Saturday, May 2, 2015

Sharon u l-Kunjata

Ġimgħatejn ilu, għedt li kien vjaġġ twil, imġebbed u li kien fih ħafna tidwir.

Illum, ġimgħa u ftit wara li għaddiet it-tnedija tal-ktieb, ngħid, li l-vjaġġ wassal ħafna aktar milli qatt pproponiet il-mappa.  Kien hemm mumenti meta kelli mappa f’idi imma ma kontx naf mnejn titla’ x-xemx jew fejn hi t-tramuntana.  Fl-aħħar mill-aħħar il-mappa ntwiet u l-esperjenza espandiet.  Jekk forsi kien hemm xi fruntieri, qbiżthom mingħajr ma naf.  Fruntiera wara kollox kull ma hija illużjoni li sfortunatament issir realtà minn min għandu l-poter u irid ibeżża’.

Irrealizzajt dan kollu meta l-għada tat-tnedija, qtajtha li nagħmel passejn ħdejja u minflok spiċċajt kilometri ‘l bogħod mid-dar.  Ħallejt ix-xemx ta’ April taħraq fuqi bil-mod u ttektikli ħsibijieti bħal forn itektek dixx għaġin il-forn Ħadd filgħodu sħiħ sabiex ta’ fuq iqarmeċ, u l-bqija jitbennen.

L-udjenza fit-tnedija kienet meraviljuża.  Fis-siegħa ta’ qabel, ħassejtni kuntent nara n-nies ġejjin.  Ħbieb, familjari, u nies li qatt ma rajt.  Is-sala kienet għoddha mtliet.  Kelma ‘l hemm u ‘l hawn mal-udjenza u l-ħin gerbeb.  Imma fi x’ħin wasal biex jibda kollox, nammetti li ħassejt idejja jixxarbu ftit bl-għaraq u bdejt nirrealizza li llum iċ-ċelebrazzjoni ta’ kollox.

Ħadt gost nisma’ kliemi moqrija minn Mireille, imma qalbi kienet qed tħabbat aktar milli meta nkun qed noqrob il-barkun f’tellieqa.

Għall-ewwel mistoqsija, kont bħal suldat li f’daqqa waħda xegħlu t-torċ f’għajnejh.  Imma d-dawl malajr drajtu, għax wara kollox kif jista’ fil-ħajja jdejqek id-dawl? 
Stqarrejt li aktar milli restrizzjoni waqt it-traduzzjoni ħassejt lealtà lejn il-kliem u l-istejjer ta’ Suad Amiry.  Kien ta’ obbligu għalija li noħroġ l-istejjer minn Ramallah kif inhuma, u ħadt pjaċir nilgħab bil-kliem, ngħaqqad is-sentenzi ta’ din il-persuna li kienet b’xi mod rebħet qalbi f’Ġnien il-Mistrieħ waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura.

Ħassejt hena nisma’ lil Suad titkellem fuq esperjenzi tagħha mill-ktieb stess u minn fejn kont nara l-udjenza minn daqqiet titbissem, drabi oħra tidħak, oħrajn titkerrah, bħal meta joqorsok xi ħadd jew jgħidlek minn xiex kellu jgħaddi.

Parti minni tixtieq li dan kollu għadu ġej.  Il-parti l-oħra kuntenta li għexet dan il-vjaġġ, u li taf li l-persuna li jiena llum mhux l-istess persuna ta’ ġimgħa ilu.  Kull inkontru jibdilna.  Ċert li kieku ma rajtx u smajt lil Suad Amiry fil-Festival Mediterranju kont nara l-ktieb b’mod differenti.  Ma naħsibx li kien jgħaddili minn moħħi nittraduċieh, u nqatta’ tant jiem miegħu.


U hekk kif it-Tnejn, mort insellem għall-aħħar darba lil Suad fl-ajruport irrealizzajt kemm hi sempliċiment klixè li qatt ma għandek tiltaqa’ ma’ eroj tiegħek.  Minflok diżappunt qed inħoss urġenza biex ngħix għal darba fil-qrib Ramallah u l-inħawi.  Meta, naraw aktar tard.