Saturday, December 28, 2013

Ħamiema



M’iniex bajda u għalhekk ma naħsibx li nista’ nitqies bħala simbolu ta’ paċi.  Waħda mill-griżi li ssib f’kull belt.  Ma nsaffarx.  Ma ngħanniex.  Inbarrak biss.  Ma nafx nibni bejta.  Fil-fatt insib il-kenn f’barumbara, minflok f’xi siġra.

Illum imma tlaqt mill-belt.  U minflok mort f’raħal.  Raħal li jidher antik u jaqbel mal-griż tiegħi imma jsejħulu ġdid.  Imtlejt bit-tama li forsi allura xi darba lili flok ħamiema jsejħuli verdun.  Jew aħjar li jistmawni ta’ wieħed.

Sibt ruħi f’dan il-bini kbir b’bitħa enormi f’nofsu.  Tieqa waħda ħdejn l-oħra.  Ċkejkna.  Daqs il-garżelli tal-pustiera li ħadu xogħol l-antenati tiegħi.

F’salt wieħed sibt ftit frak tal-ħobż u naqqart.  Min kien ġewwa kellimni.  B’lingwa li ma tinftiehemx.  Jien tajt żewġ daqqiet b’rasi.  Wara ġie xi ħadd ieħor.  Ma kellimniex.  Kellem lil min kien qed ikellimni.  Din id-darba fhimtu.  Qallu li jien qed ngħatti ‘l ftit dawl li dieħel.


U tlaqt bil-kwiet bħal antenat li jaf li qed iġorr aħbar ħażina f’munqaru, imma li jaf li serraħ lil min bagħtu biha.

Għal darb'oħra grazzi lil Pawlu Mizzi tar-ritratt inspirattiv tiegħu.