Il-passaport
aħmar waħdu bi kliem sofor kulur id-deheb.
Il-bandiera hawnhekk bajda u ħamra, u flok kliem bid-deheb, salib
griż. Poeta Nomadu u li jikteb bil-Malti,
Antoine Cassar ifakkarni li l-passaport huwa biċċa dokument li hawn min għamlu
bżonnjuż meta fil-fatt m’hemmx bżonn tiegħu.
Tkun barra ikollok tieħu ħsiebu aktar mill-kartiera. Qisek dak li jpejjep u jistqarr li ġismu
għandu bżonn in-nikotina. U jitfa’
n-nikotina f’ġismu, daqs li kieku l-aktar ħaġa naturali u instintiva għall-ġisem. B’mod simili ħolqulna l-passaport. Biex naqsmu minn post għall-ieħor. Qisu d-dinja mhux waħda. Inħolqu fruntieri biex qisu jkollna pakketti
tas-sigaretti differenti mill-oħrajn.
Daqs li kieku mhux kollha nikotina u tabakk għandhom. U mhux kollha duħħan jipproduċu, li jġagħluk
tisgħol agħar milli meta jkollok riħ u ddejjaq u tnitten lil ta’ ħdejk bihom.
Fid-dgħjufija
tiegħi l-bandiera kultant naraha tixgħel.
Oħrajn biċċa drapp mimlija mugrufun.
Bħal mara li kultant taraha ordinarja u oħrajn qisha personifikazzjoni
ta’ dak kollu li hu sabiħ. U mhux ir-riħ
u jekk tperpirx jew le li tagħmilli din id-differenza. Inkun il-barra minn din il-biċċa art bi
fruntieri matul il-baħar Mediterran u b’xi mod nilmaha, x’aktarx ma’ xi uffiċju
tal-AirMalta u nħoss rehxa ma’ ġismi.
Qisu l-mument preżenti mhux biżżejjed u li qtajt biljett biex tinqata’
ftit minn dik l-art kien xi żball. Trid
tmur lura lejn dak li ħrabt minnu imqar għal ftit jiem. Bħal meta titla’ quċċata ta’ muntanja u
minflok tgħożż il-veduta u s-sħab taħt saqajk tehwden li t-telgħa kollha li
tlajt issa trid tinżilha l-isfel. Bħal
li kieku issa li rbaħt ix-xjaten kollha biex tlajt mhux kull qaddis se jgħinek
għan-niżla.
Imma forsi
bħalissa qed nara l-iswed biss. Għax
forsi l-griż ta’ din il-bandiera bil-fors ifakkrek fil-gwerra. U jekk gwerra mhix sewda ma nafx x’jista’
jkun iżjed iswed. Għax bandiera
fl-Olimpjadi titla’ bil-mod il-mod u kulħadd japprezzaha. Ma jkunx hemm min isaffar. Kultant tfakkrek li hawn irkejjen oħra
tad-dinja li jekk m’għandhomx isem jew bandiera , inti qatt ma titħajjar iżżur
jew tesplora dik ix-xi ħaġa ta’ seħer li żgur li għandhom differenti minn
irkejjen oħra.
Umbgħad hemm
fenomenu ieħor. Fenomenu ta’ nies bla
passaport u wisq anqas bandiera. Għax
forsi l-passaport irmewh waqt li qed jaqsmu baħar kiefer li kien deher li se
jiblagħhom. U minkejja li fir-realtà
qatt ma kien hemm bżonnu, dak li jkun hemm mal-fruntiera bħall-ġisem li dara n-nikotina
u meta ma ttihilux itertqek minn ġewwa.
Għal darba oħra, dawn l-erba kelmiet kienu inspirati mir-ritratt ta' hawn fuq li ttieħed minn sieħbi Pawlu Mizzi.