Tuesday, December 13, 2016

Bejn theddida ta' deportazzjoni u viżta lejn Monte Karmeli

Hekk kif il-Ġubilew tal-Ħniena beda jersaq lejn tmiemu, l-E.T. il-President Marie Louise Preca ħabbret amnestija ta’ 30 jum lill-priġuniera kollha.  L-appell tal-Papa Franġsiku nstema’ minn min kellu jinstema’ f’din il-gżira.  Kien ġest sabiħ għax wara kollox hawn ħafna min qiegħed barra u għamel agħar minn min qiegħed ġewwa.  Ukoll f’dan il-pajjiż jingħataw ħafna amnestiji f’forom oħra u li normalment jintlaqgħu b’entużjażmu.  Pereżempju jingħataw amnestiji lil min kellu flusu barra u qatt ma ddikjarahom, amnestiji lil min kellu d-dejn mal-Kummissarju tat-Taxxi jew aħjar mal-Istat.  Dan l-aħħar sa tħabbret amnestija għal min tella xi bini bla permess.  Permezz tal-Amnestija jista’ jirregularizza l-pożizzjoni tiegħu qisu xejn mhu xejn, u xi taptipa fuq dahru talli rregularizza ruħu ma tonqosx lanqas.

Fl-istess żmien iżda, aktar minn tletin persuna mill-Mali li marru fil-Kummissjoni tar-Refuġjati biex mingħalihom iġeddu l-karti mhux talli ma sabu ebda refuġju imma talli ħadu x-xokk ta’ ħajjithom.  Minkejja x-xokk ma naħsibx li bjadu għax il-kulur tal-ġilda tagħhom mhix fina biżżejjed biex tippermetti hekk.  U la l-ġilda mhux fina u mhux bħal tagħna, l-awtoritajiet konċernati ma ħassew ebda rimors jagħmlu dak li għamlu.  Għax f’Malta hawn min hu nies u jingħata l-akbar żegħil u hawn min mhux nies u flok żegħil jingħata ż-żebligħ.

L-arrest fil-fatt kien nieqes mill-anqas farka ta’ kompassjoni. 

Pereżempju wieħed minn dawn il-persuni li safa arrestat għax kien viljakk biżżejjed li ddeċieda li jitwieled il-Mali, ibati minn allerġija u għandu bżonn jieħu l-mediċina b’mod regolari biex jinnewtralizza l-attakki.  Għall-ewwel ġimagħtejn kellu joqgħod isofri dawn l-attakki minħabba li meta ġie arrestat ma kellux il-mediċina fuqu.  Ma baqax isofri l-attakki għax wara li dawn l-attakki kapriċċjużi wassluh f’imġieba suwiċidjali ntbgħat l-isptar Monte Karmeli u jiena stess wara komunikazzjoni ma’ min jgħix miegħu għaddejtlu l-mediċina preskritta lilu fl-aħħar viżta tiegħu.

Dan il-persuna li ma tantx jaf b’żegħil kien ilu f’Malta għal numru sew ta’ snin.  Wara l-ħelsien mid-detenzjoni li laqgħetu għal xhur sħaħ wara li skansa il-mewġ tal-Mediterran, beda jaqdef mal-mewġ tal-ħajja u dak li ħafna Maltin ma riedux jagħmlu midd idu għalih huwa stess.  Dan l-aħħar kien qed jaħdem ma’ kumpanija stabbilita u kien qiegħed iħallas it-taxxi.  Fiż-żmien li kien ilu hawn fittex saqaf għal taħt rasu u qalla’ lira lil Malti li bħal ħafna Maltin oħra kellu appartament supplimentari.  Xtara l-bżonnijiet tiegħu mill-ħwienet Maltin u wettaq azzjonijiet oħra li għenu biex iddur ir-rota tal-ekonomija Maltija.
Meta tkun gżira l-ekonomija jkollha bżonn injezzjoni lil hinn mill-fruntieri tagħha u f’dan il-persuna u ħutu, l-ekonomija Maltija sabet għajnuna f’min ma kienetx qed tistenna jew tistmerr.

Iżda dan kollu ntesa.  Jidher li l-gvern Malti ġie inspirat mill-istqarrija tal-president elett Amerikan li jrid ikeċċi tlett miljun migrant mill-Istati Uniti.  Safejn naf jien il-gvern Malti huwa mmexxi minn partit bi prinċipji totalment opposti għal ta’ din il-persuna.

Wara tlett ġimgħat f’detenzjoni f’Ħal Safi, fejn l-uniku ħaġa safja hija l-barbed wire, jidher li se jiġi deportat bħal kif ħafna Eritrejani ġew deportati lura fl-2002 u spiċċaw issawtu.

Ir-reperkussjonijiet imma ma jieqfux hawn.  Bħalissa fost il-komunità li wasslet Malta b’dgħajsa u mhux b’jott jinħass biża’ u inċertezza kbira, għax li ġara lil sħabhom qed jistennewh jiġri lilhom minn ħin għall-ieħor.  Minn qagħda prekarja niżlu għal qagħda vulnerabbli.

Ma’ ċertu nies mhux biss ma teżistix amnestija jew ħniena imma lanqas l-iċken kompassjoni.


Min skansa l-ħalel Mediterranji ta’ żaqq ratba qed isib ruħu jgħix fuq blata li tqatta’ u ċċarrat.


Dan l-artiklu deher fuq It-Torċa tal-11 ta' Diċembru.