Għal ħafna, il-logħba tal-ballun mhijiex sempliċi logħba. Hija ħafna aktar minn hekk. Lura fis-sittinijet pereżempju l-Iskoċċiż
Bill Shankly, dak iż-żmien manager tal-klabb Ingliż Liverpool F.C. ddikjara li
l-futbol mhuwiex kwistjoni ta’ ħajja jew mewt, huwa ħafna aktar importanti minn
hekk. Kien hemm żmien fejn jiena
personali kont nemmen dan. Meta llum
inħares lura u nerġa’ nixtarr din id-dikjarazzjoni nirrealizza kemm Bill Shankly
kellu viżjoni dejqa tal-ħajja. Kif
jista’ logħba sempliċi tkun aktar importanti mill-ħajja, speċjalment meta xi snin
wara l-istess klabb li huwa stess kien imexxi għadda minn żewġ traġedji li
ħallew fuq mitt mewta.
Din il-persuna għandu statwa f’Liverpool
fejn taħt persuntu hemm imnaqqax ‘He made the people happy’ – ‘Ferraħ
lin-nies’. Dażgur li ferraħ in-nies,
imma ma jistax ukoll li aljena n-nies fejn ħalliehom jintilfu fil-futbol
minflok jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?
Dan huwa argument li ma jispiċċa qatt u fl-istess ħin ukoll ħafna jgħidu
li l-logħba tal-ballun hija mod ta’ kif inti tista’ taħrab it-toqol tal-ħajja.
Saru wkoll diversi studji li jgħidu li
ħafna drabi l-futbol jirrifletti l-ħajja tal-persuna u sussegwentament
il-pajjiż. Pereżempju t-tim Ġermaniż
huwa normalment dixxiplinat, b’saħħtu, u ħafna drabi jasal fejn irid
jasal. It-tim tal-Brażil ukoll jirbaħ
ħafna imma jagħmilha b’mod ħafna aktar vivaċi u li ħafna drabi jitqabbel
mal-eċċessi tal-Karnival Brażiljan.
Din il-ġimgħa f’Malta kellna l-konferma li
numru ta’ plejers li (kienu) jilagħbu għat-tim nazzjonali ta’ taħt il-wieħed u
għoxrin sena kienu nvoluti f’korruzjoni f’logħbiet internazzjonali. Għal ħafna, logħbiet bejn żgħażagħ ta’ din
l-età huwa fost l-isbaħ futbol li tista’ tara.
Il-plejers għadhom żgħar, għadhom innoċenti, ikun hemm ħafna grinta u
ħafna passjoni. Allura d-dnub ta’ dawn,
jew ejja ngħidu hekk is-sitwazzjoni li ġiet rivelata quddiem għajnejna hija ħafna
aktar tal-biki milli tidher fuq il-karta.
Tista’ tgħid li l-flokk nazzjonali ma jfisser xejn, li l-Maltin minn
ċkunithom ibiegħu l-logħob, u li allura l-logħba tal-ballun lokali, li hija
meqjusa minn ħafna bħala medjokri, kif jixhdu r-riżultati, hija mħassra minn
għeruqha.
Jiena li kont inħobb il-logħba tal-ballun daqs dawl għajnejja llum il-ġurnata bil-kemm nagħti kasha. Aktar milli ma nagħtix kasha, ħafna drabi saret timbuttani ħafna. Aktar milli l-logħba nnifisha, jimbuttawni l-aħbarijiet ta’ madwarha, l-eċċess tagħha, it-trasferimenti statosferiċi li saru l-ħobża ta’ kuljum, u ovvjament il-korruzjoni ta’ ġo fiha. Ma nistax niġġustifika moralment klabb li jħallas mijiet ta’ eluf fil-ġimgħa lil persuna waħdu meta hawn minn m’għandux għaxja ta’ lejla. Jiena naċċetta li ma nistax inbiddel id-dinja, imma għallinqas nista’ ma nagħmilx parti minn ċirku li tilef kull sens ta’ proporzjonalita u ġustizzja soċjali. Fl-Ingilterra, sabiex tara logħba, ħafna drabi saret tiswik ħafna aktar milli tmur tara xi dramm fit-teatru. Forsi għal ħafna din ma fiha xejn ħażin imma rridu niftakru li l-logħba tal-futbol kienet meqjusa bħala l-ballet tal-klassi tal-ħaddiem.
Lura f’pajjiżna aħbar bħal din inħoss li
tikxef marda li għandna. Ħafna drabi
fejn naslu għalina huwa importanti ħafna aktar milli kif naslu. Ir-riżultat huwa kollox. Li xxaħħam hija normali, u naċċettawha. Ħafna drabi wkoll inġibu l-iskuża
bil-familja. Niftakar fl-istess ħin f’xi
films mafjużi, fejn nies orribli, u kapijiet tal-mafja jiġġustifikaw li għamlu
li għamlu għax għandhom familja x’jitimgħu.
Bħalikieku, huma biss għandhom familja x’jitimgħu. Mhijiex każ ta’ Malta biss. Pereżempju, wara li dan l-aħħar miet Toto
Rina u saret voxpop ma’ nies
mir-raħal tiegħu wieġbu li għallinqas meta kien ħaj hu, kulħadd kellu
xogħol. Il-virtu huwa minsi. Il-lira fil-but saret kollox.
Forsi wkoll imma nagħlaq billi nistaqsi kif
rarament il-midja Maltija kixfet każi ta’ korruzzjoni fil-futbol, u ħafna drabi
fuq programmi televiżivi l-kelma hija meqjusa bħala taboo.
Il-midja parti mil-logħba?
Dan l-artiklu deher oriġinarjament fuq It-Torċa tal-21 ta' Jannar, 2018.
Dan l-artiklu deher oriġinarjament fuq It-Torċa tal-21 ta' Jannar, 2018.