Ħarist ‘il fuq
bħas-soltu. Ix-xemx għajjiena u ma
għamitniex. Is-sħab għattewha. Imma mingħajr wisq forza. Qishom qed jgħidulha illum mhux il-ġurnata
tiegħek imma billi tittawwal ftit mhux se niġġieldu. U s-sħab baqa’ bajdani, qisu s-suf ta’ nagħġa
li marret tirgħa fil-wied u wara li meliet żaqqha ħadet ħsieb li tinżel ftit
fl-ilma titlaħlaħ ħalli r-raħħal jtaptpilha ftit rasha b’ċertu ġentilezza u
jgħidilha, ‘imma inti kif qatt ma titħammeġ?’
L-enormita
ġġiegħlni tħossni żgħir bħal meta nħares lejn il-baħar. Imma hemm fuq m’hemm interrozjoni ta’
xejn. M’hemmx blat fejn l-ilma jiltaqa’
u jwaqqaf il-mewġ. Lanqas irziezet
tal-ħut li jtappnu ftit il-veduta. Hemm
baħħ u minimaliżmu li jimla kollox fl-istess ħin.
Imma issa qed
nara sinjal jaqta’. Imma das-sinjal mhux
bħal meta tagħmlu fuq ħġieġa, fuq injama, fuq karta, fuq wiċċek jew
jagħmluhulek f’qalbek. Dan daqt jisfa
fix-xejn u taf jien biss qed narah bħalissa.
Qed ‘il fuq, ‘il fuq. Ma naħsibx
li xogħol xi ajruplan tar-Ryanair li ma jmurx ‘il bogħod wisq.
Qed naħseb li
x’aktarx xi ajruplan kbir, li se jaqbeż il-fruntieri Ewropej. Min qed fih x’aktarx mhux japprezza fejn
qiegħed. Qiegħed bil-qegħda mitluf fi
ħsibijietu, f’xi ktieb jew f’xi film li taf qed jarah aktar biex joqtol il-ħin
milli għax irid jarah. U ma jafx li
l-vettura li qed fih qed iħalli s-sinjali warajh.
U se jaqsam minn
pajjiż għall-ieħor u fejn se jieqaf mhux se jsaqsuh kif kien is-sħab hemm fuq,
imma sempliċiment fejn hu l-passaport.
Dawn l-erba' kelmiet huma mnebbħa mir-ritratt ta' hawn fuq li għal darb'oħra huwa xogħol sieħbi Pawlu Mizzi. Midjun lejk ħabib.