Tuesday, March 27, 2018

Il-kotra qamet f'daqqa


U l-kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikasbarni, - miskin min jidħak bija!”

Hekk kienet il-burdata ta’ dan il-pajjiż bħal-lum ġimgħa.  Biss ma naħsibx li Rużar Briffa ħassu kburi b’min ħanxar dawn il-versi.  Għax jekk artist joħloq biċċa arti ma jixtieqx jara xogħlu biex jingħalqu l-imħuħ, u biex tintuża bħala żbandola lejn min hu differenti minnu sabiex għal ftit minuti jħoss superjorita.
F’dinja tal-annimali, it-tiġieġa li tbid bajda ma tixtieqx tara frottha titwaddab lejn ħaddieħor sabiex tumiljah, imma bħala ikla u sustanza. 
Forsi wkoll bħala dermatologu, li kieku għadu ħaj u ma ħalliniex qasir il-għomor, il-poeta Briffa kien ikun jista’ jispjega aħjar kif il-ġilda tagħna l-Maltin taf tkun sensittiva għall-aħħar fuq xi ħaġa, imma ħarxa u tiflaħ għal kollox f’sitwazzjonijiet oħra.

Aħbar ta’ ġuvni ta’ erbgħa u għoxrin sena jitlef ħajtu traġikament hija dejjem kerha biżżejjed biex tħassar burdata ta’ Ħadd filgħodu li minkejja li għadu Marzu sebaħ bix-xemx tiddi u l-baħar ikħal ileqq.  Biss minflok il-pajjiż ħass dieqa lejn dan it-tali u rrifletta fuq il-ħafna tajjeb tiegħu, ħass biss mibegħda lejn kull persuna li ma nzertatx twieldet fuq din il-blata.  Ovvjament kull min inzerta twieled fil-Bulgarija u bħalissa qed jgħix f’dan il-pajjiż sar għadu pubbliku numru wieħed tal-poplu ħanin Malti.  Il-Bulgari nbidlu f’għedewwa pubbliċi numru wieħed.  Ħafna saru mħallfa, jaħilfu li kellhom il-poter f’idhom jiddeportaw ‘il barra kull min ġie minn dan il-pajjiż li għandu bandiera bajda, ħadra u ħamra, u li għal numru sew ta’ Maltin jfisser btala mingħajr ma tiżbanka.  Min ma għamilhiex ta’ mħallef, għamilha ta’ avukat tax-xitan.  Qabel biss rifes l-għatba tal-qorti, numru ta’ gazzetti lokali ppubblikaw ritratt tal-persuna li allegatament b’daqqa ta’ ponn bagħat lil xi ħadd id-dinja l-oħra.  Xprunaw it-theddid u l-kżenofobija.
Paceville, minn post ta’ paċi kif wara kollox jixhed ismu ġie ddikjarat bħala post ta’ gwerra ċivili bejn Maltin u barranin.

It-Tnejn filgħodu sebaħ jum ġdid.  Kellu jkun il-jum li fih adoloxxenti Bulgaru, wieħed mill-ħafna mijiet li hawn f’Malta li apparentement jaħdmu hawn u qed jgħinu ekonomija ta’ gżira tara numri li qabel qatt ma ħolmot bihom jittella’ l-qorti.  Filgħodu, il-postijiet tax-xogħol flimkien mal-ħwienet tal-merċa, tat-te, u l-ġodda li għandna tal-kafè inbidlu fi qrati.  Is-siti soċjali komplew bil-kżenofobija u razziżmu tagħhom tant li s-sit ta’ Facebook kellu jimblokka il-paġna tal-allegat qattiel.  Sadattant, permezz ta’ poster b’Malti mkisser il-Moviment Patrijotti Maltin ħabbru li lejn tmiem il-ġimgħa se jorganizzaw dimostrazzjoni għax it-tfal Maltin qegħdin jiġu msawwta mil-barranin.

Wara, ħarġet aħbar.  Ma kienetx aħbar bi statistika li tgħid li Paceville bħala post notturn dejjem kellu ċertu inċidenti, anke meta kien ikun hemm kważi Maltin biss, tant li għal ħafna żgħażagħ Maltin li jitħallew imorru f’Paceville kien qisu qed jitolbu viża mingħand il-ġenituri tagħhom.  Jiena kont wieħed minnhom.  Lura fid-disgħinijiet, Paceville ħalla mpatt anke fuq Frans Sammut, il-kittieb ċelebri ta’ Il-Gaġġa u Samuraj fost oħrajn,  tant li kiteb rumanz b’dan l-isem.

Le, l-aħbar kienet li l-persuna Maltija li tilfet ħajjitha ma nstabitilha ebda sinjal ta’ vjolenza fuqha.

Ma ħarġux wisq apoloġiji.

Sadattant jidher li kollox mar għan-normal.  Il-problemi kollha tal-pajjiż mhux minħabba l-Bulgari għax wara kollox dawn mhux suwed u ma jagħtux daqstant fil-għajn.  Il-mibegħda lejhom kienet temporanja.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-Ħadd, 25 ta' Marzu, 2018.