Tuesday, November 18, 2008

Working Class Hero


Trabba fil-periferiji ta’ Buenos Aires, fis-subborg ta’ Villa Fiorito, subborg li jagħmel il-Mandraġġ ta’ Ġuże Ellul Mercer jidher qisu Pariġi fir-rebbiegħa. Kif jiftaħ John Lennon stess fid-diska tat-titlu ta’ hawn fuq, malli twieled, probabilment bdew iġiegħluh iħossu żgħir. Biss kuntrarju għal ħafna, dan il-bniedem kien jipposjedi talent rari, u kien hemm min anke fis-sittinijiet ġibidlu filmati tiegħu stess jgħaqqadha lil kulħadd fit-toroq imħarbta. U kien anke mistieden biex juri t-talenti tiegħu fl-intervall tal-logħba fil-Bombonera. Wara li kien qatta’ siegħat sħaħ jilgħab b’larinġa, il-ballun ġie faċli għalih u mmeżmeriżża dan l-oġġett b’faċilita.

Ta’ sittax –il sena’ ddebutta ma’ Argentinos Juniors, u ftit wara kien qiegħed jagħmel parti mill-Under 17 ta’ pajjiżu fejn mexxa lil sħabu għat-titlu ta’ ċampjins tad-dinja. Id-debutt man-nazzjonal inkiseb fl-istess età tad-debutt mal-klabb tiegħu, fi żmien meta l-Arġentina kienet qiegħda tipprepara għat-Tazza tad-Dinja ġewwa darha stess, għall-ewwel darba u l-uniku darba sal-ġurnata tal-lum. Waqt li parti sostanzjali tal-Arġentini kienu qiegħdin bil-vistu għall-qraba tagħhom li sparixxew darba għal dejjem fi żmien li l-pajjiż kien immexxi minn dittatorjat militari, il-kowċ ta’ dak iż-żmien, Cesar Luis Menotti kiser qalb dan it-tifel ta’ sbatax –il sena u lanqas imqar inkludieh fl-iskwadra. B’ċans tad-deheb li l-pajjiż kollu jaljena ruħu minn dak kollu li għaddew minnu fil-passat u fil-preżent bil-konfetti mitfugħa qabel kull logħba, ma kien hemmx post ta’ riskji fuq tifel ta’ sbatax –il sena.

They hurt you at home and they hit you at school

It-talent kien wisq kbir biex jintilef minn din id-daqqa ta’ ħarta u minn Argentinos Juniors, akkwista transfer mal-klabb kbir Arġentin ta’ Boca Juniors. Sar eroj tal-Bombonera, u fit-Tazza tad-Dinja tal-1982, kien ovvjament għażla awtomatika. Kellu l-mumenti tiegħu, imma l-avventura tiegħu spiċċat qabel ta’ sħabu meta kontra r-rivali eterni Brażil tkeċċa wara li rritalja.

Ġimgħat wara iżda reġa’ rritorna lejn Spanja, fejn bħal kull plejer Sud Amerikan ieħor, qata’ xewqtu u qata’ passaġġ lejn l-Ewropa. Ftit ġimgħat qabel tkeċċa fl-Istadju Sarria tal-Espanyol, iżda din id-darba ġie ppreżentat fin-Nou Camp ta’ Barċellona. Hemmhekk qatta sentejn, fejn ħafna xhur sħaħ minnhom qattagħhom fuq sodda jew f’xi gym jipprova jirkupra mill-aħħar daqqa voraċi.

Mir-reġjun ta’ Katalunja, niżel ftit aktar l-isfel, fi klima li taqbel aktar miegħu, imma aktar milli klima sab ambjent li kien maħluq għalih, bħal meta bebbuxu jsib qoxortu wara li tħajjar joħroġ minnu għal ftit ħin. Napli, l-belt li bħalissa qiegħda tinstema’ tant mhux għax kellha lil dan il-persuna fit-tim tagħha, jew għax saret l-aktar desitnazzjoni turistika attrejenti għal min għandu l-bżar xi jroxx, imma għax persuna mill-istess belt kiteb ktieb li wera’ l-wiċċ veru tal-Mafja, u li f’din il-belt tiddomina aktar milli r-reġina Vittorja ddominat fl-Ingilterra fis-seklu dsatax. Imma għal xi żmien l-emarġinati tal-Italja kellhom eroj, li tahom raġuni valida biex iqumu fil-għodu, u jimlilhom sidirhom bi kburija. Il-wara ta’ nofs in-nhar tal-Ħadd sabu min jimlihulhom bl-aqwa mod possibli, u b’ewforija li ddum sal-Ħadd li jmiss. U dak li kien biss ħolm sar realtà, u l-iskudetto ntrebaħ għal darbtejn. L-isem ta’ Diego f’Napli sar komuni aktar minn ta’ Pawlu f’Malta.

U f’sajf minnhom wara staġun ma’ Napli, vvjaġġa lejn il-Messiku għat-Tazza tad-Dinja tal-1986. U hawnhekk sab podju maħluq għalih. Erba’ snin wara l-gwerra tal-Falklands, fejn Margaret Thatcher rebħet simpatija minn sezzjoni tal-poplu Ingliż li kien qiegħed jara l-influwenza ta’ pajjiżu dejjem jisfuma u għalhekk iddecidiet li tpaxxihom billi tuża l-armata tagħha fuq gżira ta’ 3,000 ruħ. U b’hekk tat sens akbar lil min ried iħabbat fuq sidru waqt il-‘God save the Queen’. Bi ħżunija ta’ bniedem tat-triq u mingħajr id-diplomazija ta’ Thatcher għola’ ma bniedem fih daqsu u nofs u tefa’ l-ballun fix-xibka mhux bir-ras imma b’idejh. U ftit wara għallem lill-bqija tad-dinja, kif taqbad ballun minn nofs il-grawnd, tevita plejer wara ieħor u meta tħossok komdu titfa’ fix-xibka. U wara jkollok l-awdiċità li l-ewwel gowl ma kienx b’idejk imma bl-id ta’ Alla, u ssawwar leġġenda mal-erbat irjieħ tad-dinja. Ġimgħa wara, wara tlett ġimgħat fuq podju metaforiku, tela’ fuq podju konkret u għolla t-Tazza tad-Dinja.

L-avventuri tiegħu ma kienux ristretti biss għal ġo grawnd tal-futbol. Waqt li kien artist fil-grawnd fuq il-ħaxix, barra kien ribelluż u aggressiv kontra l-istabiliment u n-normi mposti mill-FIFA u l-bqija. U l-ħajja privata tiegħu kellha bl-aktar mod akut u forsi kattiv tfakkarna li wara kollox dan il-persuna huwa uman u li għandu l-vizzji u d-difetti tiegħu. Il-kokaina għoġbitu, u forsi kif darba Robbie Williams qal, li ppermettuli nsemmih fl-istess bloggata ta’ dan il-ġenju, kien il-mod kif Alla jfakkru li għandu flus iż-żejjed. U wara li għoġbitu rikbitu aktar minn kelb sħun fuq kelba fi żmien in-namra. U erba’ snin, din ir-rikba dehret li waslitu lejn il-qabar u t-tama li darba ta lin-Naplitani u l-Arġentini, issa ftit kien baqa’ minnha għalih innifsu. Imma donnu it-teorija’ li huwa sempliċiment uman qalgħet daqqa ta’ ħarta u fil-fatt ħareġ mill-isptar qawwi u sħiħ.

Il-kontroversja jew aħjar il-problemi jiġru warajh, u forsi ankè joħloqhom huwa stess. Imma l-personalità tiegħu u dak li għamel b’ballun tal-ġilda tpatti ta’ kollox. Ilsienu kultant jew dejjem jikkmandah imma il-ġenji trid tiskużalhom d-difetti għax mingħajrom id-dinja ċatta u mhux sfera. U l-FA Arġentina lagħbet karta fuqu u tatu t-tmun tan-nazzjonal fi żmien it-tellieqa bejn Obama u McCain. U għal ftit ħin l-elezzjoni presidenjali Amerikana twarrbet ftit miċ-ċentru tal-univers. Il-puritani kemmxu xofftejhom biss, il-poplu Arġentin reġa’ sebaħ jittama. Wara kollox...

If you want to be a hero well just follow me

John Lennon kien jaf x'inhu jgħid.

Friday, October 17, 2008

Xejn minn erbgħa

‘Kuntent b’telf ta’ anqas minn erba’ gowls.’

Il-kowċ Ċek qal fil-pubbliku dak li kull Malti kien qiegħed jaħseb u jħoss f’qiegħ qalbu. Il-Katalani jxejjru maktur abjad meta l-affarijiet imorru kontra u jridu juru d-diżapprovazzjoni tagħhom. Fitzel qabad l-akbar liżar abjad possibli u dendlu mal-akbar arblu ta’ fuq il-bejt tal-M.F.A. Għal bniedem li kien juri ċertu twemmin u li qisu ried jipprova li l-mentalità tagħna hi l-akbar għadu, dan il-kliem stona. U għal wieħed li trid tfittex bir-reqqa biex issib kwotazzjoni tiegħu, dan il-kliem heżżeż l-erba’ ħitan tal-M.F.A.

Fil-kampanja li għaddiet, Fitzel kiseb numru rekord ta’ punti. Kiseb rebħa fuq l-Ungerija, tlettax –il sena wara l-aħħar rebħa uffiċjali, dik ta’ 1-0 fuq l-Estonja bit-tim immexxi minn Pippo Psaila, kiseb drò barra minn darna mal-Moldovja, u fil-festa pubblika tal-Vitorja, qajjem ċertu patrijottiżmu hekk fil-ġurnata tana xi ħaġa tal-preżent li stajna nifirħu biha meta nkiseb drò ta’ 2-2 mat-Turkija, tim li ftit wara wasal sas-semi-finali tal-Euro 2008. Ir-riżultati waqfu hemm, imma l-gowls baqgħu jaslu u xi konsolazzjoni jew gowl tal-bandiera dejjem ħadna f’Ta’ Qali.

Illum, sempliċiment ftit xhur wara l-ottimiżmu nbidel fis-soltu inferjorità, n-nies fil-grawnd inbidlu fis-soltu baħħ u l-entużjażmu fis-soltu apatija. Kollox ta’ taħt fuq, biss b’ċertu familjarita bħal wieħed li jħobb jgħix fl-imbarazz.

Il-plejers baqgħu l-istess. Il-maġġoranza assoluta tagħhom għadhom fl-aħjar tagħhom. Ma kienx xi żmien ta’ tranżizzjoni. Mhuwiex iż-żmien ta’ meta John Buttigieg, Ray Vella u Carmel Busuttil spiċċaw kollha f’salt. Gilbert Agius, Jamie Pace u Michael Mifsud kollha għadhom hemm. Is-sinsla ma ntmessietx.

* * * * *

Ipparkjajt ftit il-bogħod biex ma ninqabadx fit-traffiku wara. Jien u miexi u rajt il-floodlights jagħtu fuq Ta’ Qali għaġġilt il-pass. Il-ġibda għadha ftit hemm. Dħalt, sibt post b’għażla estensiva u rajt sidieni vojta aktar milli hawn postijiet vojta f’Malta u Għawdex b’kollox bħalissa. Il-letarġija reġgħet daħlet sew. Bdiet il-logħba. Xejn speċjali, imma lanqas gravi u għalhekk fil-mument aċċettabli. Qomna forsi darba jew darbtejn minn fuq is-sit, umbgħad daqshekk. Corner, żewġ daqqiet ta’ ras u gowl. Kontra. Għadda ftit ħin u wasal il-ħin tal-mistrieħ.

U l-purċissjoni kompliet fit-tieni taqsima. Purċissjoni li tħabbatlek qalbek daqs ritmu kajman ta’ katuba. U r-ritmu baqa’ sal-aħħar jew kważi. Telfa oħra u anke l-gowl tal-bandiera baqa’ ma wasalx.

L-għada niftaħ il-gazzetta u l-kowċ jidher li homesick. L-avventura ġo pajjiż ieħor bix-xemx inqalbet issa f’rutina il-bogħod mid-dar. Is-sessjonijiet tat-taħriġ mhumiex meħuda bis-serjeta u x’jagħżel aktar ma tantx hemm. Jipprova jgħallem imma għandu udjenza b’widnejn torox u issa l-vuċi bdiet titlaq sew. Xeba’ jitkellem mal-ħajt u l-ġimgħa l-oħra minflok sab il-media Maltija.

Is-sinsla baqgħet hemm, imma s-saqajn immwaħlin fit-tajn.

Saturday, June 28, 2008

Spanja vs Ġermanja

Ġermanja, pajjiż bi storja ta’ sitt titli – maqsumin ugwalment bejn dawk mondjali u bejn Ewropej. Spanja, pajjiż bi storja ta’ titlu wieħed – Ewropew li seħħ erbgħa u erbgħin sena ilu. Id-differenza ma tieqafx hemm iżda. Mhux sempliċiment konfront ta’ bejn min rebaħ ħafna u min rebaħ ftit. Konfront ta’ tifel li dejjem l-ewwel fil-klassi imma forsi n-nerdiżmu tiegħu jimpedieh mill-popolarità tal-bqija tal-klassi, bejn minħabba għira u bejn nuqqas ta’ kapaċità li joffri kumpanija tajba. Spanja, forsi dak it-tifel li qabel l-eżamijiet juri ċertu kunfidenza u jidher li jipprometti, il-bqija tal-klassi trid toqgħod ħdejh għax cool, joffri argumenti mill-aqwa fil-filosofija u l-arti imma fil-matematika u l-fiżika – żewġ suġġetti ta’ bilfors ifalli.

Żewġ pajjiżi li għandhom il-qasmiet tagħhom. Fil-Ġermanja, l-qasma kienet iswed fuq l-abjad – ħajt li qasem il-belt ta’ Berlin u li spiċċajna b’żewġ stati. Il-Lvant kontra l-Punent. Politika kommunista kontra dik li tħaddan prinċipji kapitalisti, fejn is-suq soċjali ekonomiku jiddetta. Spanja, il-qasma hija aktar griża – pajjiż b’ħafna nazzjonijiet fih innifsu u li joħloq qsim bejn politika ċentralista, nazzjonalista u ta’ seperatiżmu. Staqsi persuna minn Barċellona, n-nazzjonalita tiegħu u jirrispondik ‘Katalan’. Rivalità li titraxxendi ruħha b’mod spettakolari fil-logħba s-sabiħa u li tagħtina wieħed mill-aqwa derby fl-Ewropa – Barċellona kontra Real Madrid.

Fuq naħa tal-munita għandna pajjiż li jagħżel lil Angela Merkel, ċentru-leminista bħala l-kap tiegħu. Persuna li mqabbla mal-ex Prim Ministru Ingliż Margaret Thatcher, bejn għax mara bħalha u aktar importanti minn hekk għax tħaddan ideoloġiji simili li tawha l-laqam ta’ ‘The Iron Frau’. U min-naħa l-oħra għandna pajjiż li jeleġġi lil Josè Zapatero bħala l-Prim Ministru tiegħu li huwa aktar magħruf bħala ‘Mr Nice Man’, mill-Partit Soċjalista Spanjol. Merkel rebħet lill-pubbliku billi wegħdet nuqqas ta’ qgħad u anqas burokrazija. Zapatero rebaħ lill-pubbliku Spanjol billi wiegħed li jirritorna t-truppi Spanjoli mill-gwerra tal-Iraq, wiegħed livell ta’ edukazzjoni aħjar u żied il-paga minima, kif ukoll legalizza żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess. Jidher li fi Spanja l-moralità għadha punt li trebbaħ u ttellef elezzjoni. Il-vjaġġ innifsu huwa meqjus importanti daqs id-destinazzjoni.

Qabel ma beda dan il-kampjonat, kellna xi ħadd li jġorr aspettattivà, u ieħor li għandu ħolma, li dejjem ikollu qabel jibda kollox u ddumm għall-ewwel ftit imma titfarrak malli ssib l-ewwel iebes. Bħal mewġa li tara ġejja mill-bogħod kollha arja, u żżid fit-tul u l-għoli tagħha, tibla’ l-iskollijiet żgħar imma tispiċċa f’ragħwa malli ssib l-blat għoli. Spanja għelbet l-iskollijiet kollha b’ċertu stil u meta kien hemm bżonn b’reżilenza. L-attakk għamel xogħolu u skorja mingħajr ma kien ta’ detriment għad-difiża fejn f’ħames logħbiet ikkonċedew tlett darbiet biss. Mal-istil ma ġietx sagrifikata s-sustanza. Il-qalziet ġie meħjut sabiħ bħas-soltu u l-bwiet ma tħallewx imtaqqba għax ma jidhrux. U meta kien hemm bżonn jiġi mxammar ħalli jgħaddi mix-xmara li s-soltu tbeżża’ għax fiha ħafna stejjer ta’ sfortuni ma ddarrasx.

Ir-reżilenza leġġendarja Ġermaniża ma ddiżappuntantx. Sabet ruħha minn taħt u rrispondiet bħas-soltu. Webbset rasha bħas-soltu u bħas-soltu għaddiet tagħha. U issa sabet ruħha f’post li ilha ma ssib ruħha fih sitt snin u qiegħda taspira għall-podju li ilha ma titla’ tnax –il sena.

Il-Liga kontra l-Bundesliga, paella kontra frankfurters, rioja kontra birra, Löw kontra Aragones, Ballack kontra Senna, Shweinstiger kontra Silva, Klose kontra Torres. Stennija kontra ħolma, sudizzjoni kontra tehmiża.

Se jkollna stennija li tikkonferma ruħha, jew ħolma li ssir realtà. Kuntrasti u diversità magħqudin flimkien.

Friday, June 20, 2008

L'Oranje

Jimlew l-istadju bl-oranġjo, kulur li jiżboq kull kulur iehor bil-faċilita ta’ larinġa li meta tħallatha mal-vodka ġġiblek it-tazza lewnha. Biss bħall-vodka jagħtuk dik id-dehxa, jekk qiegħed tilgħab kontra u bħal-laringa jtaffulek l-ispirtu tal-vodka jekk qiegħed issegwi bħala spettatur newtrali, u d-dehxa tal-vodka tibqa’ hemmhekk biex tnessiek il-mundanità tal-ġurnata.

Kowċ mingħajr wisq esperjenza imma l-preżenza tiegħu titlob rispett għax wiehed mill-kbar kemm fl-Olanda, Milan u l-bqija tal-Ewropa. Għall-plejers Olandizi din tiswa ħafna. Is-soċjetà Olandiża tistmerr l-awtorità. Ir-rispett ma tiksbux bil-pożizzjoni. Ir-rispett tiksbu b’għemilek u bir-riżultati. F’dan il-kampjonat għamel kollox għoxrin sena’ ilu fl-1988, meta kien parti minn tim u skorja l-isbaħ gowl individwalista. Ħa u ta mit-tnejn, tema’ u kiel fl-istess ħin.

U flok is-soltu ġlied u battibekki, tidher li qiegħda tirrenja ċertu għaqda u spirtu ta’ ħbiberija. U meta tkun magħluq flimkien għal ġimgħat sħaħ, il-bżonn ta’ dan kollu huwa imperattiv. Għax jekk qiegħed taħdem ma’ min ma tantx tniżżel agħar milli għandek xi tgħid ma’ tad-dar. Trid tqatta’ ħin mall-kollegi aktar milli ma’ tal-familja. Ikkunsidra li qegħdin nitkellmu fuq logħba ta’tim sħiħ u skwadra, u l-importanza timmultiplika.

Il-polza tellgħathom fi grupp li tlaqqam tal-mewt. Taffew il-laqam fl-ewwel logħba mat-Taljani u rredikolawha fit-tieni logħba kontra Franza meta umiljaw lill-Blues, qatgħu biljett għall-kwarti tal-finali u għaqqdu seba’ gowls f’żewġ logħbiet kontra ir-rebbieha u l-finalisti tat-Tazza tad-Dinja ta’ sentejn ilu fi spazju ta’erbat’ijiem. Seba’gowls li kienu bizzejjed biex ovvjament jtellgħuhom fis-seba’sema.

U jumejn wara, urew is-saħħa fonda fl-iskwadra meta b’disa’ tibdiliet għamlu li m’ghamlux Franza u l-Italja billi għelbu lir-Rumanija b’ċertu facilità. U l-integrità ta’ Van Basten ma tmissetx. Wettaq it-tibdiliet fit-tim tiegħu, tibdiliet li kellu kull dritt li jwettaq biex it-tim tiegħu jibbenifika aktar il-quddiem, dritt li nkiseb biż-żewg rebħiet fil-ġimgħa ta’ qabel u f’isem l-isportività għamel minn kollox biex jeghleb lit-tim ta’quddiemu anke jekk jaf li seta’ elimina wieħed minn żewġ favoriti ohra. U l-momentum tat-tim ħallieh għaddej.
Sa issa Van Basten u l-klan sħiħ tiegħu paxxa l-għajn, waqt li għadda mill-eżami tal-kuxjenza. Il-larinġa qisha tal-istampi u minn ġewwa mhux mittiefsa

Saturday, June 7, 2008

Fejn kont?

Bil-Kampjonati Ewropej issa magħna, kont fuq is-sit tal-UEFA u hawnhekk inzertajt ħames mill-aqwa gowls li ġew skurjati f’din il-kompetizzjoni. Ħames gowls minn żminijiet differenti, plejers differenti, eri differenti u ċirkustanzi personali differenti. Bħala wieħed li l-emozzjonijiet u l-fanatiżmu tiegħi dejjem investejthom fi klabb wieħed, ħafna drabi ma jkun baqa’ xejn x’tinvesti lejn tim nazzjonali u kompetizzjoni bħal din. Li ntendejt iżda li minn dawn il- ħames gowls, ftakart fejn kont u x’kien għaddej minni dak iż-żmien f’erbgħa minnhom. Mhux sempliċiment il-logħba s-sabiħa imma ankè l-logħba tan-nostalġija.




Zinedine Zidane vs Ingilterra, Ewro 2004

Kont il-klabb tagħna. Għal xi raġuni qatt ma nsejjaħlu l-każin, imma dejjem il-klabb. Il-każin, dak tal-banda. Mal-ġurnata kont qiegħed Għajn Tuffieħa u niftakar bdew jidħlu r-riżultati tal-ħames MEP Maltin. U fil-għaxija erħejtha lejn il-klabb, l-istess post fejn qattajt staġun sħiħ inqatta qalbi, imma llum bdilt il-post tiegħi. Minflok bil-wieqfa quddiem it-televiżjoni, kont fuq is-sufan, jew aħjar bank bil-cushions, rilassat insegwi minn distanza. L-Ingliżi marru 1-0 minn fuq u ftit wara David Beckham falla penalty. L-istima eżorbitanti ta’ dan il-plejer qatt ma stajt nifimha. Imma umbgħad illum barmil żejt jlaħħaq $139. Plejer tajjeb iva, imma kbir le. Imma miegħu dejjem ġarr ċirklu sħiħ miegħu u li bħalissa qiegħed l-Istati Uniti jikkonferma li Alla jlaqqa’.

Fil-ħin miżjud, Franza rebħu free-kick, ftit barra mill-kaxxa l-kbira. Zinedine Zidane ħa l-inkarigu. Zidane għalija kuntlarju għal min kif għadni kif semmejt kien plejer enormi mhux sempliċiment tajjeb u sa issa wieħed mill-aktar plejers favoriti tiegħi li qatt ma libsu l-flokk aħmar ta’ Liverpool u li nitpaxxa nħares lejh biss. Qatt ma kellu ċirkli jduru miegħu u dak fil-kotba tiegħi jtellgħulu ħafna punti żejda. Umli u fl-istess ħin juri superjorità. Stramb u fl-istess ħin meta toħroġ tridu miegħek. Kuntrast ta’ karattru li jitrasmettieh fil-logħba tiegħu. U dakinhar fl-aħħar ħinijet hekk reġa’ kkonfermah. Ħares naħa u tefa’ l-ballun fix-xibka n-naħa l-oħra, b’kuntrast ta’ sempliċità ma’ ġenjalità.
João Pinto vs Ingilterra, Ewro 2000

L-Ingliżi dak iż-żmien kienu taħt Kevin Keegan, kowċ li jħobb jattakka daqs li kieku qiegħed jilgħab fit-triq. Kieku kien tabib, tmur għandu b’tqaħqiħa u jispiċċa jaqlalek griżmejk ħa jkun ċert li ma terġax tqaħqaħ darba oħra u ta’ madwaru jgħidu kemm iħobb ix-xogħol.

Kienet ġurnata fejn kelli darsa ilha ttektek u bdejt nixrob il-vodka biex inmewwitha. L-Ingliżi sabu ruħhom 2-0 minn fuq imma l-Portugiżi bdew ġejjin u sabu d-dro b’dan il-gowl mill-isbaħ, fejn wara kross Pinto qabeż minn tulu u ħa l-ballun bir-ras. Il-ballun ħabat mal-lasta imma bħala ġustizzja mal-qabża tiegħu l-ballun daħal ġewwa.

L-għada mort għax-xogħol normali imma kelli nitlaq wara ftit għax id-darsa baqgħet ittektek u x-xogħol ma kienx hemm vodka. Id-dentist iżda ma kellux x’jaqsam ma’ Keegan. Qalgħali d-darsa biss flok ix-xedaq sħiħ.


Vladimir Beschastnykh vs Repubblika Ċeka, Ewro 1996

Kien is-sajf tal-1996. Is-sena li spiċċajt il-ħames snin tal-iskola sekondarja u għal darba l-eżamijiet kienu tlestew qabel il-kampjonati. Bdejt intiehem aktar il-liberta li ridt insostni bl-ewwel xogħol tiegħi tas-sajf. Dakinhar ta’ dan il-logħba kien hemm il-Ġermanja u l-Italja mill-istess grupp fl-istess ħin. Niftakarni nispiċċa ftit qabel mix-xogħol ta’ waiter u ma’ min kont naħdem wassalni sal-pjazza. Kien baqagħli ftit ieħor biex nasal id-dar u biex ma nitlef xejn dħalt fl-ewwel bar ħa nsegwi x’inhu għaddej. Kien il-Lord Nelson, li llum minn bar fejn kien il-mekka ta’min iħobb il-logħob tan-nar inqaleb f’ristorant ta’ ċertu klassi. U flok logħob tan-nar x’aktarx jissemmew ħafna logħob ta’ figuri min-negozjanti jippranzaw.

Dan il-gowl attwalment ma rajtux iseħħ direttament. Ħasra. Beschastnykh irċieva l-ballun f’territorju mejjet, dar u flok ra lil min ħa jqassmu, fajjar xutt fejn il-gowler qatt ma seta jġib. B’dan il-gowl it-Taljani kienu jgħaddu mill-grupp, imma li baqa’ f’moħħi u bħalissa qed narah ċar daqs il-kristall li eżatt wara li dħalt fil-bar iċ-Ċeki ġabu d-dro, li fisser li biċ-ċirkustanzi kif inhuma t-Taljani jinqalgħu. It-televiżjoni tal-Lord Nelson ovvjament kien fuq il-logħba tat-Taljani imma għamel kollegament malajr ma’ Anfield, fejn kienet qed tintlgħab il-logħba tar-Russi. U wara ffoka fuq Arrigo Sacchi li kien il-kowċ tal-Italja dak iż-żmien. U kien bniedem li jew tħobbu jew tobogħdu u niftakar kulħadd fil-bar jagħmel il-qrejjen lejh.

U wara tlajt bil-mod lejn id-dar, f’dik l-arja sajfija nidħak għax it-Taljani nqalgħu.


Marco Van Basten vs Russja, Ewro 1988

Żgur l-aktar gowl spettakolari minn dawn l-erbgħa u l-aktar sinjifikattiv meta tqis li sar fil-finali u wassal lill-Olanda jirbħu l-ewwel unur internazzjonali. Li m’għamilx Johann Cruyff, għamlu Van Basten u sħabu. Kross minn fuq ix-xellug lejn Van Basten, fejn dan tal-aħħar kien f’pożizzjoni angolatissima. Disgħa u disgħin plejer minn mija kien jara kif se jqassam lura. Ma kellu ebda dritt jiskorja. Imma Van Basten kien wieħed minn dawk il-wieħed minn mija jew aħjar minn elf li s-sens komun ma kienx jgħodd għalih għax kien ‘il fuq minnu u b’volley sammar il-ballun fix-xibka. Flok sempliċiment jirrestawra joħroġ arti oħra mit-tiġrif.

Dakinhar b’moħħ ta’ tifel dan il-gowl m’apprezzajtux wisq. Fil-fatt żammejt kontra l-Olanda, għax Van Basten, Gullit u Rijkaard kienu mal-Milan. Nofs il-klassi kienet magħhom, jien kont l-uniku wieħed mal-Liverpool u kienu jaqbdu miegħi. Niftakarni r-Russi kienu jiġbduni wkoll, bil-flokk kollu aħmar u CCCP fuq il-flokk. U missieri dejjem jgħidli li r-referees dejjem kontrihom għax Kommunisti. U l-ġibda lejn il-ħmar magħkus minn dejjem kienet hemm. Dakinhar imma lagħbu bl-abjad. U dakinhar għamel differenza għalija għax mort għand ħabib tagħna nara l-logħba biex naraha fuq it-televiżjoni tal-kulur flok fuq il-black and white tagħna.

Mitt elf skrin plasma llum imma diffiċli juru gowl isbaħ minn dan.

Wednesday, May 21, 2008

Tnejn ħżiena

Il-bogħod mill-yada yada kemm jista’ jkun. Ma niflaħiex dis-sena. Xi ħaġa li dejjem kellha ċertu mistiċità marbuta magħha, u ġġagħlni noħlom, b’memorji li jġiegħluk timxi fuq il-baħar u wara tgerger li xarrabt il-qiegħ ta’ saqajk, tidher hemm qisha qaħb, imqaċċta kollha, u mimlija fwieħa tal-bottijiet minn fuq il-monti, biex jekk ma tarahiex, ixxommha, fi triq fejn ankè l-ġrieden tad-drenaġġ jaħsbuha darbtejn jekk jgħaddux minnha jew le.

Tnejn ħżiena ma jagħmlux waħda tajba, u għażla bejn żewġ ħżiena hija ċirkustanza aktar nawżjatika. U meta jiddaħħal fiha x-xinxilli tal-plastik, l-istonku aktar jibda jdur aktar, bħal meta toffri xi biċċa ġobon tat-tursina lil min ma jħobbx il-ġobon. Ir-riħa tiegħu x’aktarx anke lil min iħobb il-ġobon iddejjaq.

U bħalissa l-istess bħar-riħa tal-ġobon tat-tursina, diffiċli tevitaha. Għax donnu għamlet ix-xita u n-nies bħall-bebbux toħroġ iddur u tagħqad tfittex jew tilgħaq. U jien, x’jien nagħmel? Qiegħed naħrab ir-realtà? Jew qiegħed naħrab ix-xinxilli għax dejjem kont aktar dilettant tal-matt.

Bħalissa l-ġuħ qiegħed jagħfas, u l-platt qiegħed fil-kċina. Imma hemm televiżjoni jagħti u bħalissa qiegħed narah agħar milli ġobna tat-tursina, qisu ġobon tas-sajjieda, u aħjar bil-ġuħ milli bil-ħruq ta’ stonku.

Friday, April 18, 2008

Sitta u Disgħin

Kien żmien differenti. Kien żmien ieħor. Dsatax –il sena ilu, l-logħba tal-ballun u dak kollu li ġġib magħha kienet annimal ieħor. Ma kienetx fuq it-televiżjoni l-ħin kollu. Ma kienx hemm personalitajiet jilgħaqu mal-madwar. Ma kienx hemm il-kuntratti tal-lum, b’żeri fuq wara aktar minn minn lira antika Taljana, jew taż-Żimbabwe bħalissa. Xalpa u biljett fil-but ta’ wara kien iġorr stigma. Bħal meta f’cafè mimili pretensjonijiet, tordna t-te’ ġo tazza. Jidħku bik.

Imma l-istigma ma twaqqfekx milli tħobb. Għax jekk fl-istigma hemm tistrieħ u taħrab, it-tebgħa ma timpurtakx. L-aktar, l-aktar tgħattiha b’xi ħaġa. U hekk kien għal ħamsa u għoxrin elf persuna, nhar is-Sibt, 15 ta’ April, 1989. Marru għas-semi-finali, lejn Sheffield, fl-istadju bl-isem ta’ Hillsborough. Il-Kummissarju nkarigat kien ġdid, ċertu wieħed Peter Duckenfield. Bħal meta kowċ ibiddel il-goal keeper qabel penalty. Imma forsi meta t-tim l-ieħor ma tirrispettahx u ma jġorrx wisq piż, ma tiddarrasx. U l-ħamsa u għoxrin elf daħlu, wieħed wara l-ieħor fil-gaġġa. Anzi f’erba’ gaġġeg, ta’ wara l-lasta. Ħadid jaqsam il-biċċa ta’ wara l-lasta f’erba’. Il-ġnub sparsi, u n-nofs jitgħaffġu. Ma kienx hemm min imexxi. Ejja ħa mmorru. Il-logħba ma ttardjatx. Ejja ħa neħilsu.

Ix-xemx għal darba ħarġet, imma mhiex tintlaħaq. Mhiex tinħass. Jinħass biss pandemonju, u l-arja kiesħa tal-mewt. U l-gradi ta’ quddiem jirreżistu. In-nifs jinżamm mhux bl-eċċitament imma bil-paniku. Awtoritajiet b’idejhom marbuta, imbeżża li jista’ jisfrattalhom xi żiemel u jarmihom mal-art. Ma kellhomx x’jinkwetaw. L-art kienet tat-tajjar u kien hemm jgħatti. Għax gvern konservattiv jista’ qatt jeħodha kontra min qiegħed jieħu ħsieb erba’ delinkwenti?

U sitta u disgħin jaraw il-flokk aħmar għall-aħħar darba. Sitta u disgħin familja titfarrak darba għal dejjem. Waqt logħba noli, ħarbu il-bogħod iżżejjed, inbarmu u qatt ma rritornaw. U min jaf hux aħjar jew agħar. Imma l-logħba tilfuha darba għal dejjem, u l-logħba ma baqgħet qatt l-istess mingħajrhom.

U l-qraba għadhom ifittxu t-traċċi ta’ x’ġara sew, bl-insulti ta’ kumpilazzjoni ta’ erba’ karti li ġġib l-isem tal-ħaġa li l-Gran Brittanja l-aktar nieqsa minnha jidwu ġo widnejhom. U l-inkjesta ta’ Lord Taylor ġġib ftit serħan. Serħan ta’ ftit minuti għax is-saqqu għadu iebes u ma jiflaħx raqda sħiħa.

U sadanittant l-istadji nbidlu, u minn gaġġeġ għandna il-miftuħ. U sit biex tpoġġi fuqu. U nies li ma jafux x’ġara eżatt dakinhar paxxuti fuq is-sit meta kieku mingħajr dak is-sit qatt ma resqu ‘l hemm. U mal-anniversarju kellna qassis jixgħel sitta u disgħin xemgħa.

U l-għada żewġ Amerikani komplew jillitikaw ta’ min għandu jibqa’ fil-bord u min le.