Monday, September 18, 2017

Meta l-kapparra ta' immigrant tinsteraq



Ibrahim, immigrant ta’ tletin sena, ilu Malta daqs seba’ snin, u ġej minn pajjiż tal-Afrika ta’ Fuq li ma tantx jissemma.  Jitkellem b’Malti diċenti, u ma jersaqx lejn it-Tiger Bar.  Għadu bla karti uffiċjali, u ta’ fuqu ħafna drabi jkunu senduqu għax lanqas sempliċi kont il-bank ma jista’ jiftaħ.  Wara sena detenzjoni, mar fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.  Ma tantx dam hemm, għax la rriskja ħajtu biex jitlaq mil-Libja, għalih ma kienx jagħmel sens li jgħix ħajja tat-tieni klassi.  Sab xogħol, li sa issa għadu fih, u ma’ sieħbu sab jikri post f’Birżebbuġia.

Dam jgħix f’dan il-post f’Birżebbuġia għal snin sħaħ u kien għoddu rabat qalbu ma’ dan il-post u raħal.  Imma bħal ħafna drabi f’ħajtu, kellu jbiddel.  Sid il-post iddeċieda li jwaqqa’ l-post fejn hu u sieħbu kienu joqogħdu u għalhekk kien kostrett li jsib kenn x’imkien ieħor.

Minn hawn u minn hemm sab kenn f’appartament fil-Gżira ma’ żewġ ħbieb oħra.  Minn kamra għalih, kellu jidra jaqsam kamra ma’ ħaddieħor.  Il-post tal-Gżira beda jarah aktar u aktar bħala post temporanju.  Beda jfittex.  Imma jew mhux sajjied tajjeb jew il-lixka tiegħu billi ta’ kulur skur ħafna, ħafna jitfantsu minnha, u meta jkellem lill-aġenti tal-proprjetà, aktar isib xuftejn jingħalqu milli bibien jinfetħu.  Imma darba fost l-oħrajn, deher xaqq ta’ dawl.  Waqt ħafna tfittxija bħas-soltu fuq Facebook, sab aġent li tah widen.  Qallu li għandu appartament f’raħal fin-nofsinhar ta’ Malta u jekk irid jiltaqgħu biex jarah.  Sadattant l-aġent bgħatlu xi ritratti tal-post.

Għal darba l-aġent żamm kemm kelmtu u kemm il-ħin, kombinazzjoni ftit rari.  Imma sfortunatament Ibrahim kellu jitqanna bir-ritratti ta’ fuq il-mobajl.  L-aġent infurmah li bħalissa hemm xi ħadd li qed joqgħod fl-appartament u ma jistgħux jidħlu.  “Imma tinkwieta xejn, daqt joħorġu.  Issa jekk trid iżżommu, jekk jogħġbok ħallasni 450.  Jekk ma ttihomlix intih lil ħaddieħor.”

F’ċirkustanzi normali, aġent bħal dan ixxommu jinten aktar minn ħuta ilha maqbuda jumejn u tħalliet barra ‘l bogħod mis-silġ.  Imma meta inti stess ikollok lixka li ħadd ma jrid, tibda tissuspetta li l-lixka tiegħek qiegħda tinten u mhux il-ħuta, u tibda tikkonvinċi lilek innifsek li sa fl-aħħar se jirnexxielek ikollok post diċenti għal fuq rasek.

Imma għaddew il-jiem, il-ġimgħat u dan il-post li Ibrahim ħallas il-kapparra fuqu qatt ma rah.  Ix-xahar inqabeż u minn wieħed saru tnejn.

“Min għandu l-post issa ma jridx jikrih, se nipprova nsiblek post ieħor,” beda jgħidlu l-aġent.
Wara ħafna ripetizzjonijiet ta’ din il-frażi, Ibrahim ried il-flus lura.
Imma din id-darba l-aġent la kien mobbli u lanqas żamm kelmtu.  Fl-aħħar minuta l-appuntament beda dejjem jitħassar.
Ftit aktar wara, l-unika tweġiba meta jingħafsu n-numru tal-aġent saret waħda awtomatika li tinformak li l-mobajl huwa mitfi.

Ibrahim irrealizza li mhux biss il-ħolma li jerġa’ jkollu post diċenti sfaxxat imma anke l-450 li tant għoroq għalihom saru rmied.
Staqsieni għall-għajnuna, u bdejna billi flimkien żorna l-għassa tal-pulizija qrib ta’ fejn joqgħod biex jagħmel rapport.  Laqgħana membru tal-korp tal-pulizija, li b’kortesija tkellimna fit-tul u wara li Ibrahim ħareġ l-irċevuta, b’sorpriża tgħallimna li n-numru tal-karta tal-identità kwotata kienet valida.  Meta isem l-aġent daħħaltu fis-sistema ta’ Google, sirt naf li l-persuna huwa magħruf mill-pulizija u li fil-fatt kumpanija tal-aġenti diġà tellgħetu l-qorti wara frodi u weħel sentenza sospiża.

Ġejna mgħarrfa li aħjar isir rapport uffiċjali fir-raħal ta’ fejn il-post kien se jinkera.  Wara ħafna drabi, li qisu Ibrahim u l-pulizija ma bdewx jinftehmu sal-aħħar, iddeċidejt li nerġa’ nakkumpanjah.  Ħadulu d-dettalji biex isir rapport uffiċjali, imma l-pulizija dehret idejha marbuta u bla saħħa ta’ x’passi tista’ tieħu.
Sadattant Ibrahim irid jerġa’ jmur l-għassa biex jgħaddi kopja tal-irċevuta għax fotokopja fl-għases jidhru għadhom ma waslux, u tant ieħor mhux possibli li tintbagħat kopja ta’ din l-irċevuta bil-posta elettronika.

Ibrahim se jerġa’ jiftaħ ferita u jieħu triq twila oħra lejn l-għassa.

Il-każ tiegħu ma jidhirx uniku.


* L-isem ‘Ibrahim’ huwa fittizzju.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq It-Torċa tas-17 ta' Settembru, 2017