Thursday, December 29, 2011

Il-Ġifen


Tal-injam. Ta’ ħafna injam. Waħda msammra fejn l-oħra. Ħalli meta nintefa’ fuq il-baħar nibqa’ fil-wiċċ. U nofroq il-baħar. Immur minn post għall-ieħor. ‘Il bogħod mill-art xotta, fejn kollox iebes, stirat u bla melodija. Fejn biex tmur minn post għall-ieħor għandek bżonn ir-roti minflok tintefa’ fuq żaqqek stess, tintelaq f’armonija mal-mewġa u tħalli rima warajk. Mingħajr żaqżieq ta’ xejn.

Mas-sinsla ħoxna fin-nofs, żaqqewni għat-tond. L-imsiemer illum il-ġurnata jidhru bħal kif jidher it-tikmix fuq wiċċ dik li qabżet l-erbgħin. Imma l-imsiemer fuqi għadhom jagħmlu xogħolhom. Għadhom iżommuni sħiħa. U la sħiħa niddomina fuq il-baħar. Nimxi fuq il-baħar mingħajr ħadd ma jistgħaġeb. Jew jaħseb li miraklu. Inħalli lil min jidħol ġo fija xott. Naqsam il-mewġ waqt li nafulhom li jien min jien grazzi għalihom.

Baħħart ibħra kbar, minn port sa port. Il-mewġ kultant kien akbar minni. Imma għaraft nitgħannaq magħhom u żgiċċajt mill-aħħar waħda biex nitgħannaq ma’ li jmiss. U t-tgħanniqa wara l-oħra saru katina astratta għal port li jmiss. Fejn umbgħad nistejqer u nisma’ min jgħid li l-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa. Rasu iebsa iva, imma jinxtara b’tgħanniqa. U naħseb li aktar milli żaqqu ratba, vanituż.

Il-bieraħ bdew isejħuli dgħajsa. Ma stajt ngħid xejn. Imma niftakar għexirien ta’ snin ilu kienu jsejħuli Il-Ġifen.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikulari ta' Francesca, jinsabu hawn.

No comments: