Thursday, December 29, 2011

Il-Ġifen


Tal-injam. Ta’ ħafna injam. Waħda msammra fejn l-oħra. Ħalli meta nintefa’ fuq il-baħar nibqa’ fil-wiċċ. U nofroq il-baħar. Immur minn post għall-ieħor. ‘Il bogħod mill-art xotta, fejn kollox iebes, stirat u bla melodija. Fejn biex tmur minn post għall-ieħor għandek bżonn ir-roti minflok tintefa’ fuq żaqqek stess, tintelaq f’armonija mal-mewġa u tħalli rima warajk. Mingħajr żaqżieq ta’ xejn.

Mas-sinsla ħoxna fin-nofs, żaqqewni għat-tond. L-imsiemer illum il-ġurnata jidhru bħal kif jidher it-tikmix fuq wiċċ dik li qabżet l-erbgħin. Imma l-imsiemer fuqi għadhom jagħmlu xogħolhom. Għadhom iżommuni sħiħa. U la sħiħa niddomina fuq il-baħar. Nimxi fuq il-baħar mingħajr ħadd ma jistgħaġeb. Jew jaħseb li miraklu. Inħalli lil min jidħol ġo fija xott. Naqsam il-mewġ waqt li nafulhom li jien min jien grazzi għalihom.

Baħħart ibħra kbar, minn port sa port. Il-mewġ kultant kien akbar minni. Imma għaraft nitgħannaq magħhom u żgiċċajt mill-aħħar waħda biex nitgħannaq ma’ li jmiss. U t-tgħanniqa wara l-oħra saru katina astratta għal port li jmiss. Fejn umbgħad nistejqer u nisma’ min jgħid li l-baħar żaqqu ratba u rasu iebsa. Rasu iebsa iva, imma jinxtara b’tgħanniqa. U naħseb li aktar milli żaqqu ratba, vanituż.

Il-bieraħ bdew isejħuli dgħajsa. Ma stajt ngħid xejn. Imma niftakar għexirien ta’ snin ilu kienu jsejħuli Il-Ġifen.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikulari ta' Francesca, jinsabu hawn.

Monday, December 26, 2011

Gverta


Akbar minni. Ħafna akbar minni. U la akbar minni, ngeżwruhom kollha. Nibżgħu għalihom, kif suppost. Lili geżwruli rasi biss, ħalli meta jitla’ jsib kollox xott u ma jkunx hemm umdu.

U bħall-kbar ta’ ħdejja tellgħuni ‘l fuq. ‘Il fuq mill-baħar. ‘Il fuq minn ħajti. Mingħajr il-mobbilita tiegħi. L-iskop tiegħi. L-iskrun jista’ jdur kemm idur għax se nibqa’ fl-istess post. Bħal neħqa ta’ ħmar, li tgħajjat kemm tgħajjat qatt ma titla’ s-sema. Jew bħal dak il-passaport skadut. Jidher l-istess minn barra, tista’ tixtri l-biljett tal-ajru imma meta tiġi quddiem l-uffiċjal, il-biljett isir biċċa karta u jkollok iddawwar denbek lura lejn darek, għax hemm linja li inti ma tistax taqbeż.

U fuqi llum hawn sħab magħqud. Ingħaqad wara li ftit ilu infetaħ biżżejjed biex kważi jgħerreq l-irħula ta’ din il-blata li qiegħda fuqha. Imma issa kajman u mistrieħ, qishom garġi ħomor nar tal-istess ħmar wara erba’ ħanqiet qawwija.

U la s-sħab m’għerreqx kull m’hawn, jien għadni hawn mal-art bi gverta fuq parti żgħira minni. Fuq iċ-ċatt u s-siment ta’ moll li jobrox biss u li tajjeb biss għall-gaffa li ġabu hawn biex resqu ħdejn xulxin lil dawn it-tnejn kbar ta’ ħdejja.

U warajja fil-ħemda ta’ wara l-maltempata hawn id-dawl jitmelles fuq il-baħar. L-istess baħar li hu tant qrib imma li għalissa ma nistax nofroq. Bi gverta jew mingħajr.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari minn Francesca Galea jinsabu hawn.

Tuesday, December 13, 2011

Arblu

Xi darba kont ta’ użu. Kont twil u dritt, mislut. Nofroq l-arja waqt li ngħaqqad il-wajers. Il-fuq il-fuq fejn in-nies jilwu għonqhom ‘il fuq u jindunaw li qatt ma jistgħu jilħqu b’idejhom. B’rispett lejja l-wajers kienu jistiraw dritti, dritti. Daqs xemgħa. U bħax-xemgħa kienu jħallu l-belt tixgħel. Mertu tiegħi wkoll. U meta inti tmur tistkenn taħt is-saqaf ta’ dak li ssejjaħ darek, mikrija jew mixtrija, kont issib id-dawl b’għafsa ta’ swiċċ. U jekk il-lejl hu iswed u bla ebda stilla, ma kienx jagħmillek wisq differenza. Għax il-bozza tal-mija f’kamartek tixgħellek id-dinja tiegħek.


Fija imma ċert li qatt ma ħsibt. Fl-irdoss u l-wens tal-bozza ma kontx taħseb f’min qiegħed barra. Bħal kif jien dak iż-żmien ma kontx naħseb f’dak li qed ikewwes il-faħam biex jgħaddi l-kurrent ġewwa l-wajers li qed inżomm jien stess. U la qed nitkellmu fuq dak li jidher, kont nogħxa meta kienu jiġu jiżbgħuni u nidher tant frisk. Bħal kif inti tħossok meta xxidd libsa ġdida.

Illum jien xjaħt. Bħal kif xjaħet dil-belt. Minn hawn fuq kull ma qed nara, bjut maħmuġa u ħġieġ imkisser. Qisu m’hawn ħadd li għadu joqgħod hawn. U dawl allura m’hemmx bżonn. Il-wajers inqatgħu, u minn dritti u stirati saru kobba suf, li ma jsaħħnux imma jsaddu biss. Kultant jiġi xi sturnell ipoġġi fuqi. M’għadniex nintimidah. Għadni twil imma għad fini personalità inqas minn lasta ta’ xkupa.

Imma llum is-sema differenti. Is-senilità tiegħi għal darba se ninsieha u nitpaxxa bil-kuluri u l-forom li hawn fuqi.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari ta' Francesca Galea jinsabu hawn.

Sunday, November 6, 2011

Wieħed u għoxrin

Wieħed u għoxrin... numru mhux tond, anzi fart imma li minn tfuliti kellu ċertu affaxinu għalija. Forsi għax hu l-ġurnata li twelidt fih, u kull meta xi ħadd isemmih b’xi mod ifakkarni f’hekk. Naħseb dik l-unika spjegazzjoni għax il-bieb tad-dar qatt ma kien f’dawk l-inħawi, u żgur ma kienx xi numru li naspira għalih f’xi eżami jew hekk. Lanqas kien xi numru ta’ tal-linja li ridt nirkeb kuljum. Illum il-ġurnata imma naħseb nista’ nispjega dan il-faxxinu ma’ dan in-numru aħjar. Wieħed u għoxrin, għal kull kilometru tiġi nofs maratona. U fil-każ tiegħi tiġi l-aktar distanza twila li sa issa lħaqt. U la hi l-itwal distanza li nagħmel, il-wieħed u għoxrin jippreżenta sfida fiżika u mentali. Niftakar l-ewwel darba li għamilthom, kont tlaqt mid-dar sa Għajn Tuffieħa u dort lura. Kien baqa’ ftit biex inlaħħaq il-wieħed u għoxrin, u qgħadt indur mal-akwati sakemm in-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ jaqleb minn għoxrin sa wieħed u għoxrin. Qisni tifel ngħodd iċ-ċenteżmi u jekk ma jlaħħqux ma’ xi numru deċimali, nara minnfejn ħa nsib xi tnejn oħra biex ngħaqqad lira ħalli flok muniti biss fil-karus inkun nista’ ngħid li għandi l-karti wkoll.

Illum kienet ġurnata oħra li sejjħet biex ngħaqqad il-wieħed u għoxrin f’ġirja waħda. U biex inkunu preċiżi mitt metru oħra magħhom. Ġewwa ż-Żurrieq. U wara nduru mal-madwar. Biex ngħaqqdu dawn il-wieħed u għoxrin. Ġo toroq li nammetti li minkejja ċ-ċokon ta’ din il-gżira qatt m’għaddejt minnhom, u li llum ngħid li ħaqqni familjari magħhom ħafna aktar.

Fil-għodu kmieni wara raqda, li ma kienetx sħiħa daqs il-ġirja li ridt nagħmel, bdew jidħlu d-dubji. Stat ta’ moħħ li beda jissospendi fin-nofs il-preparamenti ta’ qabel u dak li jista’ jiġri avolja sa issa qatt ma ġara. Imma doċċa u ftit kolazzjon ta’ kukkudina u ħobż mixwi bil-ġamm malajr mewwet din is-sospensjoni u ftakart li ilni nistenna din il-ġurnata daqs persuna fil-waiting list għal xi viżta l-Mater Dei. U issa la l-ġurnata waslet, jonqos biss li nagħmel dak li ngħix biex nagħmel kull fil-għodu. Din id-darba ma’ oħrajn bl-istess stil ta’ ħajja.

U siegħa qabel wasalt. Ġirja ċkejkna biex nidħol ftit fil-vena u nipprepara ftit, u s-soltu uċuh kienu hemm. Uċuh li llum għandhom isem, u meqjusin bħala ħbieb fl-istess komunità tiegħi. U s-siegħa gerbet u wasal il-ħin biex nitilqu. L-ewwel kilometru fl-aħħar għadda u r-ritmu sar aktar faċli. B’pass aktar mgħaġġel mis-soltu għax ridt inpassi ma’ ħabib ġdid u nċekken in-numri tal-arloġġ meta dawk il-wieħed u għoxrin ikunu tlestew. Il-mużika f’widnejja ma kienx hemm tant bżonnhom bħal fil-passat, meta kull pass kien jirrikjedi ossiġnu konsiderevoli u kont ridt ninsa dan. U l-kilometri wieħed wara l-ieħor bdew għaddejin, ħriġna mir-raħal u wasalna fil-ftuħ tal-kampanja u mingħajr kenn, esposti għar-riħ ivenven, prezz li llum kellna nħallsu għall-ħdura quddiemna u l-libertà mill-urbaniżmu. U nofs it-triq għaddiet. Ftit nifsijiet bil-mod, u niżla konsiderevoli, l-ewwel sospiża bejn asfalt u żrar, wara fuq tarmak sewdieni ċatt li ma mposta l-ebda attenzjoni żejda fejn tniżżel saqajk pass wara pass. U l-ftuħ ta’ baħar fuq il-lemin tagħna, llum l-ikħal tiegħu mċappas bl-abjad tar-ragħwa tal-mewġ imdaqqas.

In-niżla tkompliet, b’pass wara l-ieħor mingħajr wisq impenn. Imma bħal meta taqbeż il-baħar, hemm bżonn titla’ ‘l fuq b’xi mod u slielem f’dawk l-inħawi ma kien hemm imkien. Kien hemm imma telgħa li għal mument nammetti li tefatni ftit f’riċessjoni ta’ spirtu wara r-rilassiment ta’ minuti qabel. It-telgħa imma għaddiet u issa kien baqa’ l-aħħar kwart, li dehru mwittija.

Imma bħal kif mhux kull ma jleqq hu deheb, mhux kull viżjoni hi reali. L-aħħar żewġ kilometri u nofs kienu tlajja silenzjużi, li staqsew u staqsew kull parti kardjali u ta’ riġlejja kemm veru tixtieq tara l-finishing line. F’solitudni ta’ emozzjonijiet, l-uniku wens kien l-arloġġ li minkejja li bil-mod bħal meta qed tistenna xi ħaġa bi ħġarek, n-numri tal-metri bdew b’xi mod jiżdiedu.

Il-wieħed u għoxrin intlaħaq imma u kien hemm bżonn biss dawra ma’ kantuniera u din id-darba niżla għal dak il-mument ħelu li jħallieni nwaqqaf l-arloġġ: siegħa, ħamsa u erbgħin minuta, tmintax –il sekonda. Mitt sekonda aħjar minn tmien xhur ilu, fuq triq li ssaqsi ħafna anqas. Rebħa personali.

Iċ-ċelebrazzjoni? Flixkun ilma u banana. U ewforja kwieta. Il-ġiri sempliċiment personali u anti- materjalista.

Monday, August 22, 2011

Għaliex Niġri?

X’għallimni kowċ biex inkun annimal intelliġenti

Bil-kemm niflaħ nara aktar. L-għaraq mielaħ dieħel f’għajnejja qed jaħraqni tant, li biex neħles minnu qed inteptep u nteptep għajnejja. Fuqi, x-xemx qed tiżreġ tant li tidher li qed tferra lava maħlula fuqna. Nisforza il-viżjoni mċajpra tiegħi fuq l-ispallejn żewġ jardi quddiemi. Mhux li kien inżomm magħhom. Mhux li kien.

L-ispallejn jappartjenu lil John J. Kelley. Il-kowċ tiegħi, mentor u ispirazzjoni, imma fuq kollox, dal-mument, spallejh huma l-unika ħaġa bejni u kollass totali.

Diġa għamilna tnax –il mil fil-lunga ta’ din il-ġurnata f’Lulju. Erbgħa oħra biss baqa’. Imma dawk l-erba’ mili jinkludu żewġ mili sprint max-xmara Mystic, nofs mil attakk fuq dik it-triq leali lejn isimha Cliff Street, u mil u nofs avvanz fil-passaġġ forestiku fil-bosk Pequot, li jserrep u jqarraq bik. Il-passaġġ jispiċċa fid-destinazzjoni finali tagħna – il-bitħa ta’ wara ta’ Kelley.

Inħossni eżawrit, diħidrat, u naħraq iż-żejjed. Il-prospetti tiegħi ma jidhrux tajba. Ma naħsibx li nista’ inżomm miegħu. U qed insaqsi lili nnifsi: Għaliex qed nagħmel dan kollu? Għaliex qiegħed niġri?

Hija mistoqsija li se nisma’ aktar minn kull oħra fl-erba diċċenji li ġejjin. Hija mistoqsija li kull min jiġri jsaqsi lilu nnifsu jew nnifisha mal-miljun darba. U hija mistoqsija li trid tiġi mwieġba, jew inkella ma nistgħux nibqgħu ġerrejja, atleti, u nies tal-avventura.

Fortunatament għalija, Kelley se jaqsam t-tweġiba miegħi f’sempliċiment tletin minuta oħra. Biss, bħalissa, waqt li qed intellqu mat-triq tax-xmara Mystic, ma nafx. Naf biss li l-volonta qed tisfuma, u saqajja qegħdin jinbidlu f’lasktu.

Fi Cliff Street, ma niflaħx inkompli iżjed. Kelly jibda jinqata’ minn miegħi, xagħru bjond joqmos quddiemi, hekk kif saqajh qosra imma b’saħħithom iġibu fix-xejn it-telgħa wieqfa ta’ quddiemu. Inħossni se nċedi, imma ma nċedix. Aħna nisfumaw, “nidħlu fil-ħajt”, u kultant nispiċċaw nimxu. Imma dejjem nibqgħu sejrin.

Fil-Bosk Pequot, nitlef lil Kelley kompletament fil-mogħdija mserrpa. Kiser il-kantuniera u issa qiegħed quddiemi sew. Nikkonċentra fuq li nkompli sal-aħħar, inħares l-isfel minħabba z-zkuk, ġebel u għadajjar. Pass falz wieħed u nispiċċa nitgerbeb. Mifluġ kif jien, indum ħafna kieku biex inqum.

B’xi mod jirnexxieli inżomm fuq saqajja, u eventwalment, nogħtor lejn il-bitħa ta’ Kelley. Probabilment għaddieni b’ħames minuti, ankè forsi għaxra. B’kwalunkwè rata, mhu juri ebda sinjal tal-ġirja ta’ sittax –il mil li tkisser l-għadam li għadna kif għamilna. Hu neħħa l-flokk u l-papoċċ, u mill-ewwel qabad pala biex jibda jaħdem fuq il-ġnien vast organiku li għandu u li jokkupa l-biċċa l-kbira ta’ wara tad-dar tiegħu.

Hu qed jifrex il-kompost mal-ġnien, sal-aktar kantuniera mbiegħda, fejn ix-xitel tal-ful qegħdin jixxebilku. Qed nistgħaġeb, bid-dud oħxon, kannella, li hawn mijiet tagħhom, f’kull pala tal-kompost. Wara, Kelley, jitfa’ l-kompost max-xitel tat-tadam, waqt li jiċċekja li m’għandhomx ħsara. Waqt li jagħmel hekk jien u nbati biex nirkupra mill-ġirja, hu jibda jgedwed fuq it-tensjoni li teżisti bejn il-bniedem modern u ċ-ċikli eterni ma jieqfu qatt tan-Natura.

Jgħid li aħna qed ninqatgħu mis-sinkronija. B’dak l-ispirtu Irlandiż tiegħu Kelley jargumenta, li aħna l-membri tal-ispeċi Homo Sapiens insejna li aħna sempliċiment evolvejna minn xadini u l-predeċessuri tagħhom riċentament. Imxejna il-quddiem wisq malajr, u qed ninsew l-ego annimal tagħna. Għandna wisq magni u kimiċi, u ma neżerċizzitawx biżżejjed. U jitbaqbaq, “Kif jistgħu l-karozzi u t-televiżjonijiet jagħmluna aħjar jew aktar b’saħħitna?”

Għadni addoloxxenti, u qiegħed nimtela sax-xifer bil-kliem ta’ Kelley. Qatt ma nsejt, u dejjem nipprova ngħix magħhom. Iva, għandi karozza, u televiżjoni. Imma għandi wkoll ġnien organiku u drawwa ta’ eżerċizzju ta’ kuljum. U tal-aħħar għalija mportanti aktar minn tal-ewwel.

Kelley għallimni nofs it-tweġiba tal-mistoqsija, Għaliex Niġri? U din hija: Jiena niġri għax jien annimal. Jien niġri għax hija parti mill-ġenetika tiegħi. Jien niġri għax evoluzzjoni ta’ miljuni ta’ snin ħallietni programmat li niġri. U finalment, niġri għax m’hemmx mod aħjar biex nara x-xemx titla’ jew tinżel.

Ħaditli ħafna snin imma, biex nitgħallem it-tieni biċċa tat-tweġiba.

Iż-żmien urieni li l-ġiri jikklarifika l-proċess tal-ħsieb kif ukoll jippurifika l-ġisem. Jien naħseb l-aħjar – u bl-aktar mod wiesa’ u sħiħ – meta nkun qed niġri.

Naf professur ta’ Yale li pprova jispjega għaliex aħna naħsbu tant tajjeb meta niġru. Hu jgħid li dan hu minħabba li l-ġiri huwa “attivita indifferenti”. Jistema’ qisu kliem tal-professuri, hux hekk?

Jien naħseb li jrid jgħid hekk: M’għandekx bżonn sengħa biex tiġri. Kontra ta’ hekk, fil-golf per eżempju trid tolqot il-ballun dritt biżżejjed biex jibqa’ fil-korsa, u dan jirrikjedi taħseb f’xi tnax -il teknika differenti. Fit-tennis, jew taqbad sew il-backhand, jew inkella r-rallies tiegħek ikunu qosra. Fil-għawm.... tegħreq jekk ma tiżvillupax ċertu kompetenzi.

Il-ġiri mhux hekk. Kull tifel jew tifla ta’ tlett snin taf kif tiġri. Fl-istess ħin, il-ġiri huwa l-aktar eżerċizzju enerġiku magħruf fix-xjenza. Jisforzalek qalbek biex jippompja kwantitajiet kbar ta’ demm ma’ ġismek kollu – inkluż il-moħħ. Għalhekk il-moħħ ikun qed jieħu dan l-ossiġnu kollu waqt li m’għandux x’jagħmel. Qed sempliċiment tiġri. Mhux qed tippjana xi biċċa negozju, issolvi xi somma kkumplikata, jew tipprova zżżomm il-karozza milli tisskidja mit-triq.

Għalhekk mhu tal-ebda skantament li l-moħħ joħroġ bl-aktar ħsibijiet fantastiċi waqt li qed tiġri. Lanqas mhu tal-ebda skantament li, idejat friski u krejattivi jiġu f’moħħok waqt li l-inqas qed tistenniehom. Ma nistgħaġeb xejn li ħafna nies li jiġru jikkunsidraw l-workouts tagħhom bħala l-ħin perfett biex jirrinerġizzaw kemm ġisimhom u moħħhom.

Il-Griegi ovvjament indunaw mill-ewwel. Fehmu l-importanza tal-konessjoni bejn il-moħħ u l-ġisem. Sfortunatament, f’dan iż-zmien diġitali, ħafna minna insew x’għallmuna l-Griegi.

Qrajt li dalwaqt ikollna kompjuters li nibdew inħitu mal-ħwejjeġ. Dawn il-kompjuters jibdew jiġu magħna kullimkien. Diġà nġorru l-mobajl, biex inżommu kuntatt mad-dinja f’kull ħin.

Imma, qed naħseb bejni u bejn ruħi, x’se nagħmlu biex inżommu kuntatt magħna nfusna? Għalija t-tweġiba hija li niġri. Għax inżomm ruħi kompletament intunat, kemm fiżikament u kemm mentalment.

Silta maqluba bil-Malti minni mill-ktieb, ‘The Runner’s Guide To The Meaning of Life’ ta’ Amby Burfoot, rebbieħ tal-Maratona ta’ Boston tal-1968.