Fi Plaka, ftit
wara li qabżu nofsinhar, mixja ‘l bogħod mill-Akropolis, ix-xemx qed ittektek bil-mod
qisha qed tisfida lil Novembru, u t-taverni jidhru għandhom erba’ min-nies mhux
ħażin.
Hemm turist ġinġer
miexi ma’ martu, u smajtu jgħidilha, ‘kollox l-istess baqa’ hawn. Fi kriżi u kulħadd jiekol barra.’
Imma l-erba’ taverni
mimlija forsi kellhom mitt ruħ bejniethom.
Ateni waħedha għandha popolazzjoni ta’ erba’ miljuni.
Fuq il-metro, fl-istazzjon
ta’ Piraeus tibda jew tispiċċa t-tieni linja minn tlieta ta’ Ateni. Il-vagun fih erba’ nies mhux ħażin imma
kulħadd qed bilqiegħda. Jien qed
bilqiegħda wkoll u quddiemi hemm żewġ nisa jitkellmu, donnhom ġejjin lura minn
ġurnata xogħol.
It-tnejn
xagħarhom xi ftit fl-isfar imma ġildhom tittimbrahom bħala Griegi. Waħda minnhom għandha mowbajl f’idejha antik,
minn dawk li l-batterija tagħhom twassal ġimgħa sħiħa neqsin xi siegħa. Tal-oħra mhux daqstant. Tidher li waħda qiegħda titkellem u l-oħra
tisma’ u kultant toffrilha x’taħseb.
Naħseb qed
tgħidilha fuq ma’ min qiegħda bħalissa.
Li ma tantx ikun
id-dar.
Li jħobb il-ħbieb
wisq.
Rari joħroġha
tiekol.
Imma kultant
jgħidilha kelma u jġibha għarkupptejha quddiemu, u jnessieha kollox.
L-oħra, l-matura
tidher qed tgħidilha, ħu deċiżjoni, poġġielu ħwejġu f’kaxxa u għidlu li darek u
ġismek mhux lukanda.
Wiċċha jimtela b’aktar
dieqa. Imma u mbgħad jidħol messaġġ
f’tal-matura u t-tnejn jaqrawh flimkien.
U jitbissmu, u
aktar milli jimtlew ferħ, jieħdu r-ruħ.
Fl-istazzjon ta’
Monastiraki jinżlu.
Ta’ ħdejja xi
daqsi u hekk kif niżlu, lissen xi ħaġa lejja bil-Grieg.
Għamiltlu sinjal
b’rasi li ma fhimtux.
‘Għidltek, kif
ġabuna’ qalli issa bl-Ingliż.
‘Għat-tnejn li
kien hawn quddiemna jaqaw?’
‘Hekk hu. Dawk jaħdmu flimkien. Waħda s-supervisor tal-oħra. Fejn jaħdmu, qalulhom li se jkeċċu
n-nies. Imma għallinqas dik illum
ħelsitha.’
‘Ħsibthom qed
jitkellmu fuq xi relazzjoni,’ weġibtu b’nofs daħka.
‘Ħe ħe ħe. Bħalissa aktar milli nitkellmu fuq min
inħobbu, nitkellmu fuq ma’ min iħaddimna.
U nofsna qegħdin f’relazzjoni kumplikata. Ġejna qisna dawk l-erba’ adoloxxenti li
jikbtu It’s complicated fuq l-istatus
tar-relazzjoni tagħhom fuq Facebook, biex ma jammettux li qegħdin
waħedhom. Id-differenza li aħna ma
nammettux li qiegħda jew kważi.’
Georgiós arkelologu. Tistenna li tiltaqa’ ma’ arkeoloġisti
fil-Greċja. Imma tistenniex li se
tiltaqa’ ma’ arkeologu jaħdem fil-Greċja.
L-arkeoloġija ilha ffriżata mill-2009 – mal-ewwel kriżi li ħarġet fil-beraħ
u l-gazzetti Ewropej bdew jitkellmu fuq il-Greċja aktar milli tkellmu fuq pajjiżhom
stess.
Issa sar gwida
indipendenti li joffri tours madwar
il-parti storika ta’ Ateni b’xejn, u wara tlett siegħat li jkun għoddu nħanaq
jispjega u kultant jitbaqbaq jgħidlek li jekk għoġbok, ‘napprezza tip’.
L-arkeoloġija
imma ma telqitux. U d-dilemmi li toffri
l-arkeoloġija għadhom fih.
‘Tajna
d-demokrazija lid-dinja u aħna konna għadna b’dittatur sal-1974. Każ tal-iskarpan biż-żarbun imqatta’ jew każ
ta’ li ma tajniex widen mill-akbar biża’ ta’ kull demokratiku – il-ħolqien tad-demagogue, dak li għalih id-demokrazija tfisser
biss li jiġbed aktar nies miegħu mir-rival tiegħu. Bħal dak li jħoss li jirbaħ l-argument meta
jgħajjat aktar minn ta’ quddiemu. U
d-demagogues ħaġa waħda jġibu: korruzzjoni.
Issa falluti. Il-ġenerazzjoni t’issa mħassra darba għal
dejjem. U nwaħħlu f’kulħadd barra fina
nfusna. U għad għandi ħbieb li ma
joħorġux jivvutaw. Insew li idjota għalina kienet tfisser xi ħadd li
ma jridx jipparteċipa fid-demokrazija. U
jekk ma tridx tipparteċipa f’demokrazija, fiex trid tipparteċipa?’
Haris għalliem
tal-Ingliż. Jaħdem fi skola tal-lingwi. Meta tkun għalliem, bilfors trid tħallas
it-taxxi. U meta jisma’ lil Christine Lagarde
tal-IMF tgħid li l-Greċja qiegħda fejn hi għax ħadd ma jħallas taxxi jħossu
bħal dak li qabdu kankru mingħajr qatt ma pejjep sigarett. Mill-2009 ‘l hawn tilef 30% tas-salarju. Il-flett fejn joqgħod imma għallinqas ma tilfux. Tilef biss kamartu. Kamartu beda jikrieha fuq l-internet u hu ħa
dik li kienet qabel il-kamra ż-żejda, u ġie l-mistieden f’daru stess.
‘Imma għallinqas
ma ngergirx. Hawn ħafna agħar
minni. Minn klassi ta’ erbatax, għaxra
ma jaħdmux, u ġew jitgħallmu flok joqogħdu d-dar. Uħud minnhom imma d-depression serqitilhom l-luċidità.
Jew jien m’għadniex naf nispjega bħal qabel. Waħda minnhom.’
Fis-17 ta’
Novembru, Dimitris ħareġ mid-dar u mar jimmarċja lejn il-pjazza ta’ Syntagma
biex ifakkar l-waqgħa tad-dittatorjat fl-1974.
Mexa wara l-vann bil-bandiera tas-Syriza, aktar b’vizzju milli b’konvinzjoni.
‘Kont fis-Syriza
għax kien il-partit li ma jagħmilx kompromessi u issa l-mexxej tagħna qed Prim
Ministru għax għamel ħafna kompromessi. Imma
forsi kont dejjem kontra l-kompromessi għax qatt ma kont veru dahri mal-ħajt.
Iż-żewġ ħuti
telqu. Wieħed Franza, wieħed
l-Ingilterra. Nimmisjahom imma naħseb li
kieku qegħdin it-tlieta li aħna lura lejn id-dar ħlief niġġieldu m’aħniex. Jien għadni ma tlaqtx. Ix-xogħol fiss ilni li tliftu, u naħdem ftit
ta’ wejter fi tmiem il-ġimgħa biss.
L-aħħar li ħriġt
sew kienet l-għada tar-referendum f’Lulju u għaddiet l-Oxi – l-Le. Dakinhar iddeċidejt
li ninsa kollox , iltqajt ma’ żewġ ħbieb antiki, xtrajna ħafna alkoħol irħis u
sirna żibel. L-aħħar darba li kont sirt hekk kien ħdax –il sena ilu meta rbaħna
t-Tazza tal-Ewropa fuq il-Portugall.
Dakinhar l-għada
qomt b’rasi qartalla ovvjament. Imma
lanqas pillola ma ħadt. Kont biss
infqajt nidħak. Ħassejtni mimli b’ferħ u kburija, u b’rasi għadha ttektek
ftehmt ma’ sħabi biex immorru l-ajruport nilqgħu t-tim.
F’Lulju li għadda
ukoll qomt b’rasi qartalla. Imxejt sal-kċina
u missieri laqgħani b’ ‘X’mort tiċċelebra?
Sibt xi xogħol?’
U wara lissinli, ‘Varoufakis
irriżenja.’
U flok infqajt nidħak
bħal ħdax –il sena ilu, ħarist lejn l-art għax ma flaħtx għajnejn missieri u ħassejt
vojt ta’ ġiebja qoxqox.
Imxejt lejn fejn
iżommu l-pirmli ż-żewġ xjuħ tiegħi, biex nibla’ waħda waħda daqslikieku kienu lakumja,
imma sibtha vojta. Il-gvern m’għadux jagħti
b’xejn u l-pensjoni ma twassalx.’