Sunday, January 22, 2017

Umani użati bħala rahan

Wieħed mill-akbar ekonomisti Kanadiżi, John K Galbraith stqarr li ‘Il-migrazzjoni hija l-eqdem azzjoni kontra l-poverta.  Hija tagħżel lil dawk li l-aktar iridu għajnuna.  Hija tajba għall-pajjiż li jmorru fih waqt li tgħin tkisser l-ekwilibriju ta’ poverta fil-pajjiż li ġejjin minnu.”

Fi kliem ieħor l-immigrazzjoni tħaffef dak il-pajjiż li niesu jitilqu minnu hekk kif ix-xogħlijiet ta’ min telaq jintirtu minn min jibqa’ hemm.  Normalment l-immigrant ukoll imur fejn hemm xogħol aktar minn pajjiżu.  L-immigrant huwa bniedem ħawtiel, kuraġġjuż u imprenditur.  Fejn se jmur jaf li se jkollu jaħdem aktar min-nies tal-lokal.  Minflok mgħarfa tal-fidda, tistennieh normalment isib pala tleqq daqs il-fidda.

F’Malta dan il-fenomenu rajnieh fis-sittinijet meta eluf ta’ Maltin salpaw lejn l-Awstralja.  Illum il-ġurnata l-affarijiet huma bil-kontra.  Hawn aktar nies ġejjin fid-direzzjoni ta’ Malta milli jitilqu.  Minkejja influss qawwi ta’ persuni, il-qgħad qatt ma kien baxx daqs illum.  Għax min jaħdem, mhux neċessarjament jieħu xogħol ħaddieħor, imma wkoll joħloq xogħol għal ħaddieħor.

Biss mhux kull immigrant huwa l-istess.  Hawn min hu abjad, hawn min hu ġinġer.  U hawn min hu iswed u mill-Mali.

Jidher li waqt l-aħħar summit li seħħ f’Malta bejn il-pajjiżi Ewropej u dawk Afrikani ntlaħaq xi forma ta’ ftehim mal-gvern tal-Mali, biex il-pajjiżi Ewropej jiddeportaw lura immigranti ġejjin mill-Mali kontra ħlas.  Kif l-Unjoni Ewropea, li fuq kollox hija bbażata fuq prassi ta’ anqas fruntieri u aktar libertà fil-moviment tal-persuni setgħet taħseb fi ftehim bħal din jiskantani u jħassibni.  Il-Mali huwa wieħed mill-għaxar pajjiżi l-aktar foqra fid-dinja.  In-numru tal-immigranti ġejjin minn dan il-pajjiż mhuwiex xi wieħed predominanti.  Li tagħmel ftehim ma’ xi ħadd fqir u li forsi huwa dahru mal-ħajt juri nuqqas ta’ sensittività mill-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Malti kważi tfixkel f’saqajh stess fil-għaġla li qabditu biex jattwa dan il-ftehim.  Ma talab ebda deroga, anzi donnu ried jidher bħala paladin ta’ dan il-ftehim.  F’jum wieħed f’Novembru ġabar madwar 30 persuna li għandhom xi konnessjoni mal-Mali u tefagħhom f’detenzjoni f’Ħal Safi.  Ftit wara ġiet delegazzjoni minn Mali biex tidentifika lil dawn il-persuni maqfula.  Ħafna minnhom ma jidhrux li ġew identifikati bħala ċittadini tal-Mali, u lejlet il-Milied, wara aktar minn xahar ġewwa inħelsu.  Illum kważi għaddew xahrejn u disgħa għadhom taħt detenzjoni, jew fi kliem ieħor imsakkrin.

Il-fatt li dawn għadhom hemm juri l-ewwelnett li ma hemmx koperazzjoni mill-awtoritajiet tal-Mali.  Juri fiċ-ċar li ma’ min sar il-ftehim (sigriet) huwa suspettuż.  Wara kollox x’tip ta’ persuna tara lil uliedha bħala oġġett negozzjabli fi ftehim?

Fid-detenzjoni hemm segretezza kbira, nażżarda ngħid aktar mill-Faċilità Korettiva ta’ Kordin.  Il-viżti huma skarsi mmens.  Jiena kont wieħed li dħalt ġewwa u li raw għajnejja ma kienux faċli.  Il-fatt li tieħu l-libertà ta’ persuna mil-lum għal għada meta dan ma għamel ebda reat huwa diġà trawma.  Imma t-trawma tkompli bin-nuqqas ta’ dinjita li dawn qed jinżammu fiha.  Hemm il-kesħa, erba’ persuni jaqsmu ċella bejniethom, l-imħaded bla investi, u f’widnejja wasal li l-lejl ġieli anke qed jitkisser minħabba spezzjonijiet li jsiru mill-gwardjani.  Meta telgħu l-qorti sabiex jikkontestaw din id-detenzjoni ġew umiljati billi tlibbsu l-manetti.  Bdew każ fil-qorti diġà minn taħt.

Din hija l-grazzi li ħadu talli bil-kappell tagħhom sellmulna.  Sakemm kienu ħielsa, ħadmu u ħallsu t-taxxi.  Ħadd ma nnotta t-tislima għax kulħadd kien aktar moħħu fil-kappell forsi kultant imqatta’ tagħhom.  Ix-xogħol ta’ qsim id-dahar sar jiġi mistmerr u f’dan il-pajjiż saret stmata biss l-ispekulazzjoni.

Il-Gvern Malti qiegħed juża disa’ ċittadini mill-Mali bħala rahan daqslikieku dawn mhumiex umani.  Irid juri s-saħħa tiegħu mal-Unjoni Ewropeja u ma’ sezzjoni tal-poplu li għadu jaħseb li l-abjad huwa xi razza superjuri.  Ma nafx hiex kumbinazzjoni li din il-mossa seħħet eżatt wara li għaqda li ejja ngħidu mhux daqstant magħrufa għat-tolleranza ħabbret li se tikkontesta l-elezzjonijiet ġenerali li qegħdin wara l-bieb.


Din hija inġustizzja li ma tistax tkompli.


Dan l-artiklu deher orġinirjament fuq It-Torċa tal-15 ta' Jannar, 2017.