Monday, August 7, 2017

Il-kriżi Venezwelana, ir-ross tiksbu bil-kuntrabandu

Il-vuvuzuela kienet għamlet ħafna ħoss madwar id-dinja meta l-Afrika t’Isfel organizzat it-Tazza tad-Dinja lura fl-2010.  Bħalissa iżda fl-aħbarijiet internazzjonali hija sfortunatament il-Venezwela li qiegħda tagħmel ħoss, li sfortunatament l-istess bħall-instrument li għadni kif semmejt mhux wisq ħlejju. 
Kont sorpriż ħafna meta rrealizzajt li hawn Malta fuq din il-blata tant mili ‘l bogħod tinsab komunità ta’ Venezwelani, u wara ftit ta’ stħarriġ irnexxieli niltaqa’ ma’ Venezwelana fuq patt ta’ anonimità fuq is-sitwazzjoni straordinarja ta’ pajjiżha.

Din il-persuna, li għall-fini ta’ dan l-artiklu se nsejħilha Alejandra, hija ta’ karnaġġjon ftit ismar, kważi kważi titfixkilha mal-Maltin, imma l-lingwa Spanjola tagħha u forsi anke t-tbissima li tagħtik dirett f’għajnejk meta tiltaqa’ magħha mill-ewwel jikxifha li ġejja mill-Amerka Latina.  Kont aktar sorpriż meta Alejandra stqarret miegħi li tikkalkula li f’Malta il-komunità ta’ Venezwelani tgħodd mal-erba’ mija.

Il-Venezwela l-ewwel darba li ġibditli l-attenzjoni tiegħi kienet minħabba l-mexxej kariżmatiku tagħha Hugo Chávez, li bħall-prim ministru tas-sebgħinijiet f’Malta kien hemm min jadurah u min jobogħdu.  Ma kellux triq tan-nofs.  Illum Chávez ilu mejjet erba’ snin, u minfloku hemm eks-ministru tiegħu, Nicolás Maduro.  Bħalissa, l-aħbarijiet internazzjonali mimlija bl-aħbarijiet ta’ vjolenza f’dan il-pajjiż li kkawżat il-qtil ta’ kważi mitt persuna waqt protesti u daqstant ieħor in-nuqqas ta’ ikel li qiegħed iħalli lill-Venezwelani ibatu l-ġuħ. 

Biex inkunu brutalment onesti l-vjolenza qatt ma kienet nieqsa f’Caracas, il-belt kapitali ta’ Venezwela.  U fil-fatt, Alejandra stqarret miegħi li kienet iddeċidiet li titlaq mill-Venezwela u tiġi f’Malta wara li ġiet mhedda b’arma tan-nar fit-triq sabiex jeħdulha flusha.  “Kont għamilt xi sitt xhur inħossni ħażin ħafna u mbeżża’, wara dak l-inċident u spiċċajt ħadt id-deċiżjoni li nitlaq art twelidi u lill-familja u nfittex ħajja aħjar fl-Ewropa.”  Meta staqsejtha kif minn tant pajjiżi spiċċat f’Malta, weġbitni, “li kellha ħabib hawnhekk u għalhekk il-fatt li diġà naf lil xi ħadd hawn f’kontinent ġdid wassalni lejn din il-gżira.”

Ftit wara ma stajniex ma nkomplux fuq Chávez.  Ma domtx ma ndunajt fuq liema naħa tal-miżien Alejandra titfa’ lil dan l-eks president Venezwelan.  “Chávez wiegħed ħafna imma għamel ftit.  Iva veru, ta ħafna benefiċċji, imma l-mentalità tiegħu kienet waħda limitata.  Ried jittratta lil kulħadd l-istess.  Imma dan wassal biex min jaħdem ħafna u min jaħdem ftit jaqla’ kważi l-istess.  U għalhekk kisser il-motivazzjoni ta’ min is-soltu jaħdem aktar.  Ukoll jekk kont taħdem mal-gvern bħal kif inhi ommi bħala għalliema, kien jagħmillek pressjoni psikoloġika kbira biex tivvota lilu.  U aktar minn hekk il-pulizija taf tiġi tħabbatlek il-bieb biex tilbes l-aħmar u tmur fil-pjazez biex fil-midja internazzjonali jidher li l-poplu jħobbu.”  Li jagħmel aktar diffiċli biex tifhem kif dan il-pajjiż qed ibati mill-faqar huwa l-fatt li dan il-pajjiż għandu wieħed mill-akbar riservi ta’ żejt fid-dinja.  “Aħna ngħidulu l’oro negro, id-deheb iswed.  Ta ħafna minnu b’xejn lill-pajjiżi ħbieb tiegħu bħal Kuba.  U ta’ madwaru min jaf kemm gawdew.”

Imma fi żmien Chávez ngħidilha l-iskarsezzi bażiċi li hemm ma kienux jeżistu.  “Hekk hu.  Tħobbu jew tobogħu Chávez kien bniedem intelliġenti ħafna.  Kien jagħmel kollox bil-mod.  Maduro, l-president attwali xi ħaġa oħra.  Dan qatt ma studja.  Kulma kien xufier ta’ trukk, u issa għax kien qrib ta’ Chávez spiċċa fit-tmun ta’ pajjiż ta’ erbgħin miljun.  U jrid ibiddel kollox f’salt.”

Il-paga minima tal-Venezwela żdiedet tlett darbiet matul din is-sena.  L-aħħar darba żdiedet b’50%.  Ukoll  paga ta’ xahar tlaħħaq kważi 98,000 bolivar.  Tinstema’ inkredibbli.  Imma meta l-inflazzjoni hija ta’ 720%, iż-żerojiet jiswew ftit aktar mix-xejnijiet.  Ukoll, skont id-dolartoday.com li hija sors mhux uffiċjali imma li jintuża ħafna mill-Venezwelani, 98,000 bolivar jiswew daqs $10.44 jew €9.  U b’dawn l-eluf ta’ bolivari x’tista’ tixtri?
Hawnhekk Alejandra tanima ruħha mmens.  Taqbad karta u tibda tniżżel xirja bażika għal familja ta’ tlieta min-nies.  Forsi anke aħna nagħmlu l-listi qabel ix-xirja.  Id-differenza tal-lista ta’ Alejandra hija li fiha wkoll il-prezzjijiet.  U tibda: kilo ross: 6,000 B, kilo pasta: 10,000 B, tiġieġa: 20,000 B, kilo zokkor: 6,000 B, kafè: 12,000 B, kilo laħam (lussu kbir): 30,000 B, ġobon: 10,000 B, ħobża: 2,000B, toilet paper: 20,000 B, shampoo: 20,000 B.  Din il-lista sempliċi tellgħet il-kont għal 136,000 B.  Allura bilfors trid toqgħod mingħajr uħud minn dawn l-affarijiet bażiċi.  Kulma semmejna kważi ikel. 
L-ikel sar qisu droga.  Kollox bil-kuntrabandu.  Il-ħwienet tant għandhom ftit provisti, li nħolqu dawk li huma jsejjħu l-bachaqueros, li l-kapital tagħhom jippermettilhom jaħtfu l-ftit provisti u jbiegħuhom m’għola s-smewwiet.  U m’għandekx għażla oħra ħlief li tixtri mingħandhom, għax il-ħwienet għandhom kjuwijiet ta’ kilometri.

“Il-kliniċi tal-biki.  Lanqas alkoħol biex jintuża bħala diżinfettant ġieli ma jkollhom.  Siringi, xejn.”

Ħafna Venezwelani qegħdin jaqsmu lejn il-Kolumbja jew il-Brażil.  Mhux b’ajruplan, għax jiswa wisq, imma jew b’karozza, jew bil-mixi.  “Aħna l-emigranti salvazzjoni għall-familja tagħhna għax nistgħu nibagħtu xi ftit flus u tad-dar ikunu jistgħu jixtru x’jieklu.”
Meta staqsejtha kif inhi s-sitwazzjoni għall-Venezwelani f’Malta, b’żewġ daqqiet ta’ ras laterali, weġbitni li, “nsibu ħafna problemi fuq il-viża u għalhekk diffiċli ssib impjieg li tixtieq u ttejjeb sew lilek innifsek għax dejjem imdendla.  Ukoll il-kera qiegħda togħla wisq.”

U kif tieħu l-aħbjarijiet li jaslu mill-Venenzwela?

“Agħar.  Ħafna, ħafna agħar inħosshom minn meta kont hemm stess.”

Inbiddel ftit id-diskors biex nipprova nirritorna lejn it-tbissima tipika Latina ta’ meta ltqajna fil-bidu u nistaqsieha f’hiex il-Venezwelani qed isibu refuġju minn dan kollu.  “Aħna nemmnu ħafna f’Alla.”


F’sitwazzjoni bħal din bilfors tittama li l-bniedem ma jgħix bil-ħobż biss.


Dan l-artiklu deher oriġinarjament fuq It-Torċa ta' nhar il-Ħadd, 6t'Awwissu.