Sunday, November 6, 2011

Wieħed u għoxrin

Wieħed u għoxrin... numru mhux tond, anzi fart imma li minn tfuliti kellu ċertu affaxinu għalija. Forsi għax hu l-ġurnata li twelidt fih, u kull meta xi ħadd isemmih b’xi mod ifakkarni f’hekk. Naħseb dik l-unika spjegazzjoni għax il-bieb tad-dar qatt ma kien f’dawk l-inħawi, u żgur ma kienx xi numru li naspira għalih f’xi eżami jew hekk. Lanqas kien xi numru ta’ tal-linja li ridt nirkeb kuljum. Illum il-ġurnata imma naħseb nista’ nispjega dan il-faxxinu ma’ dan in-numru aħjar. Wieħed u għoxrin, għal kull kilometru tiġi nofs maratona. U fil-każ tiegħi tiġi l-aktar distanza twila li sa issa lħaqt. U la hi l-itwal distanza li nagħmel, il-wieħed u għoxrin jippreżenta sfida fiżika u mentali. Niftakar l-ewwel darba li għamilthom, kont tlaqt mid-dar sa Għajn Tuffieħa u dort lura. Kien baqa’ ftit biex inlaħħaq il-wieħed u għoxrin, u qgħadt indur mal-akwati sakemm in-numru ta’ kilometri fuq l-arloġġ jaqleb minn għoxrin sa wieħed u għoxrin. Qisni tifel ngħodd iċ-ċenteżmi u jekk ma jlaħħqux ma’ xi numru deċimali, nara minnfejn ħa nsib xi tnejn oħra biex ngħaqqad lira ħalli flok muniti biss fil-karus inkun nista’ ngħid li għandi l-karti wkoll.

Illum kienet ġurnata oħra li sejjħet biex ngħaqqad il-wieħed u għoxrin f’ġirja waħda. U biex inkunu preċiżi mitt metru oħra magħhom. Ġewwa ż-Żurrieq. U wara nduru mal-madwar. Biex ngħaqqdu dawn il-wieħed u għoxrin. Ġo toroq li nammetti li minkejja ċ-ċokon ta’ din il-gżira qatt m’għaddejt minnhom, u li llum ngħid li ħaqqni familjari magħhom ħafna aktar.

Fil-għodu kmieni wara raqda, li ma kienetx sħiħa daqs il-ġirja li ridt nagħmel, bdew jidħlu d-dubji. Stat ta’ moħħ li beda jissospendi fin-nofs il-preparamenti ta’ qabel u dak li jista’ jiġri avolja sa issa qatt ma ġara. Imma doċċa u ftit kolazzjon ta’ kukkudina u ħobż mixwi bil-ġamm malajr mewwet din is-sospensjoni u ftakart li ilni nistenna din il-ġurnata daqs persuna fil-waiting list għal xi viżta l-Mater Dei. U issa la l-ġurnata waslet, jonqos biss li nagħmel dak li ngħix biex nagħmel kull fil-għodu. Din id-darba ma’ oħrajn bl-istess stil ta’ ħajja.

U siegħa qabel wasalt. Ġirja ċkejkna biex nidħol ftit fil-vena u nipprepara ftit, u s-soltu uċuh kienu hemm. Uċuh li llum għandhom isem, u meqjusin bħala ħbieb fl-istess komunità tiegħi. U s-siegħa gerbet u wasal il-ħin biex nitilqu. L-ewwel kilometru fl-aħħar għadda u r-ritmu sar aktar faċli. B’pass aktar mgħaġġel mis-soltu għax ridt inpassi ma’ ħabib ġdid u nċekken in-numri tal-arloġġ meta dawk il-wieħed u għoxrin ikunu tlestew. Il-mużika f’widnejja ma kienx hemm tant bżonnhom bħal fil-passat, meta kull pass kien jirrikjedi ossiġnu konsiderevoli u kont ridt ninsa dan. U l-kilometri wieħed wara l-ieħor bdew għaddejin, ħriġna mir-raħal u wasalna fil-ftuħ tal-kampanja u mingħajr kenn, esposti għar-riħ ivenven, prezz li llum kellna nħallsu għall-ħdura quddiemna u l-libertà mill-urbaniżmu. U nofs it-triq għaddiet. Ftit nifsijiet bil-mod, u niżla konsiderevoli, l-ewwel sospiża bejn asfalt u żrar, wara fuq tarmak sewdieni ċatt li ma mposta l-ebda attenzjoni żejda fejn tniżżel saqajk pass wara pass. U l-ftuħ ta’ baħar fuq il-lemin tagħna, llum l-ikħal tiegħu mċappas bl-abjad tar-ragħwa tal-mewġ imdaqqas.

In-niżla tkompliet, b’pass wara l-ieħor mingħajr wisq impenn. Imma bħal meta taqbeż il-baħar, hemm bżonn titla’ ‘l fuq b’xi mod u slielem f’dawk l-inħawi ma kien hemm imkien. Kien hemm imma telgħa li għal mument nammetti li tefatni ftit f’riċessjoni ta’ spirtu wara r-rilassiment ta’ minuti qabel. It-telgħa imma għaddiet u issa kien baqa’ l-aħħar kwart, li dehru mwittija.

Imma bħal kif mhux kull ma jleqq hu deheb, mhux kull viżjoni hi reali. L-aħħar żewġ kilometri u nofs kienu tlajja silenzjużi, li staqsew u staqsew kull parti kardjali u ta’ riġlejja kemm veru tixtieq tara l-finishing line. F’solitudni ta’ emozzjonijiet, l-uniku wens kien l-arloġġ li minkejja li bil-mod bħal meta qed tistenna xi ħaġa bi ħġarek, n-numri tal-metri bdew b’xi mod jiżdiedu.

Il-wieħed u għoxrin intlaħaq imma u kien hemm bżonn biss dawra ma’ kantuniera u din id-darba niżla għal dak il-mument ħelu li jħallieni nwaqqaf l-arloġġ: siegħa, ħamsa u erbgħin minuta, tmintax –il sekonda. Mitt sekonda aħjar minn tmien xhur ilu, fuq triq li ssaqsi ħafna anqas. Rebħa personali.

Iċ-ċelebrazzjoni? Flixkun ilma u banana. U ewforja kwieta. Il-ġiri sempliċiment personali u anti- materjalista.

Monday, August 22, 2011

Għaliex Niġri?

X’għallimni kowċ biex inkun annimal intelliġenti

Bil-kemm niflaħ nara aktar. L-għaraq mielaħ dieħel f’għajnejja qed jaħraqni tant, li biex neħles minnu qed inteptep u nteptep għajnejja. Fuqi, x-xemx qed tiżreġ tant li tidher li qed tferra lava maħlula fuqna. Nisforza il-viżjoni mċajpra tiegħi fuq l-ispallejn żewġ jardi quddiemi. Mhux li kien inżomm magħhom. Mhux li kien.

L-ispallejn jappartjenu lil John J. Kelley. Il-kowċ tiegħi, mentor u ispirazzjoni, imma fuq kollox, dal-mument, spallejh huma l-unika ħaġa bejni u kollass totali.

Diġa għamilna tnax –il mil fil-lunga ta’ din il-ġurnata f’Lulju. Erbgħa oħra biss baqa’. Imma dawk l-erba’ mili jinkludu żewġ mili sprint max-xmara Mystic, nofs mil attakk fuq dik it-triq leali lejn isimha Cliff Street, u mil u nofs avvanz fil-passaġġ forestiku fil-bosk Pequot, li jserrep u jqarraq bik. Il-passaġġ jispiċċa fid-destinazzjoni finali tagħna – il-bitħa ta’ wara ta’ Kelley.

Inħossni eżawrit, diħidrat, u naħraq iż-żejjed. Il-prospetti tiegħi ma jidhrux tajba. Ma naħsibx li nista’ inżomm miegħu. U qed insaqsi lili nnifsi: Għaliex qed nagħmel dan kollu? Għaliex qiegħed niġri?

Hija mistoqsija li se nisma’ aktar minn kull oħra fl-erba diċċenji li ġejjin. Hija mistoqsija li kull min jiġri jsaqsi lilu nnifsu jew nnifisha mal-miljun darba. U hija mistoqsija li trid tiġi mwieġba, jew inkella ma nistgħux nibqgħu ġerrejja, atleti, u nies tal-avventura.

Fortunatament għalija, Kelley se jaqsam t-tweġiba miegħi f’sempliċiment tletin minuta oħra. Biss, bħalissa, waqt li qed intellqu mat-triq tax-xmara Mystic, ma nafx. Naf biss li l-volonta qed tisfuma, u saqajja qegħdin jinbidlu f’lasktu.

Fi Cliff Street, ma niflaħx inkompli iżjed. Kelly jibda jinqata’ minn miegħi, xagħru bjond joqmos quddiemi, hekk kif saqajh qosra imma b’saħħithom iġibu fix-xejn it-telgħa wieqfa ta’ quddiemu. Inħossni se nċedi, imma ma nċedix. Aħna nisfumaw, “nidħlu fil-ħajt”, u kultant nispiċċaw nimxu. Imma dejjem nibqgħu sejrin.

Fil-Bosk Pequot, nitlef lil Kelley kompletament fil-mogħdija mserrpa. Kiser il-kantuniera u issa qiegħed quddiemi sew. Nikkonċentra fuq li nkompli sal-aħħar, inħares l-isfel minħabba z-zkuk, ġebel u għadajjar. Pass falz wieħed u nispiċċa nitgerbeb. Mifluġ kif jien, indum ħafna kieku biex inqum.

B’xi mod jirnexxieli inżomm fuq saqajja, u eventwalment, nogħtor lejn il-bitħa ta’ Kelley. Probabilment għaddieni b’ħames minuti, ankè forsi għaxra. B’kwalunkwè rata, mhu juri ebda sinjal tal-ġirja ta’ sittax –il mil li tkisser l-għadam li għadna kif għamilna. Hu neħħa l-flokk u l-papoċċ, u mill-ewwel qabad pala biex jibda jaħdem fuq il-ġnien vast organiku li għandu u li jokkupa l-biċċa l-kbira ta’ wara tad-dar tiegħu.

Hu qed jifrex il-kompost mal-ġnien, sal-aktar kantuniera mbiegħda, fejn ix-xitel tal-ful qegħdin jixxebilku. Qed nistgħaġeb, bid-dud oħxon, kannella, li hawn mijiet tagħhom, f’kull pala tal-kompost. Wara, Kelley, jitfa’ l-kompost max-xitel tat-tadam, waqt li jiċċekja li m’għandhomx ħsara. Waqt li jagħmel hekk jien u nbati biex nirkupra mill-ġirja, hu jibda jgedwed fuq it-tensjoni li teżisti bejn il-bniedem modern u ċ-ċikli eterni ma jieqfu qatt tan-Natura.

Jgħid li aħna qed ninqatgħu mis-sinkronija. B’dak l-ispirtu Irlandiż tiegħu Kelley jargumenta, li aħna l-membri tal-ispeċi Homo Sapiens insejna li aħna sempliċiment evolvejna minn xadini u l-predeċessuri tagħhom riċentament. Imxejna il-quddiem wisq malajr, u qed ninsew l-ego annimal tagħna. Għandna wisq magni u kimiċi, u ma neżerċizzitawx biżżejjed. U jitbaqbaq, “Kif jistgħu l-karozzi u t-televiżjonijiet jagħmluna aħjar jew aktar b’saħħitna?”

Għadni addoloxxenti, u qiegħed nimtela sax-xifer bil-kliem ta’ Kelley. Qatt ma nsejt, u dejjem nipprova ngħix magħhom. Iva, għandi karozza, u televiżjoni. Imma għandi wkoll ġnien organiku u drawwa ta’ eżerċizzju ta’ kuljum. U tal-aħħar għalija mportanti aktar minn tal-ewwel.

Kelley għallimni nofs it-tweġiba tal-mistoqsija, Għaliex Niġri? U din hija: Jiena niġri għax jien annimal. Jien niġri għax hija parti mill-ġenetika tiegħi. Jien niġri għax evoluzzjoni ta’ miljuni ta’ snin ħallietni programmat li niġri. U finalment, niġri għax m’hemmx mod aħjar biex nara x-xemx titla’ jew tinżel.

Ħaditli ħafna snin imma, biex nitgħallem it-tieni biċċa tat-tweġiba.

Iż-żmien urieni li l-ġiri jikklarifika l-proċess tal-ħsieb kif ukoll jippurifika l-ġisem. Jien naħseb l-aħjar – u bl-aktar mod wiesa’ u sħiħ – meta nkun qed niġri.

Naf professur ta’ Yale li pprova jispjega għaliex aħna naħsbu tant tajjeb meta niġru. Hu jgħid li dan hu minħabba li l-ġiri huwa “attivita indifferenti”. Jistema’ qisu kliem tal-professuri, hux hekk?

Jien naħseb li jrid jgħid hekk: M’għandekx bżonn sengħa biex tiġri. Kontra ta’ hekk, fil-golf per eżempju trid tolqot il-ballun dritt biżżejjed biex jibqa’ fil-korsa, u dan jirrikjedi taħseb f’xi tnax -il teknika differenti. Fit-tennis, jew taqbad sew il-backhand, jew inkella r-rallies tiegħek ikunu qosra. Fil-għawm.... tegħreq jekk ma tiżvillupax ċertu kompetenzi.

Il-ġiri mhux hekk. Kull tifel jew tifla ta’ tlett snin taf kif tiġri. Fl-istess ħin, il-ġiri huwa l-aktar eżerċizzju enerġiku magħruf fix-xjenza. Jisforzalek qalbek biex jippompja kwantitajiet kbar ta’ demm ma’ ġismek kollu – inkluż il-moħħ. Għalhekk il-moħħ ikun qed jieħu dan l-ossiġnu kollu waqt li m’għandux x’jagħmel. Qed sempliċiment tiġri. Mhux qed tippjana xi biċċa negozju, issolvi xi somma kkumplikata, jew tipprova zżżomm il-karozza milli tisskidja mit-triq.

Għalhekk mhu tal-ebda skantament li l-moħħ joħroġ bl-aktar ħsibijiet fantastiċi waqt li qed tiġri. Lanqas mhu tal-ebda skantament li, idejat friski u krejattivi jiġu f’moħħok waqt li l-inqas qed tistenniehom. Ma nistgħaġeb xejn li ħafna nies li jiġru jikkunsidraw l-workouts tagħhom bħala l-ħin perfett biex jirrinerġizzaw kemm ġisimhom u moħħhom.

Il-Griegi ovvjament indunaw mill-ewwel. Fehmu l-importanza tal-konessjoni bejn il-moħħ u l-ġisem. Sfortunatament, f’dan iż-zmien diġitali, ħafna minna insew x’għallmuna l-Griegi.

Qrajt li dalwaqt ikollna kompjuters li nibdew inħitu mal-ħwejjeġ. Dawn il-kompjuters jibdew jiġu magħna kullimkien. Diġà nġorru l-mobajl, biex inżommu kuntatt mad-dinja f’kull ħin.

Imma, qed naħseb bejni u bejn ruħi, x’se nagħmlu biex inżommu kuntatt magħna nfusna? Għalija t-tweġiba hija li niġri. Għax inżomm ruħi kompletament intunat, kemm fiżikament u kemm mentalment.

Silta maqluba bil-Malti minni mill-ktieb, ‘The Runner’s Guide To The Meaning of Life’ ta’ Amby Burfoot, rebbieħ tal-Maratona ta’ Boston tal-1968.

Saturday, July 16, 2011

Dak li l-lejl iħallik tgħid

Faċli. Sempliċi. Kelma wara kelma. Anke jien naf nagħmel hekk. Kliem issib kemm trid. Il-Malti stess jgħid li bħaċ-ċirasa. Tiekol waħda u tmur għal oħra. Tgħid waħda u wara tgħid oħra. Tant hu faċli li l-istess Malti jgħid li n-nuqqas ta’ kliem jew aħjar is-silenzju, huwa meqjus bħala prezzjuż aktar mill-kliem.

Fil-każ ta’ Mejlak, jittajpja waħda u jittajpja oħra. Skond kif smajtu jgħid f’intervista wara jaqrahom jgħajjat biex jara kif qed idoqqu waħda wara l-oħra. U b’hekk issir sentenza. Minn sentenza tinsilet storja. F’kemm ilni qrajt saru għaxra minnhom. F’każin taf tisma mija f’lejla.

Imma l-mija li tisma’ f’każin ċert li ma jgħarrxukx bħal waħda mill-għaxra ta’ Mejlak, li ġabar riċentament fi ktieb taħt l-isem Dak li l-lejl iħallik tgħid. Tagħrix sempliċi bi swaba indokrati u difrejn maqtugħa qosra bi preċiżjoni biex żgur ma jigirfukx. U forsi apparti dan kull storja li qrajt mal-lejl aktar ma ħallietni ngħid, ħallietni nehwden, għax kliem ma kienx jibqgħali.

Mejlak uża kelma sempliċi wara l-oħra. Kultant waqt li naqra, bdejt ngħid, anke jien naf nagħmel hekk. Imma l-fatt hu li Mejlak kiteb ktieb b’għaxar stejjer u jien qiegħed hawn nibblogja. Mejlak ta dimensjoni oħra tas-sempliċita lil-letteratura Maltija. Imma minn din is-sempliċita kollha, uża s-sengħa tiegħu biex b’dawn l-istess kliem ipitter sitwazzjoni, u aktar minn hekk, jispjega emozzjonijiet. Ħafna drabi kellna monologi. U f’monologu toħroġ il-verita. U mal-veritajiet joħorġu ħafna s-sigrieti. U forsi dik hi d-differenza kollha bejn monologu u djalogu. Tal-ewwel żgur onest. U aktar milli onest, jgħidlek kollox mill-bidu sal-aħħar. Imma taf iweġġgħek. U jbiddillek il-perspettiva kollha ta’ dak li dejjem emmint fih, jew kont tiftaħar bih, imqar jekk f’qalbek.

Kultant Mejlak jeħdok sa ġnien fi Spanja, darba oħra fil-ġnien tiegħek stess fejn tista’ tara l-koppla tal-knisja tar-raħal. Darba oħra fil-kamra tas-sodda tiegħek tiddiskuti ma’ martek, darba oħra f’kamra ta’ lukanda ‘l bogħod mid-dar ma’ stranġier. Jew f’qiegħ ta’ sodda fl-isptar x’aktarx fis-sezzjoni ITU.

Il-postijiet huma iżda sfond. U waqt dan kollu tapprezza li anke l-melankonija taf tkun ewforika.

Thursday, July 14, 2011

Merħla



Illum waħħluli t-tabella ma’ widinti. U llum għall-ewwel darba, ħallewni noħroġ mal-oħrajn. U issa parti mill-merħla. Skond l-oħrajn jiena stramba. Indum ma nidra. U nħobb nagħmel dak li jfettilli. Imma maż-żmien għamluni bħalhom. Ma nafx tefgħulix xi ħaġa fl-ikel. Jew sempliċiment tammbruli u tammbruli f’moħħi u spiċċajt nirrepeti dak li jgħidu huma. Gidba tirrepeti ruħha ssir verita. Naħseb qiegħda nikkonforma ma’ sħabi. Sħabi fis-sens tal-kelma li ngħixu taħt l-istess saqaf tal-istess razzett. Dak li għandna komuni. Li ma kontx mogħża, x’aktarx kont insejjaħ lil dawn ‘sħabi’ kollegi. Kollegi fis-sens li b’mod komuni ninħalbu kull fil-għodu u fil-għaxija. U l-ħalib tagħna b’mod komuni wkoll imur għand il-M.D.P., u s-sid, li xi nies isejjħu r-ragħaj jistagħna minn fuqna. Hu jgħid li m’għandniex għalxiex ingergru għax b’hekk jagħtina saqaf taħt rasna. U saqaf taħt rasna jfisser sigurta. U s-sigurta tfisser kollox. Is-sigurta tfisser li apparti saqaf hemm l-ewrofakk kull lejl jistenniena. Kieku ħaxix ħażin biss niekol. U bħalissa ma tantx hawn isqfa fejn tistkenn. Almenu hekk itenni s-sid.

F’qiegħ qalbi jien ma nagħtix kas. Ħrabt kemm il-darba imma dejjem sabni u ġarrni lura.

Bħalissa veru sħana. Imma xorta ħariġna. Ħariġna f’din l-għalqa ċkejkna li fiha ħitan tas-sejjieħ mall-erba’ rkejjen tagħha. U fejn is-soltu jkun miftuħ biex minnu jidħol xi trakk, illum imbarrat b’erba’ tankijiet tal-erbgħin imsadda. F’kelma waħda ma nistgħu mmorru imkien. Fuqna hawn sema ikħal, mingħajr sħaba waħda. Hawn ħafna ftuħ. Imma l-ftuħ għandu katnazz li ħadd m’hu jara. Avolja mhuwiex żgħir. Imma jqarraq. Il-katnazz fil-fatt l-istess tankijiet tal-erbgħin imsadda li għadni kif semmejt.

Billi s-sħana, s-sid mhux qiegħed magħna. Ħalla lilna hawnhekk nomogħdu waħedna. Ix-xemx qed tagħmel bija, u hawn riħa qawwija. Tagħna stess naħseb. Lili qed taffetwani ħafna aktar minn sħabi imma. Ftakar li jien qiegħda mal-oħrajn għall-ewwel darba. Is-soltu pjuttost inkun waħdi. U r-riħa tiegħek stess qatt ma tinten. Il-kokka tgħid li uliedha l-isbaħ. Il-merħla tirfes il-ħara u tgħid li ma xxomm xejn. Tmieri s-sewwa magħruf. Għax jekk kollega waħda tinten, kif tista’ merħla sħiħa ma timmultiplikax ir-riħa?

Imma forsi jien minkejja t-tabella u kollox m’iniex verament parti minn din il-merħla. Forsi emanċipajt ruħi bl-emarġinazzjoni minn din il-merħla. Xi darba ma ndumx ħa nħares il-fuq, nara s-sema ikħal u ma jkun hawn ebda katnazz jew tank tal-erbgħin. U minflok saqaf taħt rasi se nibda nsib il-kenn tiegħi qalb il-qasab li hawn ħdejna imma li llum ma nistax nasal sa ħdejh.

Meta għadni ma nafx imma.


Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari tal-istess Francesca, jinsabu hawn.

Sunday, July 3, 2011

Pupa safra

Il-bieraħ waqqawni u ksirt idi t-tnejn. X. bdiet tolfoq u tixher. Jien ovvjament bqajt bl-istess ħarsa tas-soltu. U ma ħassejt xejn lanqas. Imma X. qaltli li anke hi darba kisret idha. U kienu għamlulha l-ġibs. Xi ġimgħat wara kien għaqqdilha u neħħewulha. Qaltli li batiet ħafna, għax kien is-sajf u kien qabbdilha ħafna sħana. U kien kaġun ta’ ħafna mistoqsijiet żejda. Mistoqsijiet li kull min jafha kien f’qiegħ qalbu jaf it-tweġiba tagħhom. Imma hi kienet twieġeb dak li jridu jisimgħu minflok. Bħal kuntratt bejn xerrej u bejjiegħ. Ix-xerrej jiffranka u l-bejjiegħ jagħmel irċevuta mhux kif suppost. U kuntenti t-tnejn.

Minflok ġibs qaltli li se tagħmilli t-tejp. U tejp fil-fatt għamlet ħafna. Qaltli li fi ftit ġimgħat tkun tista’ tneħħiehuli u idi jibqgħu mwaħħlin bħal kif ġara lilha. Jien għandi d-dubji tiegħi, imma ma merejtiex. L-ewwel nett għax ma nistax nitkellem. U t-tieni għax ma ridtx niksrilha qalbha.

Illum ħarġitni barra fil-bitħa, biex nieħu ftit xemx. U għax billi suppost muġugħa trid tara kif tfissidni ftit. Mhux soltu. Anzi l-aktar li tħobb hu li tinħeba miegħi fil-gwardarobba. Kultant wara li tiġi lura mill-iskola. U lili tużani flok psikologa. U tinfetaħ miegħi. Jien nibqa’ b’dik il-ħarsa ċassa. Għall-inqas sa fejn naf jien. Għax kultant naraha titbissimli differenti mis-soltu, u ttini l-impressjoni li tara ġo fija xi ħaġa differenti mis-soltu. Anke t-ton li tkun qed tuża miegħi fil-fatt kultant tbiddel wara li tagħtini ċertu ħarsiet.

Il-bitħa. Veru qiegħda għax-xemx imma ftit hawn ħajja madwari. Qasrija ħdejja li kull ma baqagħlha huwa z-zokk biss. Ta’ ħdejha hi ftit aħjar, u għandha weraq imma hemm xi ħaġa fiha li hi nieqsa u ma nistax nippunta subgħajja lejha. Bejn għax ma nafx eżatt x’inhi u bejn għax idejja huma miksurin u għalhekk ma tantx nista’ nċaqlaqhom. Il-katusa tidher. Aktar minn kollox qiegħda sservi biex il-ġrieden ikollhom ma’ xiex jinżlu minn fuq il-bejt.

Issa imma ġiet X. fil-bitħa. U l-bitħa mtliet. Id-dar vojta, u għalhekk mimlija b’X. biss. U meta jkun hawn X. biss fid-dar ħafna aħjar. Ma jkunx hawn storbju u ġlied. X. tieħu r-ruħ ukoll. U llum hawn barra fil-bitħa f’daqqa waħda qed inħossni ħafna aħjar. U l-libsa safra qed inħossha tiskontra ma kull griż li hawn. X. qed titbissem. U jien qed inħossni altruwista.


Ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Għal aktar ritratti partikolari, meħuda mill-istess Francesca, agħfas hawn.