Illum waħħluli t-tabella ma’ widinti. U llum għall-ewwel darba, ħallewni noħroġ mal-oħrajn. U issa parti mill-merħla. Skond l-oħrajn jiena stramba. Indum ma nidra. U nħobb nagħmel dak li jfettilli. Imma maż-żmien għamluni bħalhom. Ma nafx tefgħulix xi ħaġa fl-ikel. Jew sempliċiment tammbruli u tammbruli f’moħħi u spiċċajt nirrepeti dak li jgħidu huma. Gidba tirrepeti ruħha ssir verita. Naħseb qiegħda nikkonforma ma’ sħabi. Sħabi fis-sens tal-kelma li ngħixu taħt l-istess saqaf tal-istess razzett. Dak li għandna komuni. Li ma kontx mogħża, x’aktarx kont insejjaħ lil dawn ‘sħabi’ kollegi. Kollegi fis-sens li b’mod komuni ninħalbu kull fil-għodu u fil-għaxija. U l-ħalib tagħna b’mod komuni wkoll imur għand il-M.D.P., u s-sid, li xi nies isejjħu r-ragħaj jistagħna minn fuqna. Hu jgħid li m’għandniex għalxiex ingergru għax b’hekk jagħtina saqaf taħt rasna. U saqaf taħt rasna jfisser sigurta. U s-sigurta tfisser kollox. Is-sigurta tfisser li apparti saqaf hemm l-ewrofakk kull lejl jistenniena. Kieku ħaxix ħażin biss niekol. U bħalissa ma tantx hawn isqfa fejn tistkenn. Almenu hekk itenni s-sid.
F’qiegħ qalbi jien ma nagħtix kas. Ħrabt kemm il-darba imma dejjem sabni u ġarrni lura.
Bħalissa veru sħana. Imma xorta ħariġna. Ħariġna f’din l-għalqa ċkejkna li fiha ħitan tas-sejjieħ mall-erba’ rkejjen tagħha. U fejn is-soltu jkun miftuħ biex minnu jidħol xi trakk, illum imbarrat b’erba’ tankijiet tal-erbgħin imsadda. F’kelma waħda ma nistgħu mmorru imkien. Fuqna hawn sema ikħal, mingħajr sħaba waħda. Hawn ħafna ftuħ. Imma l-ftuħ għandu katnazz li ħadd m’hu jara. Avolja mhuwiex żgħir. Imma jqarraq. Il-katnazz fil-fatt l-istess tankijiet tal-erbgħin imsadda li għadni kif semmejt.
Billi s-sħana, s-sid mhux qiegħed magħna. Ħalla lilna hawnhekk nomogħdu waħedna. Ix-xemx qed tagħmel bija, u hawn riħa qawwija. Tagħna stess naħseb. Lili qed taffetwani ħafna aktar minn sħabi imma. Ftakar li jien qiegħda mal-oħrajn għall-ewwel darba. Is-soltu pjuttost inkun waħdi. U r-riħa tiegħek stess qatt ma tinten. Il-kokka tgħid li uliedha l-isbaħ. Il-merħla tirfes il-ħara u tgħid li ma xxomm xejn. Tmieri s-sewwa magħruf. Għax jekk kollega waħda tinten, kif tista’ merħla sħiħa ma timmultiplikax ir-riħa?
Imma forsi jien minkejja t-tabella u kollox m’iniex verament parti minn din il-merħla. Forsi emanċipajt ruħi bl-emarġinazzjoni minn din il-merħla. Xi darba ma ndumx ħa nħares il-fuq, nara s-sema ikħal u ma jkun hawn ebda katnazz jew tank tal-erbgħin. U minflok saqaf taħt rasi se nibda nsib il-kenn tiegħi qalb il-qasab li hawn ħdejna imma li llum ma nistax nasal sa ħdejh.
Meta għadni ma nafx imma.
Dan ir-ritratt huwa meħud minn Francesca Galea. Aktar ritratti partikolari tal-istess Francesca, jinsabu hawn.
No comments:
Post a Comment