X’nista’ ngħid
fuqek ja elfejn u ħmistax?
L-ewwel ħaġa li
niftakar fik mhux fejn kont meta daqqew l-aħħar tokki tal-2014 u dħalt
inti. Jiena dak il-ħin kont f’soddti, b‘qalbi
ttektek bl-istess mod kajman tal-arloġġ.
Dan l-aħħar, fi ljieli bħal dawn sirt napprezza wisq il-wens ta’ dari u
tiegħi nnifsi.
L-ewwel ħaġa li
niftakar mill-elfejn u ħmistax hi għodwa fl-ewwel Ħadd tagħha fejn is-sema kien
griż u r-riħ jonfoħ bl-istess determinazzjoni ta’ anzjan li għalaq mitt sena u
għandu mitt xemgħa quddiemu. Kont liebes
is-soltu xorz iswed u flokk taċ-ċingi ċelest.
Xahar qabel kont għamilt l-aħjar ħin tiegħi f’Birkirkara imma dakinhar
mal-kosta ta’ Buġibba ma kontx hemm.
Ir-riħ ħallejtu jeħodni daqs li kieku kont ħamiema xwejħa tipprova ttir,
minkejja li saqajja kienu mal-art u mhux suppost ġejt affetwat daqshekk. Il-ġurnata ta’ qabel, wara ħafna somom u niċċekja
‘l hinn u ‘l hawn kont aċċettajt li aħjar ma mmur xejn il-Perú, u dik il-għodwa
ħassejtni mirbuħ. L-għaxar kilometri ta’
dakinhar dehru għolja waħda tal-Magħtab u domt ħafna aktar mis-soltu biex neħlishom.
Imma u mbgħad
l-affarijiet tranġaw.
Skoprejt lil José
Saramago, lil Hisham Matar u dak li darba deher vjaġġ fejn id-destinazzjoni qisu
orizzont li timxi kemm timxi jibqa’ ‘l bogħod issa beda jħoss ix-xemx fuqu, u f’ġimgħa
f’April Sharon u l-Kunjata sar ktieb
stampat li stajt naqbad b’idejn imriegħda, rrealizzajt li rġiel jeżistu tassew,
iltqajt ma’ min kien saħħarni, u għal darba f’St James Cavalier, il-Belt ma
kontx biss parti minn udjenza.
Il-vjaġġi ma
kienux biss metaforiċi. Għal xi żmien f’Ġunju
terraqt biss bejn raħal u ieħor fi Spanja f’ partijiet tal-imsejjaħ Camino de Santiago u dik li kellha tkun btala
ċkejkna saret appuntament miegħi nnifsi biex minn żmien għal żmien, jien u t-triqat
tal-kampanja Spanjola nitwaħħdu flimkien u nħalli kollox iħabbat warajja.
F’ġurnata minnhom
fil-kaxxa tal-ittre sibt invit li mlieni ferħ u Inizjamed u l-Festival
Mediterranju tal-Letteratura ma baqawx għaqda u avveniment li nammira
mill-bogħod imma għaqda u avveniment li nista’ ntihom il-ftit tiegħi.
Tlajt tarġa fejn
inqatta’ tmien siegħat kuljum, ħriġt mill-qoxra li kont rabbejt u kif rajna
mill-Brikkuni f’dik il-lejla intimà fit-Teatru Manoel, il-bidla sabiħa ħafna
u kultant tkun qed tibża’ mill-babaw li jeżisti daqs kemm eżistew imperi li
riedu lill-kolonji tagħhom aħjar minnhom.
Bħal qabel qomt
fuq saqajja ħafna qabel titħajjar tittewweb ix-xemx u ġrejt f’toroq meta l-parti l-kbira tal-karozzi
jkunu għadhom fil-garaxxijiet jew ipparkjati mal-ġenb flok idaħħnu fit-toroq.
Komplejt inħossni
kuntent inkun parti mill-Integra, u kull nhar ta’ Tlieta filgħaxija tajt ftit
minn ilsieni u rċivejt ħafna mingħand min iċ-ċirkostanzi jew il-ħolm tiegħu
bagħtuh fuq din il-blata, wara li baħħar fuq dgħajsa mingħajr kaptan mitluqa
għal riħha. F’mumenti, ħassejtni
l-istramb jew il-Ġaħan tar-raħal, qed niġġieled ġlieda mitlufa, għajnejja mhux
f’wiċċi, għax kull min jaqbad dgħajsa qed jagħmel hekk biex jerda’ mit-taxxi ta’
fejn sejjer, jew biex wara jumejn hemm jibda jispara lejn kull min hu ta’ rieda
tajba. U li s-Sudaniżi wara jumejn l-Awstralja
mingħajr qatt ma ħadmu jilbsu Prada biss.
L-elfejn u sittax
se ġġib aktar mistoqsijiet. Se ġġib
aktar tweġibiet u esperjenzi. Il-Perú
issa m’għadux ‘il bogħod u għandi data għal miegħu. Il-Camino
de Santiago se jitkompla.
U fl-ewwel Ħadd,
se nkun liebes l-istess xorz iswed u flokk taċ-ċingi blu, u filgħaxija mmur
għal kunċert u ftit poeżija li mhix kapriċċ imma bżonn.
No comments:
Post a Comment