Monday, December 26, 2011

Gverta


Akbar minni. Ħafna akbar minni. U la akbar minni, ngeżwruhom kollha. Nibżgħu għalihom, kif suppost. Lili geżwruli rasi biss, ħalli meta jitla’ jsib kollox xott u ma jkunx hemm umdu.

U bħall-kbar ta’ ħdejja tellgħuni ‘l fuq. ‘Il fuq mill-baħar. ‘Il fuq minn ħajti. Mingħajr il-mobbilita tiegħi. L-iskop tiegħi. L-iskrun jista’ jdur kemm idur għax se nibqa’ fl-istess post. Bħal neħqa ta’ ħmar, li tgħajjat kemm tgħajjat qatt ma titla’ s-sema. Jew bħal dak il-passaport skadut. Jidher l-istess minn barra, tista’ tixtri l-biljett tal-ajru imma meta tiġi quddiem l-uffiċjal, il-biljett isir biċċa karta u jkollok iddawwar denbek lura lejn darek, għax hemm linja li inti ma tistax taqbeż.

U fuqi llum hawn sħab magħqud. Ingħaqad wara li ftit ilu infetaħ biżżejjed biex kważi jgħerreq l-irħula ta’ din il-blata li qiegħda fuqha. Imma issa kajman u mistrieħ, qishom garġi ħomor nar tal-istess ħmar wara erba’ ħanqiet qawwija.

U la s-sħab m’għerreqx kull m’hawn, jien għadni hawn mal-art bi gverta fuq parti żgħira minni. Fuq iċ-ċatt u s-siment ta’ moll li jobrox biss u li tajjeb biss għall-gaffa li ġabu hawn biex resqu ħdejn xulxin lil dawn it-tnejn kbar ta’ ħdejja.

U warajja fil-ħemda ta’ wara l-maltempata hawn id-dawl jitmelles fuq il-baħar. L-istess baħar li hu tant qrib imma li għalissa ma nistax nofroq. Bi gverta jew mingħajr.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari minn Francesca Galea jinsabu hawn.

No comments: