Saturday, July 23, 2016

Flus foloz validi



Ftit wara r-revoluzzjoni tal-1959 il-firma ta’ Che Guevara, bħala l-President tal-Bank Kuban sabet ruħha fuq il-flus Kubani.  Illum, sebgħa u ħamsin sena wara, f’Kalabrija, fuq ċertu flus, mhux firma biss tinsab, imma saħansitra stampa tiegħu stess.  Meta tqis kemm il-darba il-wiċċ fotoġeniku taċ-Che dar mad-dinja, xi drabi anke biex iservi bħala publiċità għal kumpaniji li żgur għandhom ideali differenti minnu, faċli wieħed ma jistgħaġibx wisq u jibqa’ sejjer għal riħu.  Imma dawn il-flus b’Che Guevara fuqhom m’humiex sempliċi stunt publiċitarju imma parti minn proġett mill-isbaħ imwelled minn Giovanni Maiolo, uffiċjal fil-Kunsill ta’ Goiosa, fil-qiegħ taż-żarbun tal-Italja, li ħafna drabi sforz l-ekonomija dipressiva tagħhom, tinħass bħala qiegħ bla lasktu.

Fir-raħal ċkejken ta’ Goiosa jgħixu 7,500 ruħ.  Dan ir-raħal jilqa’ ħamsa u sebgħin (1% tal-popolazzjoni) bejn immigranti li għadhom qed ifittxu ażil u refuġjati.  Fl-aħħar elezzjoni reġjonali, Salvatore Fuda li llum huwa s-Sindku, ppropona fil-manifest elettorali tiegħu li r-raħal tiegħu għandu jilqa’ refuġjati u immigranti.  Fuda ma kienx sempliċiment ħalliem, imma wkoll prattiku, u x’aktarx inspirat minn x’ġara f’Riace, raħal ieħor ċkejken ftit ‘il bogħod.
Riace ftit qabel kien raħal minsi, personifikazzjoni tal-kanzunetta ‘Ghost Town’ tal-Ispecials.  Il-ftit nies li kien baqa’ kienu dejjem qed jonqsu, min billi jimxi lejn it-Tramuntana tal-pajjiż u min għal aktar lil hinn.  Is-sindku Domenico Lucano irribatta dan billi fetaħ il-bibien ta’ raħal twelidu għall-immigranti u b’hekk fl-aħħar ta ħajja lil dan ir-raħal.  L-iskejjel ma baqgħux vojta.  L-għalliema għal darba reġa’ beda jkollhom udjenza.  Ir-rota ekonomika ngħatat iż-żejt minn sors li ħafna nies kienu jarawha bħala bastun fir-rota.
Għal kull immigrant, il-Kunsill ta’ Goiosa jirċievi €35 kuljum, u għalhekk qrib il-miljun ewro fis-sena.  Dawn iridu jkopru kull bżonn li immigrant ikollu, fosthom ikel, akkomodazzjoni, tagħlim tal-lingwa u servizzi ta’ saħħa.  Il-bqija jingħataw bħala flus fil-but.  U hawnhekk jidħlu l-flus b’wiċċ Che Guevara.

L-immigranti minflok Ewros kontanti jingħataw flus b’wiċċ Che Guevara, li kull waħda hija ekwivalenti għal €10.  Flus simili huma ta’ €20 b’wiċċ Hugo Chavez u ta’ €50 b’wiċċ Karl Marx.  Il-kundizzjoni ta’ dawn il-flus hija li dawn jistgħu jintużaw biss f’Goiosa.  Sidien il-ħwienet jaċċettaw dawn il-flus u wara jsarrfuhom għand il-Kunsill, u jirrealizzaw b’mod konkret li dawn in-nies li ħafna minnhom ħarbu mill-persegwitazzjoni qed jgħinu lin-negozji tagħhom.

Meta staqsejt lil Giovanni Maiolo, jekk dawn il-flus joħolqux atmosfera tossika ta’ “aħna u huma”, Maiolo weġibni b’passjoni li huwa min huwa maqtugħ mir-realtà u jrid jiżra’ l-firda li jirraġuna hekk.  “Ir-realtà hija li l-fondi biex ngħinu lill-immigranti għandhom effett pożittiv ħafna fuq l-ekonomija tar-raħal.  F’Goiosa, għoxrin ruħ jaħdmu b’mod dirett mal-immigranti.  Għandna sittax -il dar li llum bis-saħħa ta’ hekk huma mikrija, meta qabel kienu vojta, u għalhekk il-propjetarji Kalabriżi issa qed jaqilgħu minnhom.  L-immigranti għandhom bżonn jagħmlu x-xirjiet tagħhom, u x-xirjiet tagħhom jagħmluhom f’Goiosa.”


Meta l-merħba tkun awtentika tagħti l-frott.