Sunday, June 3, 2018

Is-sitwazzjoni fil-Venezwela – sewda aktar minn ħalq ta’ lupu



Il-Venezwela mhix se tkun rappreżentata fit-Tazza tad-Dinja, imma bħalissa rappreżentata b’mod eżaġerat fl-aħbarijiet dinjija.  Ftit jiem ilu, il-president Nicolas Maduro, l-eredi tal-kariżmatiku Hugo Chavez reġa’ ġie elett bħala l-president tal-pajjiż imma dan ir-riżultat sempliċiment ikkonferma kull dubju li kien hemm fuq dan il-persuna tant li pajjiż wara ieħor qiegħed jiddikjara li mhux se jirrikonoxxi ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni meqjusa bħala frawdolenti mill-bidu sal-aħħar.  Forsi l-idjoma Venezwelana, ‘aktar iswed minn ħalq ta’ lupu’ hija sfortunatament l-aktar mod brutali imma preċiż li tista’ tiddeskrivi s-sitwazzjoni preżenti.  F’pajjiżna għandna komunità ta’ Venezwelani u għalhekk ħassejt li huwa dmir li nisimgħu aktar milli minn ħalq il-lupu, minn dawk li għexu u għad għandhom qrabathom f’pajjiż li bħalissa jidher mimli ilpup.

Ma’ min tkellimt mhux kulħadd wasal Malta bl-istess mod.  Min qiegħed Malta wara li kien Spanja, min ġie dirett mill-Venezwela u min qiegħed hawn għax applika għal ażil minħabba li xogħlu ta’ ġurnalista ġabu fl-inkwiet mal-awtoritajiet tal-pajjiż, imma kollha jibdew billi jirrakuntaw l-istess sitwazzjoni, “Fil-pajjiż hemm skarsezza enormi ta’ ikel u mediċini.”  Persuna minnhom tgħidli li bħalissa ma tistax taqbad u tmur is-supermarkit meta trid inti.  Tista’ tmur biss skont in-numru tal-karta tal-identità tiegħek.  Jekk pereżempju n-numru tal-karta tal-identità tiegħek jispiċċa bin-numru tlieta, tista’ tmur biss it-Tnejn.  Aktar minn hekk ċerti prodotti huma biss disponibbli għal min juri l-karta ta’ sħubija fil-partit ta’ Maduro, li ovvjament tmur kontra l-kostituzzjoni tal-pajjiż.  Ħafna drabi dawn huma prodotti li ġejjin mill-Messiku u lanqas jgħaddu minn kriterji bażiċi sanitarji.  Imma n-nies xorta tistenna fil-kjuwijiet għal sigħat sħaħ sabiex takkwista il-lussu ta’ kilo dqiq.  L-ikel neċessarju sar il-prijorità għall-Venezwelani.  Ma tistax taħseb kif se ttejjeb lilek innifsek, x’tixtieq tistudja jew x’tixtieq tinvesti għax moħħok jaħdem biss kif se takkwista l-ħobża għal dik il-ġurnata.  Il-mediċini daqstant ieħor skarsi, imma dawn ikkonvertew ruħhom f’lussu.  “In-nuqqas ta’ mediċina qed iwassal li jmutu n-nies minħabba l-iċken infezzjoni, riħ jew ażma.”

Meta nistaqsi jekk jweġġagħhomx il-fatt li l-Venezwela hija l-ħin kollu fl-aħbarijiet, it-tweġiba hija daqstant ieħor unanima.  “Le.”  Kuntrarju ta’ hekk, jinħass ħafna għatx li l-komunità internazzjonali tkun taf x’inhu għaddej f’Caracas u l-bqija tal-Venezwela.  “Għandna bżonn l-għajnuna sabiex inwaqqgħu dan ir-reġim narko-dittatorjali.  Li jweġġani l-aktar huwa li biex ngħid xi ħaġa pożittiva fuq pajjiżi għandi bżonn nikkonjuga l-verbi fil-passat.”  Wieħed minnhom jgħidli li aktar milli uġigħ iħoss mistħija, kif ukoll frustrazzjoni li ma jista’ jagħmel xejn minn hawn ħlief li forsi jgħin lil qrabatu bil-ftit flus li jista’ jibgħat minn hawn.  Persuna oħra tgħidli li jweġġagħha huwa mhux l-aħbarijiet imma l-fatt li dan kollu ġab lil Venezwela bħala l-pajjiż bl-akbar rata ta’ omiċidji fid-dinja waqt li Caracas sena wara sena qiegħda tikkonferma ruħha bħala l-aktar belt perikoluża fid-dinja.  L-effetti ta’ dan kollu ovvjament ukoll qed jinħassu mal-bqija tal-Amerika ta’ Isfel.  Ħafna Venezwelani qed jispiċċaw jaħarbu mill-pajjiż u jippruvaw isibu kenn u ħajja aħjar f’pajjiżi bħall-Kolumbja, Brażil, Perù, iċ-Ċile u Ekwador.  “Ħadd mhu jemigra għal xejn b’xejn imma sempliċiment minħabba raġunijet ta’ sigurtà u motivi umanitarji.”

Ħafna drabi l-ġudizzju fuq tmexxija jkun l-aktar ġust meta jintiżen il-legat li din tħalli warajha.  Hugo Chavez kellu ċertu kariżma, u nimmaġina li ħafna nies, jiena wieħed minnhom, kellhom introduzzjoni lejn il-Venezwela minħabba fih.  Illum ilu ħames snin mejjet.  Nicolas Maduro, il-president attwali ġie magħżul minnu.  Għalhekk il-mistoqsija hija, Chavez kien isib soluzzjoni għal x’qed jiġri bħalissa, jew dan kollu huwa konsegwenza tat-tmexxija tiegħu?  Din id-darba, il-kelma unanima li ntużat għal din il-mistoqsija hija “aċċelerazzjoni”.  Il-kriżi teżisti kawża ta’ ħafna deċiżjonijiet ta’ Chavez.  Il-gravita tas-sitwazzjoni kienet ilha tiġbed lill-pajjiż ‘l isfel, Maduro, bl-inkompetenza u korruzjoni tiegħu sempliċiment żied aktar tagħbija sabiex kull waqgħa tkun aktar b’tisbita.  “Chavez kien oratur, u kien kapaċi jinħeba wara maskra li ppermettitlu jżomm il-poter.  Fi żmienu ż-żejt għola b’mod inkredibbli, (u għal pajjiż li għandu dan ir-riżors, is-sitwazzjoni kienet manna mis-sema), imma minflok mexxa l-pajjiż aktar il-quddiem bis-saħħa ta’ hekk, seraq kemm felaħ u llum qegħdin fejn qegħdin.”  Chavez innazjonalizza ħafna kumpaniji kbar tal-pajjiż.  Minn simenteriji, sa kumpaniji tal-ħalib, sa lukandi sa ċentri taz-zokkor.  Dan kollu ta lok għal aktar u aktar korruzjoni. L-akbar diżastru iżda kien il-kontroll strett tal-lira Venezwelana, il-Bolivar, fejn irrestrinġa lill-Venezwelani milli jużaw id-dollaru Amerikan.  Waqt dan il-kontroll strett, ħafna kumpaniji ġew imwaqqfa bi skopijiet kriminali fejn kienu jitolbu d-dollari Amerikani bi prezz speċjali bil-premura li jimportaw il-prodotti elementari lejn il-pajjiż.  Iżda l-fatt huwa li ħafna minn dawn il-kumpaniji mhux veru kienu joperaw u l-uniku skop tagħhom kien li jbiegħu l-istess dollari Amerikani fit-triq b’mod illegali u jagħmlu profitt kbir minn fuqu.  Il-kumpaniji l-oħra legali li kienu jimxu kif suppost kellhom anqas aċċess għad-dollaru Amerikan minħabba li l-proċess ta’ bejgħ ta’ dollaru Amerikan kien isir permezz ta’ rkant.  Il-kumpaniji illegali baqgħu jgħollu u jgħollu r-rata tal-Bolivar vis-a-vis id-dollaru Amerikan u minħabba f’hekk splodiet l-inflazzjoni.  Il-gvern kellu jirregolarizza l-prezz tal-prodotti bażiċi bħal ħalib, ħobż, dqiq u mediċina, imma spiċċa jħallas prezz għoli wisq għalhekk.  Dan il-kontroll wassal lill-pajjiż fis-sitwazzjoni redikola li f’ħafna drabi l-materja prima saret tiswa aktar mill-prodott innifsu.  Kumpaniji kbar li kienu ilhom jaħdmu fil-pajjiż għal aktar minn erbgħin sena bħal Kellogs, Chevrolet u Firestone kollha għalqu l-fabbriki tagħhom fil-pajjiż u dan wassal sabiex ħafna prodotti jiskarsaw aktar.  F’termini ta’ numri, matul is-sena li għaddiet, l-inflazzjoni kienet qrib l-2000%, numru akbar minn dak tad-dinja kollha f’daqqa.

F’sitwazzjoni hekk l-elezzjoni kapriċċ.  L-aħħar ftit enerġija li kien baqgħalhom dawn il-Venezwelani kienet kemm jikkonfermaw l-assurdità li għaddej minnu l-pajjiż.  L-elezzjoni ma kienetx imsejjħa mill-Parlament Nazzjonali imma minn Assemblea li ġiet kreata fl-2017 minn Maduro stess waqt li l-kummissjoni elettorali kienet imsawwra min-nies qrib tiegħu, u numru ta’ partiti li qegħdin joffru oppożizzjoni ġew illeġitimizzati.  Il-fatt li l-pajjiż għandu aktar minn mitejn priġunier politiku jitkellem waħdu.

Meta qed tiġġieled kontra lupu li diġà ħatfek minn għonqok, tista’ biss issejjaħ għal għajnuna esterna.



Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa ta' nhar il-Ħadd, 3 ta' Ġunju, 2018.

No comments: