Monday, April 17, 2017

Min hu nies?

Min hu nies?

U forsi aktar minn hekk min mhux?


Il-kelma nies nużawha ħafna.  Nużawha biex pereżempju nirreferu għal qrabatna – dawk niesi, niesna, eċċ.  Ħafna drabi nużawha biex inħossuna parti minn xi ħaġa akbar minna.  Forsi wkoll biex nesprimu s-superjorità li nħossu fuq l-annimali, għax aħna nitkellmu u nirraġunaw waqt li huma mhumiex kapaċi.  Biss min normalment juża l-kelma nies jużaha b’mod differenti minn min jgħid umanità, minkejja li mal-ewwel daqqa t’għajn jidhru simili ħafna.  Normalment il-kelma tal-aħħar nużawha biex ninkludu filwaqt li nies nużawha aktar biex neskludu.  Min jgħid li xi ħadd mhux nies mhux normalment se jirreferi għall-istess tali bħala mhux uman.  Jista’ jkun ukoll li l-kelma umanità u dak kollu li ġġib magħha hija ‘l fuq minn kif jaħsibha min iħobb juża nies jew mhux nies b’mod ġenerali.  Il-kunċett ta’ għaqda jew unjoni għalih għandu jsir bejn min hu bħalu f’kollox biss.

Mhux nies hija frażi li tingħata lil ħafna umani b’mod derogattiv, jew aktar preċiż dispreġġjattiv.  Jista’ jkun li tingħad f’saħna tal-mument.  F’dan il-każ tista’ tkun l-intuwizzjoni tiegħek li twasslek biex tlissinha.  Għaqqadhom ftit flimkien u magħhom aktar minn kollox ikunu qegħdin joħorġu l-preġudizzji.

Min hu nies jew mhux jiddependi ħafna f’liema pożizzjoni sabet ruħha il-persuna li qiegħda tiġi mwieżna u l-anglu min fejn qiegħed iħares min qiegħed iwieżen.    It-titlu jista’ jiddependi minn ġidek, (irrelevanti kif tellajtu), it-twemmin tiegħek, fejn twelidt, il-familja li ġej minnha jew il-kulur ta’ ġildtek, daqslikieku kienet xi għażla tiegħek waqt li kont f’ġuf ommok.  L-istat jew xi ministru li ċ-ċirkostanzi ġabuh responsabbli fuq hekk jista’ wkoll jiddeċiedi intix nies jew le.  Dan minn fuq il-pedestall jista’ jagħżel li jeduka biex ikun hawn aktar umanità u inklużjoni, jew minflok jagħżel it-triq sempliċi frott il-biża’ li jitlef dan il-pedestall u jipprova jingħoġob ma’ min jaħseb li hawn min hu u min mhux nies. 
B’daqqa ta’ firma jista’ jiddeċiedi li inti m’intix nies u jagħmillek ħajtek miżerja.

Sempliċiment karta tal-identità tista’ ssir diffiċli biex tinkiseb aktar minn ċertifikat ta’ lawrija.  Dak li hu sempliċi fil-ħajja ta’ kuljum jsir impossibbli.  Flusek li taqla’ wara li tinqatalek it-taxxa trid iġġorrhom fuqek għax il-bank ma jiftaħlekx kont mingħajr din il-karta.  Viżta fl-isptar issir kważi mpossibli, għax mingħajr din il-karta inti ma teżistix.  Jekk ma teżistix imma tinsisti li teżisti inti fantażma.  U l-fantażmi jbeżżgħu ħafna, għax mhux tad-demm u l-laħam.  Tista’ wkoll twasslek biex tmur iġġedded il-karta inferjuri li għandek u minflok tispiċċa Ħal Far, f’detenzjoni magħluq, mhedded b’deportazzjoni lejn art li inti ħrabt minnha, b’ħajtek maqluba ta’ taħt fuq mil-lum għal għada.

Min jaħseb li hu nies u ħaddieħor mhux nies irid itella’ l-ħitan.  Min mhux nies huwa ta’ theddida għalih, minkejja li forsi qatt ma tkellem miegħu, u ma jafx x’isarraf.  Imma huwa jafda l-istint tiegħu li jgħidlu biex fuq kollox ma jafdax.  Konvint minn dan daqs meta jilgħab embu għax kellu ħolma u ċert li d-dinja ddur miegħu u b’hekk dawk iż-żewġ numri se jitilgħu żgur nhar is-Sibt li ġej.  Il-konvinzjoni imnebbħa mill-perċezzjoni hija simili għall-biża’ minn kamra fid-dlam.  Iġġegħlek timmaġina li fiha ħafna monstri fiha, fejn kull m’għandek bżonn hija l-iżgħar xemgħa biex ixxejjen  dawn il-biżgħat u tinduna li dak li qed taħseb mhux minnu.  L-istint ma’ perċezzjoni mhux indokrata hija taħlita letali – għal min jgħixha u għal min ikollu jħabbat wiċċu ma’ min jgħixha.

Imma altru milli kollox mitluf.  Waqt li għadhom jitilgħu l-ħitan, f’moħħna u bejn il-fruntieri li xi ħadd xi darba penġa, daqstant ieħor waqgħu ħafna minnhom.  Il-vjaġġar qatt ma kien faċli daqs illum, it-traduzzjoni saret il-lingwa ta’ ħafna, u jeżisti għatx kbir biex insiru nafu u nitgħallmu minn xulxin.

It-tfittxija lejn superjorità billi tniżżel lil ħaddieħor hija għall-insikur.

Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa fl-edizzjonji tas-16 ta' April, 2017.