Thursday, December 31, 2015

Elfejn u ħmistax

X’nista’ ngħid fuqek ja elfejn u ħmistax?

L-ewwel ħaġa li niftakar fik mhux fejn kont meta daqqew l-aħħar tokki tal-2014 u dħalt inti.  Jiena dak il-ħin kont f’soddti, b‘qalbi ttektek bl-istess mod kajman tal-arloġġ.  Dan l-aħħar, fi ljieli bħal dawn sirt napprezza wisq il-wens ta’ dari u tiegħi nnifsi.
L-ewwel ħaġa li niftakar mill-elfejn u ħmistax hi għodwa fl-ewwel Ħadd tagħha fejn is-sema kien griż u r-riħ jonfoħ bl-istess determinazzjoni ta’ anzjan li għalaq mitt sena u għandu mitt xemgħa quddiemu.  Kont liebes is-soltu xorz iswed u flokk taċ-ċingi ċelest.  Xahar qabel kont għamilt l-aħjar ħin tiegħi f’Birkirkara imma dakinhar mal-kosta ta’ Buġibba ma kontx hemm.  Ir-riħ ħallejtu jeħodni daqs li kieku kont ħamiema xwejħa tipprova ttir, minkejja li saqajja kienu mal-art u mhux suppost ġejt affetwat daqshekk.  Il-ġurnata ta’ qabel, wara ħafna somom u niċċekja ‘l hinn u ‘l hawn kont aċċettajt li aħjar ma mmur xejn il-Perú, u dik il-għodwa ħassejtni mirbuħ.  L-għaxar kilometri ta’ dakinhar dehru għolja waħda tal-Magħtab u domt ħafna aktar mis-soltu biex neħlishom.

Imma u mbgħad l-affarijiet tranġaw. 

Skoprejt lil José Saramago, lil Hisham Matar u dak li darba deher vjaġġ fejn id-destinazzjoni qisu orizzont li timxi kemm timxi jibqa’ ‘l bogħod issa beda jħoss ix-xemx fuqu, u f’ġimgħa f’April Sharon u l-Kunjata sar ktieb stampat li stajt naqbad b’idejn imriegħda, rrealizzajt li rġiel jeżistu tassew, iltqajt ma’ min kien saħħarni, u għal darba f’St James Cavalier, il-Belt ma kontx biss parti minn udjenza.

Il-vjaġġi ma kienux biss metaforiċi.  Għal xi żmien f’Ġunju terraqt biss bejn raħal u ieħor fi Spanja f’ partijiet tal-imsejjaħ Camino de Santiago u dik li kellha tkun btala ċkejkna saret appuntament miegħi nnifsi biex minn żmien għal żmien, jien u t-triqat tal-kampanja Spanjola nitwaħħdu flimkien u nħalli kollox iħabbat warajja.

F’ġurnata minnhom fil-kaxxa tal-ittre sibt invit li mlieni ferħ u Inizjamed u l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ma baqawx għaqda u avveniment li nammira mill-bogħod imma għaqda u avveniment li nista’ ntihom il-ftit tiegħi.

Tlajt tarġa fejn inqatta’ tmien siegħat kuljum, ħriġt mill-qoxra li kont rabbejt u kif rajna mill-Brikkuni f’dik il-lejla intimà fit-Teatru Manoel, il-bidla sabiħa ħafna u kultant tkun qed tibża’ mill-babaw li jeżisti daqs kemm eżistew imperi li riedu lill-kolonji tagħhom aħjar minnhom.

Bħal qabel qomt fuq saqajja ħafna qabel titħajjar tittewweb ix-xemx u ġrejt f’toroq meta l-parti l-kbira tal-karozzi jkunu għadhom fil-garaxxijiet jew ipparkjati mal-ġenb flok idaħħnu fit-toroq.
Komplejt inħossni kuntent inkun parti mill-Integra, u kull nhar ta’ Tlieta filgħaxija tajt ftit minn ilsieni u rċivejt ħafna mingħand min iċ-ċirkostanzi jew il-ħolm tiegħu bagħtuh fuq din il-blata, wara li baħħar fuq dgħajsa mingħajr kaptan mitluqa għal riħha.  F’mumenti, ħassejtni l-istramb jew il-Ġaħan tar-raħal, qed niġġieled ġlieda mitlufa, għajnejja mhux f’wiċċi, għax kull min jaqbad dgħajsa qed jagħmel hekk biex jerda’ mit-taxxi ta’ fejn sejjer, jew biex wara jumejn hemm jibda jispara lejn kull min hu ta’ rieda tajba.  U li s-Sudaniżi wara jumejn l-Awstralja mingħajr qatt ma ħadmu jilbsu Prada biss.
L-elfejn u sittax se ġġib aktar mistoqsijiet.  Se ġġib aktar tweġibiet u esperjenzi.  Il-Perú issa m’għadux ‘il bogħod u għandi data għal miegħu.  Il-Camino de Santiago se jitkompla.

U fl-ewwel Ħadd, se nkun liebes l-istess xorz iswed u flokk taċ-ċingi blu, u filgħaxija mmur għal kunċert u ftit poeżija li mhix kapriċċ imma bżonn.