentejn ilu kellna l-każ taċ-ċensura. Saret protesta. Konna ftit għexieren. Ħafna mill-artisti lanqas biss indenjaw ruħhom jattendu. Iġġustifikaw l-għażż tagħhom billi qallu li spiċċa ż-żmien tal-protesti. F’Jannar ta’ din is-sena stess, ir-rivista influwenti ‘Time’ għażlet lil-Protester bħala l-persunaġġ tas-sena tagħha.

Li persuna joħroġ mill-qoxra tiegħu, jistaqsi f’liema direzzjoni l-instituzzjoni sejra hawnhekk hija meqjusa bħala att prużuntuż. Il-kuxjenza tan-nazzjon bħalissa hija maqrusa. M’aħniex imdorrijin nistaqsu. Waqt li bil-kemm hawn triq li hi waħda li tista’ tissejjaħ dritta, noħolqu linji għalina nfusna dritti xemgħa, li jew inti ġewwa jew inti barra. Anke l-midja nnifisha, li suppost qiegħda hemm biex teduka, biex tinvestiga qiegħda hemm biex isservi lill-istituzzjonijiet.

Il-qawl tagħna stess, ‘il-mistoqsija oħt il-għerf’ hija meqjusa aktar bħala sempliċiment klixe milli bħala ftit mill-għerf ta’ missirijietna.

3 comments:

Pawlu Mizzi said...

mhux għax ġejt ispirat minn kitbieti imma tassew prosit! jispirani ħafna dat-tip ta' argument.
grazzi.

Marco Farrugia said...

hija s sistema kostituzjonali taghna li writniha minghand, jew ahjar tawna l-Inglizi l-problema....anki jekk problemi simili hemm f'kull demokrazija occidentali. Hija sistema li ma tistax taccetta opinjonijiet individwali imma kollegjali biss. Ovvjament ic cirkostanzi li hawn bhalissa hemm hafna ntricci ohra u hidden agendas....forsi wasal iz-zmien li nfasslu xi haga iktar kreattiva u li taghti lok ghal inizjativi individwali....pigs may fly....

Claudette Taliana said...

Naqbel mieghek perfettament, filfatt f'Malta meta persuna tidher issaqsi mistoqsija lil leader ghad hawn sensazzjoni ta' xokk jew skandlu. Prosit ta' l-artiklu u tal-blog.